Legislature:
Category:
Reset
Active:

Professjonisti mediċi li ħarġu bil-kwarantina

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm professjonisti mediċi li jaħdmu mas-settur pubbliku li ħarġu bil-kwarantina bħalissa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi preżentament hemm 151 professjonisti mediċi li jaħdmu fid-dipartimenti tal-Ministeru għas-Saħħa li qedgħin bil-kwarantina.

Sptar Mater Dei – nuqqas ta’ nurses

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm nuqqas ta’ nurses fl-Isptar Mater Dei illum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-aħħar 7 ġimgħat ġew impjegati 44 infermiera ġodda sabiex tkompli tintleħaq id-domanda għas-servizzi li dejjem ji¿diedu provduti mis-servizz nazzjonali tas-Saħħa. Ninfurmaha ukoll illi fil-jiem li ġejjin ser ikunu qed jiġu mpjegati 11 il-infermier ġdid ieħor.

ITU – 115-il sodda – infermiera u anestetisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx biżżejjed infermiera u anestetisti biex jieħdu ħsieb il-115 sodda tal-ITU li ħabbar fil-parlament l-istess Ministru?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kontinwament qed isir it-taħriġ adekwat lil-infermiera kif ukoll tobba minn speċjalitajiet u oqsma differenti sabiex ikunu jistaw jassistu lill-pazjenti kollha li jkunu qed jieħu l-kura fl-ITU.

COVID-19 – kumpens għal persuni li kellhom jikru post għall-kwaratina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ kumpens se jingħataw dawk il-persuni li kellhom jikru fejn jgħixu għall-perjodu ta’ kwarantina minħabba l-pandemija tal-COVID-19, speċjalment dawk li kienu tilfu xogħlhom minħabba l-istess pandemija?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

COVID-19 – kumpens għal persuni li kellhom jikru post għall-kwaratina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ kumpens se jingħataw dawk il-persuni li kellhom jikru fejn jgħixu għall-perjodu ta’ kwarantina minħabba l-pandemija tal-COVID-19, speċjalment dawk li kienu tilfu xogħlhom minħabba l-istess pandemija?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat
Leg 13 PQ #17154 Sitting 401 2020-11-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Konsulenzi u pariri mogħtija minn konsulenti u avukati — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena x'inhu l-ammont minfuq fuq konsulenza u pariri mogħtija minn konsulenti jew avukati għar-rigward xogħol u pariri legali mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Lil min tħallsu dawn l-ammonti sena b'sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #17155 Sitting 401 2020-11-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Skeda ta' pagamenti fuq proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-iskeda tal-pagamenti kif stipulat f'kull kuntratt li sar mal-Kummissjoni Ewropea dwar proġetti f'Għawdex kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex m’għandux kuntratti iffirmati mal-Unjoni Ewropea. Il-kuntratti li l-Ministeru għandu rigward proġetti f'Għawdex, u li huma kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 huma iffirmati kif gej: 1) Rigward proġetti kofinanzjanti minn fondi indiretti, il-kuntratti huma ffirmati mal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni; 2) Filwaqt li rigward proġetti kofinanzjanti minn fondi diretti, il-Ministeru huwa Partner ma’ Ministeru ieħor (Lead Partner) u għaldaqstant il-kuntratt huwa ffirmat mal- Lead Partner .
Leg 13 PQ #17156 Sitting 401 2020-11-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — xogħol ta' security guards

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni impjegati ma' kuntratturi privati u li kienu qed jagħmlu xogħol ta' Security Guards għall-Ministeru għal Għawdex jew entitajiet li jaqgħu taħtu u l-postijiet ġewwa Għawdex fejn kien qed jingħata dan is-servizz u f'kull post kemm kien hemm Security Guards u l-ħinijiet li kienu qed jagħtu dan is-servizz sena b'sena mis-sena 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża fuq dan is-servizz, jekk ingħatawx permezz ta' Tender jew Direct Order kif ukoll l-isem tal-kumpaniji li taw dan is-servizz sena b' sena mis-sena 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Projects Malta — proġetti għal Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta' proġetti wettqet l-entità Projects Malta ġewwa l-gżira ta' Għawdex minn meta twaqqfet sal-lum u x'kien il-valur tagħhom? Jista’ jgħid ukoll x'proġetti hemm ippjanati li jsiru minn Projects Malta ġewwa Għawdex matul is-sena 2020 u s-sena 2021?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Projects Malta Ltd se tkun qed tistudja numru t’ideat li potenzjalment jistgħu jissarrfu fi proġetti.
Leg 13 PQ #17158 Sitting 401 2020-11-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn — proġett ta' breakwater

Question

B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-19 ta' Jannar 2019 ġewwa Marsalforn rigward il-breakwater, tenut kont tal-fatt li f'din il-konferenza kien hemm preżenti fost l-oħrajn il-Ministru għal Għawdex kif ukoll nies oħra min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex, jista' l-Ministru jgħid fil-konkret x'sar mid-data ta' meta saret din il-konferenza rigward il-breakwater sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn dik il-konferenza l’hawn ħarġu żewġ sejħiet għall-offerti pubbliċi; waħda għall-preparamenti tal-Project Description Statement u tal-Environmental Impact Assessment u l-oħra għall-Geotechnical Investigations. Sadanittant tkompla x-xogħol fuq l-immudellar tal-mewġ u l-effetti tiegħu skont id-disinn bażi tal- breakwater . Lejn l-aħħar tas-sena 2019 u l-bidu ta’ din is-sena, d-disinn reġa’ ġie emendat u bdew il-preparamenti sabiex tinħareġ sejħa oħra għall-offerti għall- Geotechnical Investigations skont dan id-disinn emendat. Din is-sena wkoll tkompla sew ix-xogħol fuq il- Project Description Statement u ntefgħet applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar. L-istudju tal-impatt tal-mewġ u tal-breakwater daħal fit-tielet u l-aħħar fażi tiegħu u qiegħdin jiġu mmudellati skont l-aħħar disinn.

Transport Malta — asfaltar ta' toroq

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16646 fejn staqsejt lil Ministru x'inhi r-raġuni li meta ssir kwalunkwe tip ta' trinka għal kwalunkweAwtorità/Dipartiment/Kumpanija Privata/Individwu madwar Malta u Għawdex kollha, minflok isir wiċċ temporanju bl-asfalt, kif kienet il-prassi sa seba’ snin ilu, dan il-wiċċ temporanju qed isir bil-lean mix bil-konsegwenza li malli tagħmel ftit xita, dan il-wiċċ jinqala’ u t-triq timtela bil-ħofor b'periklu għas-sewwieqa li jgħaddu mit-triq, jista' l-Ministru jgħid jekk ir-regolatur ta' xogħlijiet fit-toroq tagħna hijiex Transport Malta? Jekk ir-regolatur huwa Transport Malta, il-kundizzjonijiet biex isiru xogħlijiet fit-toroq ta' pajjiżna mhux din l-awtorità (u ċjoè Transport Malta) tagħmilhom? Jekk fl-affermattiv, allura mhux Transport Malta qiegħda tħalli lil diversi awtoritajiet / dipartimenti ma jagħmlux ir-reinstatement temporanju bl-asfalt?

Response (BORG, IAN)

Nieħu gost ninnota li l-Onor. Bezzina qed jirrealizza li x-xogħol fit-toroq illum m’għadux isir kif kien isir “seba’ snin ilu”. Nifhem li qed jalludi għal żmien l-amministrazzjonijiet ta’ Gvern Nazzjonalista, meta sfortunatament għalina llum, pajjiżna kien jara ferm inqas investiment fit-toroq milli kien hemm bżonn. Il-Gvern illum jagħraf li n-nixfa fl-investiment fit-toroq f’Malta u Għawdex qabel l-2013 hija r-raġuni ewlenija għaliex pajji¿na llum qed ikollu jagħmel sforz ferm akbar biex ikollna infrastruttura ta’ kwalità għolja, b’inqas riskji t’aċċidenti għal mezzi differenti tal-ivvjaġġar, b’inqas ħin fit-traffiku u inqas tniġġis tal-arja fil-lokalitajiet tagħna. Madankollu, il-Gvern dawwar din l-isfida f’opportunità, hekk kif qed ninvestu aktar minn €100 miljun fis-sena għal toroq aħjar f’pajjiżna. Sa seba’ snin ilu, ftit li xejn kienu jinbnew toroq mill-ġdid. Għalhekk, it-toroq kienu jinqalgħu l-aktar meta xi entità, bħal dawk tas-servizzi tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni, ikollha b¿onn tirranġa jew iżżid xi pajpijiet, katusi jew cables taħt l-art. Kif ix-xogħol tas-servizzi kien ikun lest, it-trinka kienet timtela’ mill-ġdid u tinkesa bi strixxa t’asfalt fuq it-trinka biss. Ħafna drabi, wara ftit żmien, l-asfalt fuq it-trinka jisfronda u joħloq ħofra twila tul it-triq, b’periklu għal dawk li jgħaddu minnha. Illum il-Gvern, permezz ta’ Infrastructure Malta, qed jibni mill-ġdid u jtejjeb għexieren ta’ toroq arterjali, residenzjali, rurali u oħrajn. Fil-fatt, din is-sena din l-aġenzija diġa bniet mill-ġdid jew tejbet madwar 120 triq differenti. Fl-istess waqt, qed twettaq l-akbar proġetti infrastrutturali li qatt rajna f’Malta, bħal Marsa Junction Project, il-mini ta’ Santa Luċija u Central Link Project, bejn Ta’ Qali u l-Imrieħel. Meta l-Onorevoli Bezzina jinnota xi triq li fiha jkun hemm trinka temporanjament miksija bil-konkos jew materjali simili adekwati għal dan il-għan minflok bl-asfalt, ikun ifisser li l-Gvern ikun ħa l-opportunità biex kif ikun hemm ix-xogħlijiet tas-servizzi fit-triq, Infrastructure Malta tirranġa l-infrastruttura tagħha kollha. Kif ninsab ċert li l-Onorevoli Bezzina jaqbel, ma jagħmilx sens li trinka fi triq li tkun qed tinbena mill-ġdid tinkesa bl-asfalt meta dan xorta jkun ser jerġa’ jinqala’ ftit wara biex it-triq tinbena mill-ġdid. Għalhekk, sakemm jitlestew xogħlijiet oħra bħal bankini ġodda, sistemi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita u servizzi t’entitajiet oħra taħt l-art, it-trinek jinksew bil-konkos u materjali oħra simili b’mod temporanju. B’hekk jiġi evitat li triq tinkesa b’asfalt li jerġa’ jinqala’ ftit wara. Fl-aħħar mill-aħħar, fejn qabel konna naraw ħafna trinek imraqqa’ bi strixxi dojoq t’asfalt waħda ħdejn l-oħra, issa qed naraw ħafna toroq jinbnew mill-ġdid, b’infrastruttura ta’ kwalità li sservi aktar fit-tul u li tixraq lir-residenti tagħha, u lil dawk li jgħaddu minnha. Għalhekk, meta l-Onorevoli Bezzina jara triq b’xi trinka temporanjament mimlija bil-konkos, jista’ jqisha bħala triq oħra li dalwaqt ser tibbenefika mill-investiment ta’ dan il-Gvern għal toroq aħjar.

Il-Mosta — Triq il-Farinal - xogħol ta' bini ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jsir ix-xogħol ta' bini mill-ġdid ta' Triq il-Farinal, il-Mosta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 120 triq residenzjali. It-triq indikata diġà kienet ippjanata mill-aġenzija biex ukoll tinbena mill-ġdid fiż-żmien li ġej flimkien ma’ diversi toroq oħrajn. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Ħal Luqa — Triq il-Belt Valletta- ħsarat

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16643, jista’ l-Ministru jgħid xi kkawża l-ħsara fi Triq il-Belt Valletta, Ħal Luqa, ftit wara li kien għadu kemm sar ix-xogħol ta' tarmak fuq l-istess triq? X'inhi r-raġuni li għalkemm għadda aktar minn xahar minn meta saret din il-ħsara, it-tiswijiet neċessarji għadhom ma sarux bil-konsegwenza li ż-żona fejn saret il-ħsara hija ta' periklu għal kull min juża din it-triq? Peress li t-triq fejn inqagħlat din il-ħsara għada kemm saret bit-tarmak, jista' jgħid għaliex is-servizzi li qed jgħaddu minn taħt wiċċ it-triq ma nbidlux qabel sar it-tarmak ħalli kienet tiġi evitati din il-ħsara?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qiegħdha tinvestiga r-rapporti li rċiviet minn Infrastracture Malta.

Gozo Innovation Hub – kera ta’ spazju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jintalab mill-Malta Industrial Parks Ltd għall-kera ta' spazju fil-Gozo Innovation Hub? Kemm inkera spazju s'issa f'dan il-Hub u kemm ġew iġġenerati impjiegi minn tali allokazzjoni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant, Bħalissa hemm tlett kumpaniji ikonfermatti u li gew allokatti madwar 400 metru kwadru. Hu mistenni li dawn il- kumpaniji ser ikunu qed jilhqu il-livell ta madawr 70 impjegat fiz- zmien tliet snin. Madankollu, il-preżenza tagħhom fil-Hub bħalissa hija limitata minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari kkawżati mill-pandemija, fejn in-natura teknoloġika tax-xogħol tagħhom kif ukoll restrizzjonijiet ta logistika tippermetilhom li jaħdmu b’mod remot. Ghal ragunajiet ta sensitivita kummercjali, dettalji fuq il kera ma tistax tinghata izda nikonfermaw li ‘l valur tal – kera giet stabiliiita mil cost benefit analysis pertinenti ghal dan il -l progett.

PA 02780/16

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-PA number 02780/16 'The project entails excavation of site, the construction of warehouses/workshops, carnival warehouses/exhibition spaces, Class 4A Government administration offices, 2 multi-purpose halls for the use by the local community, a cafeteria Class 4C, a PV farm at roof level, an underground parking and the embellishment of adjacent areas. Proposal to also include the provision of signage affixed to the exterior walls of the proposed facilities respectively' ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-ipproċessar tal-applikazzjoni PA02780/16 preżentament tinsab sospiża. Qed nistennew informazzjoni meħtieġa f’dawk li huma emendi ta’ pjanti kif ukoll informazzjoni li ġew rikjesti minn entitajiet oħra magħtul il-proeċss ta' konsultazzjoni.

Ħal Tarxien – In Work Benefits

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm hemm persuni li bbenefikaw mill-In Work Benefit li jgħixu Ħal Tarxien tul din is-sena sal-aħħar ta’ Ottubru 2020?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm sebgħa u ħamsin persuna jgħixu Ħal Tarxien li rċevew l-In Work Benefit matul din is-sena sal-aħħar t’Ottubru 2020.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi – bordijiet – benefiċċji, kumpens finanzjarju u kundizzjonijiet varji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16289 u 15339 u jgħid x’inhuma l-benefiċċji, il-kumpens finanzjarju, u l-kundizzjonijiet varji li huma intitolati għalihom membri fil-Bordijiet varji li jaqgħu taħt il-ministeru u jista’ jindika x’kienet l-ispiża attwali tas-sena li għaddiet 2019?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Bi tweġiba għal din il-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. L-informazzjoni fit-tabella tindika l-ħlas kollu li sar fl-2019, iżda li jista’ jinkludi wkoll ammonti li jkopru perjodi tal-2018.

Trasferiti ta’ partiti tal-mużika lil pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16308 u 15122 u jgħid jekk il-kundizzjonijiet kif kontenuti fl-Att Pubbliku tat-13 ta’ Ottubru 1988 li fih ġew trasferiti lil pajjiżna l-partiti tal-mużika komposta mill-Maestro li d-dettalji dawru qed jingħataw separatament, huwiex qiegħdin jiġu debitament osservati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-informazzjoni miġbura ninsab infurmat illi l-partiti tal-mużika tal-Maestro Carmelo Pace jinsabu miżmumin fl-arkivji tal- Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Ninsab infurmat ukoll illi t-Teatru Manoel u l-Orkestra qed jesploraw il-possibilitá li l-opri ġentilment mogħtija mill-Maestro Pace lill-Istat jittellgħu.

Persuni li rċevew l-assistenza ta’ €800

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16313 u 15114, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li jgħixu Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, il-Fgura, Santa Luċija u l-Gudja li rċevew dan il-ħlas?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-wage supplement jitħallas lill min iħaddem f’isem l-impjegati. Il-Malta Enterprise mgħandix dettalji ta’ fejn joqgħodu l-individwi.

Persuni li rċevew l-assistenza ta’ €800

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16313 u 15114, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li jgħixu Wied il-Għajn, Ħal Għaxaq, iż-Żejtun u Marsaxlokk li rċevew dan il-ħlas?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-wage supplement jitħallas lill min iħaddem f’isem l-impjegati. Il-Malta Enterprise mgħandix dettalji ta’ fejn joqgħodu l-individwi.