B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17039, jista’ l-Ministru jindika kemm minn din il-lista ta’ postijiet li tqassmu kienu:
A. Persuni singli;
B. Ġenituri singli;
C. Miżżewġa;
D. Separati;
E. Divorzjati; u
F. Romol?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba hija skont is-segwenti tabella:-
Stat
Total
Persuni waħedhom
35
Ġenituri waħedhom
101
Miżżewġin
55
Separati
116
Annullati / Divorzjati
16
Romol
14
Total
337
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin: Spiża fuq priġunieri barranin
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16654, jista’ l-Ministru jindika kemm kienet l-ispiża fuq priġunieri barranin billi t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12252 imsemmija ma tindikax din l-ispiża mitluba?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal tweġiba parlamentari 12552.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika liema huma dawk il-lokalitajiet fejn hemm it-tqassim tal-mediċini fid-djar u meta dan is-servizz se jkun fuq skala nazzjonali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizzi tat-tqassim tal-mediċini fid-djar permezz tal-iskema tas-70+ kif ukoll permezz tal-iskema tqassim ta’ mediċini meqjusa bħala goffi jew tqal, direttament fid-djar tal-pazjenti magħrufa bħala Free Delivery of Bulky Items To Patients Benefitting from the POYC Scheme huma fuq skala nazzjonali għalhekk huma provduti fil-lokalitajiet kollha.
Skola Primarja tal-Mellieħa — pulizija jew uffiċjal tal-komunità
Question
Jista' l-Ministru jara li waqt il-ħin tad-dħul u l-ħruġ tal-istudenti fl-Iskola Primarja tal-Mellieħa kuljum ikun hemm pulizija jew uffiċjal tal-komunità (warden) preżenti u dan sabiex jiġi kkontrollat it-traffiku fiż-żona f’dawk il-ħinijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi kif diskuss mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, id-doveri sabiex jiġi kkontrollat it-traffiku waqt il-ħin tad-dħul u l-ħruġ tal-istudenti fl-Iskola Primarja tal-Mellieħa huwa kopert mill-Pulizija tal-Komunita’ tal-lokal fejn minħabba diversi aċċessi fl-istess skola kien hemm istanzi fejn kienu assistiti wkoll mill-Pulizija tat-Taqsima tat-Traffiku. Uffiċjali tal-Aġenzija għall-Infurzar Lokali kienu mitluba wkoll jassistu abbazi tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali (Kap 363).
Skejjel primarji tal-Qawra u San Pawl il-Baħar — pulizija jew uffiċjal tal-komunità
Question
Jista' l-Ministru jara li waqt il-ħin tad-dħul u l-ħruġ tal-istudenti fl-Iskejjel Primarji tal-Qawra u San Pawl il-Baħar kuljum ikun hemm pulizija jew uffiċjal tal-komunità (warden) preżenti u dan sabiex jiġi kkontrollat it-traffiku fiż-żona f’dawk il-ħinijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-bidu ta’ kull sena ta’ skolastika il-Korp tal-Pulizija u l-Agenzija LESA jiddiskutu mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni dwar dan is-suġġett. Il-pulizija tad-Distrett ikunu preżenti waqt il-ħin tad-dħul u l-ħruġ tal-istudenti fl-Iskejjel Primarji tal-Qawra u San Pawl il-Baħar. Dan sakemm l-esiġenzi tas-servizz ma jitolbux mod ieħor.
Skola primarja u skola medja tan-Naxxar — pulizija jew uffiċjal tal-komunità
Question
Jista' l-Ministru jara li waqt il-ħin tad-dħul u l-ħruġ tal-istudenti fl-Iskola Primarja u dik Medja fin-Naxxar kuljum ikun hemm pulizija jew uffiċjal tal-komunità (warden) preżenti u dan sabiex jiġi kkontrollat it-traffiku fiż-żona f’dawk il-ħinijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-bidu ta’ kull sena ta’ skolastika il-Korp tal-Pulizija u l-Agenzija LESA jiddiskutu mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Il-pulizija tad-Distrett jkopru u jkunu preżenti waqt il-ħin tad-dħul u l-ħruġ tal-istudenti għal skopijiet elenkati mill-Onorevoli Interpellant fl-Iskola Primarja fin-Naxxar. Dan sakemm l-esiġenzi tas-servizz ma jitolbux mod ieħor.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet li fihom bdiet titħaddem l-inizjattiva tal-Pulizija fil-Komunità (Community Policing) u f’kemm u liema huma dawk il-lokalitajiet li fihom ingħalqet l-Għassa tal-Pulizija wara li bdiet titħaddem din l-istess inizjattiva?
Jista’ l-Ministru jara li s-sinjali tat-traffiku li huma meħtieġa li jsiru fiż-żona tal-Iskola Primarja fil-Qawra jsiru mill-aktar fis possibbli u dan fl-interess ta’ dawk kollha li jiffrekwentaw din iż-żona primarjament it-tfal, il-qraba tagħhom, ir-residenti kif ukoll il-ħaddiema kollha li jaħdmu f’din l-iskola?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li Transport Malta qiegħda f’komunikazzjoni mal-Iskola Primarja tal-Qawra biex jiġi implimentat traffic management ħollistiku għal din iz-zona.
Tista’ l-Ministru tara li s-sinjali tat-traffiku li huma meħtieġa li jsiru fiż-żona tal-Iskola Primarja fil-Qawra jsiru mill-aktar fis possibbli u dan fl-interess ta’ dawk kollha li jiffrekwentaw din iż-żona primarjament it-tfal, il-qraba tagħhom, ir-residenti kif ukoll il-ħaddiema kollha li jaħdmu f’din l-iskola?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata li l-Kulleġġ Maria Reġina u l-amministrazzjoni tal-Iskola l-ġdida tal-Qawra kellhom laqgħat mal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar u flimkien ħadmu fuq pjan dwar l-immaniġġjar tat-traffiku fiz-zona tal-iskola. Iddiskutew ukoll dwar liema sinjali hemm bżonn. Dan il-pjan bħalissa għaddej mill-fażi ta' preżentazzjoni mill-Kunsill Lokali lil Transport Malta. Jidher li l-proċess qiegħed fi stadju avvanzat ħafna.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – rilokazzjoni tal-Canteen
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn il-canteen preżenti fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ġie rilokat, għal fejn jinsab illum? Jista' jgħid ukoll jekk il-lok imnejn qed jopera l-canteen preżentement hux temporanju u jekk hemmx il-ħsieb li dan jerġa’ jiġi rilokat għal post aħjar? F'dak il-każ, x'inhuma l-pjanijiet?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li l-canteen preċidenti ngħalaq sabiex jiffaċilita’ il-bini tal-iskola medika ta’ Barts u peress li għadhom qed isiru diversi xogħlijiet relatati mal-bini tal-isptar il-ġdid, l-pazjenti u l-ħaddiema bħalissa jagħmlu użu minn numru ta’ vending machines li hemm mqassma mal-isptar kollu kif ukoll minn servizz ta’ food truck li jinsab fil-parking area tal-istess sptar. Ninfurmah illi l-ħaddiema jistgħu jagħmlu użu wkoll mill-canteen tal-istess skola medika ta’ Barts. Huwa maħsub li għal ġejjieni jkun hemm canteen areas kemm għal istaff kif ukoll għal pazjenti u qraba fil-bini tal-isptar il-ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Planning Control Applications f'kull lokalità f'Malta u f'Għawdex u dan sal-mument li titwieġeb din id-domanda? Jista' jindika wkoll l-iskop ta' kull waħda minn dawn l-applikazzjonijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.
Restawr ta’ bini li huma proprjetà tal-Knisja f’Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’mezzi, skemi jew riżorsi jeżistu, biex bini antik fil-proprjetà tal-knisja f'Għawdex jiġi restawrat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ għall-Ippjanar għandha żewġ fondi speċifiċi li taħthom ikunu jistgħu jibbenefikaw proprjetajiet bħal ma rrefera għalihom l-Onorevoli Interpellant u dan dejjem skont il-kundizzjonijiet applikabbli għal dawn il-fondi. Dawn huma l-Fond tal-Ippjanar tal-Iżvilupp immirat prinċipalment għal xogħlijiet li jkunu ta’ benefiċċju għal komunita’ in ġenerali u fejn 80% tal-fondi huma riservati għall-Kunsilli Lokali anke bi sħab ma terzi, u l-fond Irrestawra Darek li huwa immirat biex isiru xogħlijiet fi djar residenzjali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ dokumenti bil-linji gwida għall-dawn il-fondi. Ovvjament l-uffiċċju tal-Awtorita’ huwa dejjem miftuħ għal min ikollu bżonn xi kjarifika speċifika.
Restawr ta’ bini li huma proprjetà tal-Knisja f’Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’mezzi, skemi jew riżorsi jeżistu biex bini antik fil-proprjetà tal-knisja f'Għawdex jiġi restawrat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex jevalwa talbiet għal restawr fuq bini tal-knisja inkluż fuq l-istess knejjes. Il-knejjes jibbenefikaw minn skemi ta’ restawr li l-Ministeru għandu. Minbarra hekk, ta’ kull sena, iniedi skema miftuħa lill-Kunsilli Lokali kollha Għawdxin sabiex jirrestawraw xi monument jew niċċa fil-lokalità u li ħafna mid-drabi jkunu proprjetà tal-knisja. Dawn jistgħu jinkludu niċeċ jew monumenti li huma tal-knisja imma mhux binja sħiħa.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16752, jista' l-Ministru jirrispondi dik il-parti tal-mistoqsija fejn intalab rendikont ta' kif intefqu l-fondi allokati u x'bilanċ għad fadal?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpallant li l-fondi qatt ma ġew utilizzati min-naħa tal-Gozo Youth Council.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16752, jista’ l-Ministru jgħid minn min hu kompost il-Gozo Youth Council fil-mument, il-metodu ta' kif saru l-ħatriet u l-ħidma ta' dan il-Kunsill tul l-aħħar sena?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mhux disponibbli minħabba l-fatt li l-Gozo Youth Council ilu mill-2018 ma jippreżenta d-dokumenti neċessarji lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji.
Billi l-Ministru għamel referenza għal siġra tal-milied li allegatament tqabbdet mal-grid meta l-gvern preċedenti kien ħabbar li din kienet qed titħaddem permezz ta' gas rekuperat mill-miżbla, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe provi jew dikjarazzjonijiet minn ħaddiema jew uffiċjali li tawh din l-informazzjoni u kif wasslu għal din il-konklużjoni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Is-sigra tal milied imsemmijja kienet ic-cajta tas sena ta kull min kien midhla tas-settur. Sfortunatament din ic cajta ghada tissemma sal lum ghax baqghat bhala xempju tal falliment tal gvern ta dak iz zmien li halla is settur ta l skart fi stat ta abbandun b’strategiji dghajfjn. Kuintrarju ghall dan, illum qed nimplimentaw l akbar investiment f dan is settur fl storja ta malta b nofs biljun ewro li ser imorru biex il pajjiz jersaq lejn ekonomija cirkolari.
Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli interpellant biex ma jibqax imwaħħal fil-passat u jiffoka fuq x’jista’ jipproponi lill-poplu Malti bħala Gvern alternattiv.
Xatt ta' Birżebbuġa — ħut mill-fishfarms li qed jinstab mejjet
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li qed jinstab ħut tal-fishfarms mejjet max-Xatt ta' Birżebbuġa, u għaldaqstant jista’ jispjega x'qed isir biex din il-problema tiġi indirizzata?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ BirŻebbuġa li fil-preŻent m’għadux jinstab ħut mejjet max-Xatt ta’ BirŻebbuġa.
Xatt ta' Birżebbuġa — hut mill-fishfarms li qed jinstab mejjet
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li qed jinstab ħut tal-fishfarms mejjet max-Xatt ta' Birżebbuġa, u għaldaqstant jista’ jispjega x'qed isir biex din il-problema tiġi indirizzata?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabie jaghmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Xatt ta' Birżebbuġa — hut mill-fishfarms li qed jinstab mejjet
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li qed jinstab ħut tal-fishfarms mejjet max-Xatt ta' Birżebbuġa, u għaldaqstant jista’ jispjega x'qed isir biex din il-problema tiġi indirizzata?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.