Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #17267 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Kuntratti għall-asfaltar ta’ toroq residenzjali u toroq arterjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kuntratti ngħataw mit-8 ta' Marzu 2013 sat-3 ta' Ġunju 2017 għall-asfaltar ta' toroq residenzjali u toroq arterjali? Min ħadhom u kemm hu l-valur ta' kull kuntratt? Kien hemm xi varjazzjoni fil-prezz tal-kuntratt wara li beda x-xogħol? Jekk kien hemm, x'inhu l-valur il-ġdid? Xi ħlasijiet saru fuq kull triq? Fadal xi kontijiet pendenti? Jista’ jgħid għal kull kuntratt jew direct order sarux quantity surveyor reports jew quality control tests u jekk iva jpoġġihom kollha fuq il-Mejda tal-Kamra, kif ukoll f' kull każ jgħid min kien il-perit li ċċertifika x-xogħol li sar fit-toroq residenzjali u arterjali?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dawn l-aħħar tmien snin saru numru rekord ta’ toroq f’Għawdex, dan għal kuntrarju ta’ li sar taħt amministrazzjoni preċedenti. Għalhekk din l-informazzjoni teħtieġ xogħol massiċċ u li tieħu enerġija u ħin siewi lill-uffiċjali ta’ dan il-Ministeru. Għalhekk, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema Triq qed jirreferi.

Tender Trenching and Pipelaying for the Second Class Water (New Water) Distribution Network in Gozo — Water Services Corporation

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender “Trenching and Pipelaying for the Second Class Water (New Water) Distribution Network in Gozo - Water Services Corporation - CT3085/2019” u jgħid f’liema xahar u sena hu ppjanat li jibda x-xogħol li huma ppjanati b'din l-imsemmija tender?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol ta’ dan it-tender mistenni jibda matul is-sena 2021.

Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar — sinjali tat-traffiku ħdejn l-Iskola tal-Qawra

Question

Jista’ l-Ministru jara li s-sinjali tat-traffiku li huma meħtieġa li jsiru mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jew minn xi entità oħra governattiva fiż-żona tal-Iskola Primarja fil-Qawra jsiru mill-aktar fis possibbli u dan fl-interess ta’ dawk kollha li jiffrekwentaw din iż-żona primarjament it-tfal, il-qraba tagħhom, ir-residenti kif ukoll il-ħaddiema kollha li jaħdmu f’din l-iskola?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li wara diskussjonijiet li saru bejn il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, il-Kulleġġ Maria Reġina u l-amministrazzjoni tal-Iskola l-ġdida tal-Qawra inħadem pjan tal-immaniġjar tat-traffiku fiż-żona. B’mod immedjat il-Kunsill talab is-servizz tal-Perit, sabiex jiġi koordinat ix-xogħol u jsiru l-applikazzjonijiet neċessarji má Transport Malta.

Il-Mellieħa — skeda ta' knis ta' toroq u qtugħ ta' ħaxix

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda tal-ġranet u l-ismijiet tat-toroq meta suppost isir il-knis fit-toroq u qtugħ ta’ ħaxix fil-lokalità tal-Mellieħa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

San Pawl il-Baħar — skeda ta' knis ta' toroq u qtugħ tal-ħaxix

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda tal-ġranet u l-ismijiet tat-toroq meta suppost isir il-knis fit-toroq u qtugħ ta’ ħaxix fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra — vened ta' traport pubbliku - distanza soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jara li fuq il-venda tat-trasport pubbliku ta’ Buġibba u fuq il-bus stops fiż-żoni ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra jiġu osservati l-obbligazzjonijiet u jsir infurzar relatati mad-distanza soċjali b’rabta mal-imxija tal-COVID-19? Dan jgħodd ukoll anke dwar l-ammont ta’ passiġġieri li jitilgħu fuq il-karozzi li joffru s-servizz tat-trasport pubbliku b’mod ġenerali.

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali ta Transport Malta kif ukoll dawk tal-LESA qegħdin iwettqu spezzjonijiet għall-għarieda kemm fuq bus stops, vened, fuq il-karozzi tal-linja kif ukoll fuq il-vapuri tal-Gozo Channel sabiex jinfurzaw ir-rekwiżiti maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu l-ilbies tal-maskri kif ukoll iż-żamma tad-distanza soċjali.

San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra — vened ta' traport pubbliku - distanza soċjali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li fuq il-venda tat-trasport pubbliku ta’ Buġibba u fuq il-bus stops fiż-żoni ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra jiġu osservati l-obbligazzjonijiet u jsir infurzar relatati mad-distanza soċjali b’rabta mal-imxija tal-COVID-19? Dan jgħodd ukoll anke dwar l-ammont ta’ passiġġieri li jitilgħu fuq il-karozzi li joffru s-servizz tat-trasport pubbliku b’mod ġenerali.

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #17293 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Servizz ta' LSE lil tfal vulnerabbli li ma jistax jattendi skola

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li dawk il-familji li għandhom tfal vulnerabbli li preżentement mhux jattendu skola u li kellhom servizz ta’ LSE, jistax dan is-servizz jibqa' jingħatalhom f’darhom?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li studenti vulnerabbli li minħabba saħħithom ma jistgħux jattendu skola baqgħu jibbenifikaw mill-għajnuna tal-LSE u qed igawdu, inter alia, mis-servizz tal-Iskola Primarja Virtwali u mil-lezzjonijiet pre-rekordjati li qed jittellgħu bla ħlas fuq teleskola.mt.

Planning Control Applications

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Planning Control Applications f'kull lokalità f'Malta u f'Għawdex u dan sal-mument li titwieġeb din id-domanda? Jista' jindika wkoll l-iskop ta' kull waħda minn dawn l-applikazzjonijiet?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministru kkonċernat.

Restawr ta’ bini li huma proprjetà tal-Knisja f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’mezzi, skemi jew riżorsi jeżistu biex bini antik fil-proprjetà tal-knisja f'Għawdex jiġi restawrat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi aktar kmieni din is-sena, id-Direttorat tar-Restawr, b’kollaborazzjoni mal-Arts Council Malta, nieda skema li permezz tagħha NGOs b’koperazzjoni má parroċċi f’Malta u Għawdex ikunu jistgħu japplikaw għall-fondi biex isir restawr fil-parroċċa tagħhom. Fil-fatt, taħt din l-iskema, din is-sena bbenefikat il-parroċċa tax-Xewkija.

Skola Primarja tax-Xagħra Għawdex – servizz ta’ pulizija waqt il-ħin li jkunu deħlin u ħerġin l-istudenti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament dwar jekk hux qed ikun hemm servizz ta' pulizija mal-Iskola Primarja tax-Xagħra Għawdex, hekk kif it-tfal ikunu deħlin u ħerġin mill-istess skola? Jekk le u peress li din l-iskola tagħti għal fuq triq traffikuża ħafna, jista' l-Ministru jispjega x'beħsiebu jagħmel biex dan is-servizz jingħata b'mod komplet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Fil-bidu ta’ kull sena ta’ skolastika il-Korp tal-Pulizija u l-Agenzija LESA jiddiskutu mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni s-suġġett. Waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-iskola tax-Xagħra il-Pulizija tkun prezenti għall- iskopijiset elenkati mill-Onorevoli Interpellant. Dan sakemm l-esiġenzi tas-servizz ma jitolbux mod ieħor. F’dawn l-okkazjonijiet il-Kunsill tax-Xagħra jintalab biex jassisti b’mezzi oħra, skond il-provedimenti fl-Att tal-Kunsilli Lokali.

Għajnsielem Għawdex – Learning Hub – servizzi offruti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'servizzi qed jiġu offruti fil-preżent mil-Learning Hub ġewwa Għajnsielem Għawdex? Jista' jispjega wkoll kemm persuni ħadu jew qed jieħdu kull wieħed minn dawn is-servizzi tul is-snin 2019 u 2020? Jista' jispjega wkoll liema Ministeri jew dipartimenti jew entitajiet oħra li ma jaqgħux taħtu qed jużaw jew inkella qed joffru servizzi mil-Learning Hub?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għajnsielem Għawdex – Learning Hub — proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proġett imħabbar fl-2017 mill-Gvern fejn il-Learning Hub ġewwa Għajnsielem Għawdex kellu jiġi estiż biex ikun hemm aktar spazju għas-servizzi offruti minn dak il-post? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu l-Gvern kera l-binja tal-Learning Hub?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kunsilli Lokali li bbenefikaw minn fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kunsill lokali bbenefikaw minn fondi Ewropej u liema huma?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt infurmat li matul is-snin 2017 u 2019 kien hemm 46 Kunsill Lokali li bbenefikaw minn 89 proġett relatati ma’ Fondi tal-Unjoni Ewropea. Il-valur totali tal-proġetti huwa ta €15,935,830.21 li minnhom €13,949,421.61 kienu ffinanzjati mill-imsemmijja fondi. Għaldaqstant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabells l-informazzjoni mitluba.

MCCAA — ilmenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm ilmenti quddiem il-bord tal-MCCAA, jew it-tribunal tal-konsumatur, mill-2013 sal-lum, u kemm ġew riżolti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni relatata mat-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur tinstab fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10173. Permezz tal-Att XVI tal-2019 li ġie fis-seħħ fid-29 ta’ Lulju 2019, it-Tribunal ġie sostitwit mill-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Kummerċ) fejn ma tressaq l-ebda każ ieħor u ma hemm l-ebda każ pendenti. L-informazzjoni mitluba fir-rigward tat-Tribunal għal Talbiet ta’ Konsumaturi tinsab fit-tabella t’hawn taħt: 2013 2014 2015 2016 2017 2018 2019 2020 (18.11.20) Każijiet miftuħa 306 266 258 269 241 202 188 175 Sentenzi 232 206 169 157 118 149 145 56 Kawżi rtirati 90 45 56 56 52 45 49 22

Organizzazzjonijiet volontarji li jaħdmu fil-qasam soċjali – għajnuna finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jingħataw għajnuna finanzjarja l-organizzazzjonijiet volontarji li jaħdmu fil-qasam soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif qed ikun preżentat fiż-żewġ tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #17348 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

JobsPlus – impejgati li ġew irreġistrati Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu l-perċentwali ta' impjegati li ġew reġistrati Għawdex minn JobsPlus mill-2013 'il hawn li kienu mwielda Għawdex?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li Jobsplus ma jkollhiex informazzjoni ta’ dawk il-persuni rreġistrati magħha li kienu mwielda Għawdex.

Għaqdiet volontarji li mhumiex fil-kera – nuqqas ta’ għajnuna finanzjarja

Question

Tista' l-Ministru tispjega għaliex l-għaqdiet voluntarji li mhumiex fil-kera imma għandhom obbligi finanzjarji sabiex jiffinanzjaw il-fond fejn qed joperaw mhuma jirċievu l-ebda għajnuna finanzjarja sabiex jonoraw tali obbligi?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif se jingħata f’seduta oħra.

Xufiera tat-Trasport Pubbliku li jinstabu pożittivi għall-COVID-19 – sick leave

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li jekk xufiera tat-Trasport Pubbliku jinstabu pożittivi għall-COVID-19 ikollhom jieħdu s-sick leave minn tagħhom allavolja jkunu ħadu l-virus minn fuq ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tikkonċerna direttament lill-Malta Public Transport Services Ltd li hija kumpanija privata. Għaldaqstant din l-informazzjoni mhix disponibbli li tingħata.