Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #17209 Sitting 400 2020-11-16 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Studenti li ma għaddewx mill-eżamijiet

Question

Peress li xi studenti setgħu ngħataw l-impressjoni minn dikjarazzjonijiet fil-media li minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari setgħu jkomplu bl-istudji universitarji tagħhom, mal-Università ta’ Malta, anke jekk ikollhom resits minħabba li din is-sena l-eżamijiet ta’ Mejju ma sarux; u peress li issa studenti li ma ġabux il-marki neċessarji fis-sessjoni ta’ Settembru qed jingħadilhom li “Unfortunately, if you have not obtained the 36 points by the first sitting of September 2020, you shall be withdrawn from the course” li effettivament ifisser li anke jekk jagħmlu l-eżamijiet f’Mejju li ġej, minħabba li m’hemmx sessjoni oħra u ċans ieħor kif normalment ikollhom l-istudenti, dawn l-istudenti ma jistgħux ikomplu bl-istudji tagħhom: jista’ l-Ministru jispjega eżatt kif il-proċess qed isir?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Università ta' Malta ħarġet stqarrija uffiċjali dwar il-materja li qed niġi interpellat dwarha. Kopja tal-istqarrija, fil-verżjoni kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #17210 Sitting 400 2020-11-16 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Is-Siġġiewi – pick up point tal-istudenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jżomm lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol milli jieħu passi immedjati biex jissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà ta’ tfal mil-lokalità tas-Siġġiewi (ħdejn id-Dolce Miele) li biex jirkbu t-trasport għall-iskola qed ikollhom jaqsmu triq perikoluża li bażikament hija salib it-toroq? Ma jaħsibx li dan il-periklu għal tfal ta’ 10 snin mhux neċessarju u huwa żejjed u jista’ jiġi evitat b’sempliċi struzzjoni mill-Ministeru? Għaliex inbidel il-pick up point min kif kien fl-aħħar snin? X’inhu jżomm lill-Ministeru li ilu jirċievi korrispondenza dwar dan il-periklu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-trasport bla ħlas għall-iskejjel tal-Istat jaħdem b’sistema ta’ pick-up/drop-off points. Kull student jiġi assenjat punt wieħed – f’dan il-każ biswit id-Dolce Miele, Siġġiewi. Minħabba li filgħodu u wara nofsinhar, il-vetturi ħafna drabi jkunu ġejjin minn direzzjonijiet differenti, huwa normali li, sakemm triq ma tkunx one way, filgħodu t-tfal jinġabru minn naħa tat-triq u wara nofsinhar jitniżżlu n-naħa l-oħra. Din is-sitwazzjoni mhix esklussiva għall-punt inkwestjoni u hija sistema simili għal dik tal-bus stops tat-trasport pubbliku. Wieħed irid ukoll iżomm f’moħħu li t-tfal li jużaw dawn il-pick-up/drop-off points ma jkunux joqgħodu kollha fuq l-istess xaqliba tat-triq; għalhekk huwa inevitabbli li xi tfal ikollhom jaqsmu xi triq/toroq biex jaslu fuq/jitilqu mill-punt tagħhom. F’dan il-każ speċifiku, hemm zebra crossing ftit metri bogħod mid-Dolce Miele minn fejn it-tfal flimkien mal-ġenituri tagħhom jistgħu jaqsmu t-triq min-naħa għall-oħra b’mod sigur skont ir-regolamenti tat-traffiku. Tenut kont xi feedback li daħlilna, qed nanalizzaw is-sitwazzjoni.

Transparency Register

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta kopja tat-Transparency Register li wiegħed li kien ħa jniedi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xhur li għaddew iffinalizzajna sistema diġitali flimkien mal-awtoritajiet kompetenti filwaqt li kull individwu li daħal il-Ministeru għal laqgħat kemm miegħi u kemm mas-segretarjat tiegħi f’dawn l-aħħar disa xhur ittihdulu id-dettalji tiegħu. Fil-frattemp, il-Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika għaddej b’ħidma fuq sistema ta’ “Lobby Register” allura jkun tajjeb li wieħed jistenna l-eżitu ta' dan il-proġett qabel ma jitkompla l-proġett tat-transparency register tant biex il-pajjiż jaqbel fuq mudell wieħed.

Extended Producer Responsability

Question

Peress li l-baġit għas-sena d-dieħla jgħid li l-Gvern se jżid il-miżuri tal-Extended Producer Responsibility, jista’ l-Ministru jgħid liema waste streams ġodda beħsiebu jintroduċi biex jiżdiedu mal-packaging, electronic waste u batteries?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nikkonferma li kif intqal fid-diskors tal-budget il-produtturi għandhom rwol kruċjali fl-immaniġġjar tal-iskart f’pajji¿na u li fiż-żmien li ġej se jitwessgħu skemi eżistenti fosthom dawk li jkopru l-iskart mill-ippakkjar u t-tagħmir elettroniku. Aktar dettalji ser ikunu qed jingħataw fil-futur hekk kif dalwaqt ser inkunu qegħdin noħorġu għall-konsultazzjoni pubblika il-Pjan l-ġdid għall-Immaniġġar tal-Iskart għas-snin li ġejjin.

Ftehim bejn il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, l-FKNK u l-ERA

Question

B'referenza għal ftehim li sar bejn il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), jista’ l-Ministru jgħid jekk dan hux sempliċement Memorandum of Understanding jew jekk hemmx penali jekk ma jiġix segwit?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li ġa ngħataw għad-diversi mistoqsijiet li ġa saru dwar il-materja fosthom 16709 u 16551.

Ftehim bejn il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, l-FKNK u l-ERA — Due Diligence

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema due diligence sar fuq il-partijiet għal dan il-ftehim iffirmat bejn il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u liema progress reports u rendikonti ta’ xogħol fil-Miżieb u l-Aħrax saru u jippreżenta kopji ta’ dawn id-dokumenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-MoU in kwistjoni li tiegħu ġa tqiegħdet kopja fuq il-Mejda tal-Kamra, Nitolbu wkoll jirreferi għall-fatt li dan l-MoU ma jikkontempla l-ebda ħlas lill-FKNK. Għalhekk nixtieq li l-Onor. Interpellant jgħidilna għal liema tip ta’ due diligence qed jirreferi għalih, anke fid-dawl tal-fatt li l-MOU in kwistjoni isegwi ftehim ieħor bejn l-FKNK u l-Awtorità tal-Artijiet u li tiegħu wkoll tpoġġiet kopja fuq il-Mejda tal-Kamra. Għar-rigward tal-progress reports, l-MoU jobbliga l-partijiet li jiddiskutu Work Plan għaż-żoni protetti fis-siti li l-immaniġġar tagħhom ġie mgħoddi lil FKNK permezz ta’ ftehim separat, liema Work Plan irid jiġi maqbul bejn il-partijiet

Il-Mellieħa – Triq Għar u Casa — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti assigurazzjoni b’dati preċiżi meta se titlesta Triq Għar u Casa fil-Mellieħa u dan allura jkun jista’ jserraħ ras ir-residenti li joqogħdu f’dawn l-inħawi li ilhom isofru inkonvenjent għal numru ta’ snin, apparti wkoll li din it-triq kienet indikata u meqjusa bħala prijorità?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-triq li qed issir referenza għaliha hija triq ġdida b’għadd ta’ bini li għadu qed jiġi żviluppat. L-iżviluppaturi ta’ dan il-bini residenzjali għadhom ma ffurmawx it-triq hekk kif stabbilit mill-liġi. Infrastructure Malta tkun tista’ tlesti l-wiċċ ta’ din it-triq bl-asfalt hekk kif l-iżviluppaturi konċernati jkun ffurmawha b’mod sħiħ, bħal ma jiġri f’kull triq ġdida oħra.

Infrastructure Malta – Ix-Xemxija – bini mill-ġdid tat-triq li twassal sa quddiem il-Knisja

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta Infrastructure Malta ser tkun qed tibni mill-ġdid it-triq li tagħti minn ħdejn il-Bajja tax-Xemxija sa quddiem il-Knisja tax-Xemxija, liema triq għandha partijiet minnha li kontinwament qed jikkawżaw ħsarat lil numru ta’ vetturi, apparti perikli għas-sewwieqa li jagħmlu użu minn din it-triq arterjali?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 13344 li twieġbet f’Seduta 307 saret mill-istess Onorevoli Interpellant u nżid li peress li l-entitajiet terzi li jeħtieġ jagħmlu xogħlijiet ta’ trinek f’din il-parti tat-triq indikaw li x-xogħol ser isir dalwaqt, Infrastructure Malta pposponiet ix-xogħol ta’ tiswijiet ta’ wiċċ it-triq għal wara li jitlestew ix-xogħlijiet tat-trinek. Hekk kif isiru dawn ix-xogħlijiet, l-aġenzija tkun tista’ tirranġa din it-triq kif meħtieġ.

MFSA – lista ta’ direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta' direct orders li ngħataw mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) inkluż ir-referenza għan-numru tal-kuntratt, in-natura tal-kuntratt u lil min ingħata, id-data li fih ingħata u d-data li l-kuntratt ġie approvat mill-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji mill-2018 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba d-domanda?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Pembroke – Triq Mediterran – infrastruttura fuq ix-xagħri/garique

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet għal xi tip ta’ flyover, triq, mina jew infrastruttura oħra fuq ix-xagħri/garique biswit Triq Mediterran Pembroke, u jekk iva, kif dawn ser jaffettwaw is-sit Natura 2000 u jippreżenta l-pjanti relattivi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja bl-ippjanar ta’ Pembroke-St Julian’s Connections, proġett estensiv ta’ titjib tat-toroq arterjali fl-inħawi tas-Swieqi, Pembroke u San Ġiljan, sabiex ittaffi d-diffikultajiet eżistenti ta’ konġestjoni u tniġġis tal-arja ta’ dawn l-arterji fuq iż-żoni residenzjali viċin tagħhom, filwaqt li tħejji l-infrastruttura tat-trasport għall-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar ta’ dawn l-inħawi fis-snin li ġejjin. Dan il-proġett jinkludi l-bini mill-ġdid ta’ Triq Sant Andrija u parti minn Triq il-Kosta, it-tneħħija ta’ diversi sistemi ta’ traffic lights u djuq oħrajn li hemm fit-toroq tul din ir-rotta, kif ukoll it-tħaffir ta’ diversi mini ġodda biex jiffaċilitaw l-aċċess b’mod aktar sigur u effiċjenti minn u lejn Pembroke, Paceville, San Ġiljan u s-Swieqi. B’dan it-titjib, Infrastructure Malta qed timmira li ttejjeb il-kapaċità ta’ din il-ħolqa ta’ toroq arterjali biex jonqsu d-diffikultajiet ta’ volum kbir ta’ vetturi li bħalissa jgħaddu minn għadd ta’ toroq residenzjali fl-inħawi ta’ Pembroke, is-Swieqi u San Ġiljan, kif ukoll it-tniġġis fl-arja, storbju u riskji ta’ aċċidenti li dawn iġibu magħhom. Wara li tħabbar il-proġett u l-proposti inizjali tiegħu is-sena li għaddiet, bħalissa għaddejjin diversi studji u konsultazzjonijiet estensivi sabiex id-disinn ta’ dan il-proġett jiġi ffinalizzat u ppreżentat lill-awtoritajiet tal-ippjanar għall-kunsiderazzjoni tagħhom. Fl-istess waqt, l-istess studji u konsultazzjonijiet qed janalizzaw l-impatti kollha ta’ dan il-proġett, sabiex dawk tajbin jiġu msaħħa u mkattra, filwaqt li dawk mhux mixtieqa jiġu evitati jew imnaqqsa kemm jista’ jkun. Iż-żona indikata f’din il-mistoqsija tifforma parti minn Pembroke, waħda mil-lokalitajiet li ser jibbenefikaw minn dan l-investiment infrastrutturali. Meta Infrastructure Malta tlesti dawn l-istudji u konsultazzjonijiet tekniċi, il-pjanti ta’ dan il-proġett ikunu jistgħu jiġu ffinalizzati u ppreżentati lill-awtoritajiet għall-konsultazzjonijiet pubbliċi skont il-ħtieġa, u għall-kunsiderazzjoni finali tagħhom. Il-Gvern huwa kommess li jkompli għaddej bl-investiment bla preċedent tiegħu sabiex Malta jkollha l-infrastruttura li tixirqilha, infrastruttura ta’ kwalità għolja li tibqa’ tilqa’ għall-ħtiġijiet ta’ komunitajiet differenti, filwaqt li tixpruna l-progress u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku bl-aktar mod sostenibbli.

Bereġ tas-Saħħa — konsenja tal-influwenza

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser tasal il-konsenja tal-influwenza u tkun tisponibbli mill-ġdid fil-bereġ tas-saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tieni konsenja ta’ tilqim tal-influwenza se tibda’ tingħata aktar tard dan ix-xahar.

In-Naxxar – Triq ir-Ramla u Triq il-Prinjoli – dawl fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jara li t-talbiet li ilhom quddiem l-Enemalta sa minn Lulju li għadda, sabiex Triq ir-Ramla u Triq il-Prinjoli, li jinsabu fil-konfini tan-Naxxar, jiġu mdawla b’dawl ġdid, peress li fiż-żewġ toroq hemm problema ta’ nuqqas ta’ dawl?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Enemalta plc irċeviet talba mingħand il-Kunsill Lokali tan-Naxxar dwar it-toroq li għalihom saret referenza fil-mistoqsija parlamentari, u bħalma huwa stabbilit fil-proċedura li hija attwata f’każijiet simili, il-Kunsill Lokali ġie i nfurmat li hija fir-responsabilita’ tal-istess Kunsill Lokali li ssir l-installazzjoni ta’ dawn il-lampi. Hekk kif issir din l-installazzjoni, Enemalta plc tkun f’pożizzjoni li tipprovdi l-provvista tal-elettriku lil dawn il-lampi.

PBS – Chairman u CEO – nefqa fuq hospitality u restaurants

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ kemm nefqu f’hospitality u f’restaurants, iċ-Chairman u s-CEO tal-PBS sena b’sena mill-2015 sal-lum?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Tneħħija ta’ sentenzi mill-website tal-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ dawk il-kawżi tal-Qorti kemm kriminali u kif ukoll ċivili li tneħħew mill-website tal-Qorti - ecourts - bid-dati tas-sentenzi, partijiet u ismijiet involuti, referenza tal-Qorti, raġuni għalfejn tneħħew, data ta’ meta ntalbu jitneħħew u isem min talab li jitneħħew?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Ħaddiema - Telework

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li applikaw għat-teleworking? Kemm minnhom ingħataw il-permess? Kemm minn dawk li applikaw kienu nisa u kemm minnhom irġiel? Kemm minn dawk li fil-fatt ħadmu (jew qed jaħdmu) permezz tat-teleworking kienu nisa u kemm minnhom irġiel?

Response (BONNICI, OWEN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16813, infurmat li mit-tagħrif mogħti dwar ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt il-MEDE, ħlief għal entità waħda li referenza għaliha qed issir fil-paragrafu li jmiss, mill-1 ta’ Marzu 2020 sas-27 ta’ Ottubru, kien hemm 475 talba approvati li minnhom 331 kienu nisa u 144 irġiel. Kien hemm ukoll 12-il applikazzjoni pendenti waqt li sitta ma ngħatawx permess. Inqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni relatata mal-Università ta’ Malta.

Ministeru għas-Saħħa — Ħaddiema li huma minn skala 6 ’l fuq

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, fil-mument li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li huma minn skala 6 ’l fuq? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fid-dipartimenti u l-entitajiet tal-Ministeru għas-Saħħa hemm 1404 li huma ħaddiema minn skala 6 ‘l fuq jew ekwivalenti. Minn dawn hemm 596 li huma nisa u 808 li huma rġiel.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Ħaddiema li huma minn skala 6 ’l fuq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, fil-mument li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li huma minn skala 6 ’l fuq? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’ seduta oħra.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Ħaddiema li huma minn skala 6 ’l fuq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, fil-mument li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li huma minn skala 6 ’l fuq? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-għadd ta’ ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt dan il-Ministeru hu ta’ 455, li minnhom 322 huma rġiel u 133 nisa.
Leg 13 PQ #16878 Sitting 399 2020-11-11 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema li huma minn skala 6 ’l fuq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, fil-mument li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li huma minn skala 6 ’l fuq? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-Gozo Channel topera bi ftehimi kollettivi differenti minn dawk tas-settur pubbliku, l-iskali tal-pagi ma jikkorispondux ma’ dak rikjest.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Ħaddiema li huma minn skala 6 ’l fuq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, fil-mument li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li huma minn skala 6 ’l fuq? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tinghata f’seduta oħra.