Staff tal-MTA akkomodat f’lukandi fil-Belt Valletta
Question
Jista’ l-Ministru jelenka d-drabi li fl-2021 l-istaff tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) kien akkomodat f’lukandi fil-Belt Valletta qabel/waqt/minħabba attivitajiet organizzati fil-Belt Valletta jew il-madwar? Jista’ jagħti elenku tal-ispejjeż u ħlasijiet li ntefqu fuq dawn l-akkomodazzjonijiet? Jista’ jelenka l-ismijiet tal-lukandi u liema uffiċjali ġew akkomodati f’kull każ?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li ġejt infurmat li din hija prassi li ilha ssir minn meta bdew isiru l-attivitajiet tal-massa mill-Gvern Malti, biex niftehmu, ħafna qabel l-2013. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu hija marbuta b’kuntratti ma’ entitajiet barranin li jtellgħu l-attivitajiet tagħhom f’pajjiżna. Parti minn dawn il-kuntratti, jinkludu obbligi dwar standards ta’ akkommodazzjoni u trasport, fejn ħafna draba jiġi speċifikat il-klassifikazzjoni tal-lukanda, kemm trid tkun ’il bogħod minn fejn ser isir l-attivita’, x’faċilitajiet irid ikollha, u kemm iridu jiġu ibbukkjati kmamar, skont dak li hu imsejjaħ artistic rider. Is-sejħa għall-kwotazzjonijiet dejjem issir skont dan l-artistic rider, u jiġu bbukkjati l-kmamar li jkun hemm bżonn. Naturalment, ma’ kull booking ikun hemm ukoll cancellation policy li tgħid li jekk kamra ma’ tintużax, din xorta trid titħallas. Ħafna drabi ikun hemm kumpaniji li jispeċifikaw eżatt liema lukanda jkunu jridu li tiġi bbukjata.
Tajjeb illi ninforma lill-Onor. Interpellant li hija prassi kważi f’kull attività tal-massa li ssir f’pajjiżna, li jkun hemm persuni lokali alloġġjata f’lukandi jew f’appartamenti viċin il-post tal-attivita’.
L-MTA dejjem tara li jkollha bejn żewġ u tlett ikmamar disponibbli sabiex jintużaw mill-istaff tagħha li jkunu involuti f’dawn l-attivitajiet. Dawn il-kmamar jintużaw għal skopijiet loġistiċi, u għall-ebda vaganza jew lussu. Dawn il-kmamar ġieli kienu kmamar li jkunu parti mill-
artistic rider
inizjali, iżda li mbagħad jibqgħu mhux utilizzati mill-artisti barranin jew mill-management tagħhom. Billi dejjem skont l-imsemmija
cancellation policy
dawn il-kmamar xorta jkunu jridu jitħallsu, flok jibqgħu vojta jiġu utilizzati mill-membri tat-team tal-Events, skont kif tirrikjedi l-iskeda tagħhom. Ħafna drabi dawn il-kmamar ikunu għal bejn żewġ u tlett iljieli.
L-uniku darba fejn kellhom jinkrew xi kmamar addizzjonali kien waqt il-kunċerti tal-BBC Orchestra u Pete Tong, fejn kienu inkrew żewġt ikmamar ġewwa l-Gomerino Hotel u zewġt ikmamar ġewwa 66 St Paul’s fil-Belt Valletta b’rata ta’ €165 għal kull lejl.
Jistà l-Ministru jippreżenta statistika dwar coverage li ngħata fil-bullettini tat-TVM mill-bidu sal-aħħar tas-sena 2021 lill-partiti extra-parlamentari, speċifikament, ADPD, Partit Popolari, Partit ABBA, Moviment Patriotti, Imperium Ewropa, f'elenku ta' ġranet u ħinijiet fejn dawn kienu featured fil-bullettini tal-aħbarijiet?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jistà l-Ministru jippreżenta statistika dwar coverage li ngħata fil-bullettini tat-TVM mill-bidu sal-aħħar tas-sena 2021 lill-Partit Nazzjonalista f'elenku ta' ġranet u ħinijiet fejn dawn kienu featured fil-bullettini tal-aħbarijiet?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tfal li jintbagħtu għal servizzi ta’ terapija u taħriġ fil-privat – għajnuna lill-ġenituri
Question
Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament x'għajnuna jirċievu ġenituri ta' tfal b'diżabilità li fil-preżent jibagħtu lil dawn it-tfal għal servizzi ta' terapija u taħriġ fil-privat?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament liema huma dawk il-ħlasijiet li l-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-AirMalta timponi fuq passiġġieri b'diżabilità jew persuni li jakkumpanjawhom, biss u esklussivament minħabba d-diżabilità u li ma timponix fuq passiġġieri oħra?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-AirMalta ma timponi l-ebda ħlas zejjed fuq passiġġieri b'dizabilità jew persuni li jakkumpanjawhom li ma timponix fuq passiġġieri oħra. Saħansitra l' Air Malta anki tippermetti, li jittellgħu bla ħlas, Recognized Assistance Dogs (guide dogs) li jkunu akkumpanjati minn persuna b’dizabilita. Pero, fejn id-dizabilità hija minħabba ċertu kundizzjonijiet mediċi li jridu jiġu ċertifikati b’Formola b’Informazzjoni Medika (MEDIF) minn tabib mediku speċjalist (Aviation Specialist) maħtur mill-kumpanija, ikun hemm ħlas ta’ €15 dovut lit-tabib.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23016, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid, sena b'sena mill-2013 sal-2021, kemm attendew studenti fiċ-ċentru tal-ITS ġewwa l-Qala Għawdex? Kemm minnhom kienu residenti f'Għawdex? Kemm minnhom temmew il-kors li kienu qed isegwu b'suċċess? Jista' jagħti wkoll lista tal-korsijiet li qed jiġu mogħtija llum?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Intepellant li n-numru ta’ studenti li attendew għall-korsijiet fl-ITS Għawdex huma s-segwenti. F’din is-sena akkademika 2021/2022, hemm 35 student jistudjaw f’dan iċ-Ċentru.
2014/15
9
2015/16
19
2016/17
14
2017/18
15
2018/19
12
2019/20
12
2020/21
79
Rigward il-lista ta’ korsijiet li qed jiġu mogħtija llum, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19561.
Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament jekk saritx konsultazzjoni mal-Kummissjoni għal Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità qabel ma ġie deċiż li fi Pjazza Tritoni tiġi armata fun park tul il-ġimgħat ta' qabel u wara l-Milied? Jista' jgħid ukoll minn ta l-parir biex il-fun park titpoġġa eżatt fuq tactile flooring magħmul apposta biex jirrendi l-pjazza aċċessibbli għall-persuni neqsin mid-dawl, bil-konsegwenza li dan it-tactile flooring ġie mblukkat u rrenda l-pjazza inaċċessibbli? Jista' jgħid ukoll min ta l-parir dwar il-kwalità u l-metodu ta' kif tqiegħed it-tactile flooring temporanju li sar aktar tard? Jista' jara li f'attivitajiet futuri li jikkonċernaw il-Ministeru tiegħu, it-tactile flooring permanenti ma jerġax jiġi ngumbrat?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Tajjeb li ninforma lill-Onor. Interpellant li, meta l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu torganizza attività ta’ din ix-xorta, trid taħdem fl-ambitu ta’ bosta restrizzjonijiet, li jinkludu attivitajiet u ċerimonji statali, kif ukoll ir-rotot ta’ emerġenza li jkunu jridu jintużaw minn vetturi u uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili, f’każ li jinqala’ xi inċident li jirrikjedi l-preżenza tal-istess uffiċjali kemm fi Pjazza Tritoni u anke fid-daħla tal-Belt. Għaldaqstant, ġaladarba l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kienet konxja fuq din il-kwistjoni, minn qabel ma' nfetħet l-attività msemmija saru l-arranġamenti kollha neċessarji sabiex tiġi ordnata alternattiva temporanja għal tul l-attività kollha.
Barra minn hekk ukoll, kull membru tal-istaff li kien ingaġġat f’din l-imsemmija attività, kien ukoll imħarreġ sabiex jkun jista’ joffri kull tip ta’ għajnuna lil persuni b’abbilitajiet differenti fosthom anke persuni neqsin mid-dawl.
Immigranti li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea li jirrisjedu Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23028 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20032, jista' l-Ministru jippreżenta l-informazzjoni għaż-żewġ kategoriji msemmija minnu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li t-total ta’ immigranti li jirrisjedu f’Għawdex huwa 4,646 .
Immigranti li jgħixu f’Għawdex li għandhom Permess ta’ Residenza li jeskludu lil dawk għandhom permess fuq bażi ta’ protezzjoni internazzjonali jammontaw għal 4,461.
Filwaqt li dawk il-persuni li jirrisjedu f’Għawdex li għandhom permess fuq bażi ta’ protezzjoni internazzjonali jammonta għal 185.
Irġiel
Permess ta’ Residenza (esklużi dawk li għandhom protezzjoni internazzjonali)
2,387
Protezzjoni Internazzjonali
146
Nisa
Permess ta’ Residenza (esklużi dawk li għandhom protezzjoni internazzjonali)
1,795
Protezzjoni Internazzjonali
15
Tfal
Permess ta’ Residenza (esklużi dawk li għandhom protezzjoni internazzjonali)
279
Protezzjoni Internazzjonali
24
Ix-Xagħra Għawdex – Trejqet Ġużeppi Sultana – wiċċ ta’ triq
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23026 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta hemm il-ħsieb li jagħti wiċċ ġdid lill-Trejqet Ġużeppi Sultana ġewwa x-Xagħra Għawdex flimkien mas-servizzi li hemm bżonn?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li ser ikun qed jeżamina u jevalwa l-istat ta’ Trejqet Ġużeppi Sultana.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u Infrastruttura Malta – Sponsorships
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-isponsorships li taw il-Ministeru u Infrastructure Malta minn Mejju 2017 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Min approvahom, kemm kienu u x'kien l-iskop tal-isponsorship?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba sal-31 ta’ Awwissu, 2020 diġa’ ingħataw fuq il-mistoqsijiet parlamentari li ġejjin; PQ 15871, 12773, 16927, 19404, 21140 u 21342. Il-kumplament tad-dettalji sa Ottubru 2021 qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u Infrastruttura Malta – Spejjeż ta’ stampar
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-ispejjeż relatati mal-istampar ta' Infrastructure Malta u tal-Ministeru minn Mejju 2017 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Min approvahom, kemm kienu u x'kien l-iskop tal-ispiża?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika t-talba tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li rriżenjaw mill-2017 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, maqsumin sena b’sena u jistax jgħid ukoll il-karigi rispettivi ta’ dawk li rriżenjaw f’dan il-perjodu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-membri tal-Korp tal-Pulizija li rriżenjaw qabel ma għalqu il-25 servizz mis-sena 2017 sas-sena 2021 kienu dan li ġej: 2017 kien hemm 3 Spetturi, 2 Surġenti u 9 Kuntistabbli, fl-2018 kien hemm 3 Surġenti u 13-il Kuntistabbli, fl-2019 kien hemm 3 Surġenti u 8 Kuntistabbli, Fl-2020 kien hemm 5 Spetturi, 4 Surġenti u 6 Kuntistabbli filwaqt li fl-2021 kien hemm 2 Spetturi, 4 Surġenti u 16-il Kuntistabbli.
Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja – investigazzjoni fuq membru tal-Ġudikatura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-1 ta’ Januar 2019 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja qatt kenitx mitluba tinvestiga, jew daħalx rapport quddiemha wara l-1 ta’ Jannar 2019 dwar jekk qattx kien hemm membru tal-Ġudikatura li seta’ ikkomunika sentenza jew digriet tiegħu lil terzi b’mod privat u qabel ma ġiet ippromulgata minnu s-sentenza jew digriet?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja hija Korp Kostituzzjonali u għalhekk din il-mistoqsija ma tistax tiġi mwieġba mill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja.
Avukat Ġenerali – Akkuża ta’ tentattiv ta’ omiċidju volontarju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux aċċettabbli għalih li l-Avukat Ġenerali twaqqa’ akkuża ta’ tentattiv ta’ omiċidju volontarju fejn ikunu ġew sparati iktar minn 60 tir minn kriminali fid-direzzjoni tal-Pulizija waqt hold-up?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huwa Istituzzjoni li tgawdi Indipendenza fuq livell Kostituzzjonali u ma hija soġġetta għad-direzzjoni jew kontroll ta’ ebda persuna jew awtorità oħra. Dan huwa ukoll in konformita mal-prinċipji u l-ħtiġijiet tal-Istat tad-Dritt.
B’ differenza mas-sitwazzjoni fejn tingħata Maħfra Presidenzjali, l-Eżekuttiv ma jiffigura bl-ebda mod fil-patteġġjament ta’ proċessi kriminali u dan ukoll in konformita mal-indipendenza tal-prosekuzzjonijiet fis-sistema legali u kostituzzjonali ta’ Malta.
M’ hijiex il-funzjoni tal-Ministru li jintrometti ruħu fid-deċiżjonijiet indipendenti tal-Avukat Ġenerali fl-eżerċizzju tad-diskrezjoni tagħha dwar il-patteġġjamenti.
L-Eżekuttiv huwa biss tenut li jirrispetta l-indipendenza tal-istituzzjonijiiiet u dan ukoll billi jkompli jsaħħaħhom billi jinvesti fihom u jagħtihom l-mezzi biex jwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod ġust u effettiv.
Il-Gvern huwa impenjat fi process kontinwu u bla precedent biex dejjem isaħħaħ l-istituzzjonijiet.
Electrogas — Avukat Ġenerali – talba lill-Gvern Amerikan rigward significant corruption ta’ individwi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta l-Avukat Ġenerali għamlet talbet lill-Gvern Amerikan biex tingħata l-informazzjoni li d-Dipartiment tal-Istat Amerikan għandu dwar “significant corruption” tal-individwi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament fil-proġett tal-Electrogas li wasslet biex dawn iż-żewġ esponenti tal-Gvern Laburista jiġu mniżżla fi travel ban ix-xahar li għadda? Jekk le, għaliex ma għamlitx din it-talba?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtoritajiet kompetenti jagħmlu xogħolhom b'mod awtonomu.
Qtugħ tal-konsum tal-elettriku minħabba raġunijiet ta’ ħlas
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il dar inqatgħalha l-konsum tal-elettriku, minħabba raġunijiet ta' ħlas?
Response (DALLI, MIRIAM)
L-informazzjoni mitluba hija waħda sensittiva. Però ninforma lill-Onor. Interpellant li sospensjoni tas-servizzi tad-dawl u l-ilma hija l-aħħar azzjoni li tieħu l-ARMS. Din l-azzjoni tittieħed wara diversi tentattivi minn naħa tal-ARMS biex tiġbor l-ammonti dovuta lilha, inkluż permezz ta’ għajnuna bi programm ta’ ħlasijiet u moratorji diversi.
Dawk il-klijenti li l-Ministeru għas-Solidarjeta’ u l- Ġustizzja Soċjali, il-Familja u Drittijiet tat-Tfal tikkategorizza bħala każijiet soċjali huma eżenti minn din is-sospensjoni.
L-ebda servizz ma jiġi sospiż mingħajr ma jkun infurmat il-klijent.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-pajjiżi barranin li għandhom ambaxxata f’Malta? Min huma l-ambaxxaturi barranin residenti f’Malta u fejn jista’ wieħed jikkomunika magħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Malta hawn diversi pajjiżi barranin, kif ukoll l-Ordni Sovran u Militari ta’ Malta, li għandhom Ambaxxata. Il-lista tal-pajjiżi u l-Ambaxxaturi rispettivi hija din li ġejja:
Nru.
Stat/Ordni
Ambaxxatur/Kummissarju Għoli
1
Il-Vatikan
E.T. Mgr Alessandro D’Errico
2
Il-Qatar
E.T. Mr Ali Bin Sad Ali Al-Kharji
3
In-Netherlands
E.T. Frederik Lammert Keurhorst
4
L-Irlanda
E.T. Patrick Duffy
5
Il-Ġermanja
E.T. Walter Haßmann
6
Il-Libja
E.T. Saadun Suayeh
7
It-Turkija
E.T. Kerem Ahmed Kiratli
8
Il-Palestina
E.T. Fadi Hanania
9
Il-Kuwajt
E.T. Faisal Ghazi Almutairi
10
Il-Polonja
E.T. Tomasz Czyszek
11
L-Awstralja
E.T. Jennifer Cartmill
12
Ir-Renja Unit
E.T. Cathy Ward
13
It-Tuneżija
E.T. Yassine El Oued
14
Iċ-Ċina
E.T. Yu Dunhai
15
L-Italja
E.T. Fabrizio Romano
16
L-Indja
E.T. Sangeeta Bahadur
17
Il-Ghana
E.T. Barbara Akoukor Benisa
18
Franza
E.T. Agnès Von Der Mühll
19
Ir-Russja
E.T. Andrey Lopukhov
20
L-Eġittu
Is-Sur Abram Wagdy
(Chargé d’Affaires)
21
Spanja
Is-Sur Daniel Soto Gurpide
(Chargé d’Affaires)
22
Il-Greċja
Is-Sra. Christina Tzalla
(Chargé d’Affaires)
23
L-Istati Uniti tal-Amerka
Is-Sra. Gwendolyn S. Green
(Chargé d’Affaires)
24
Is-Serbja
Is-Sur Bosko Sukic
(Chargé d’Affaires)
25
L-Ungerija
Id-Dott. Gabor Gyorivanyi
(Chargé d’Affaires)
Jista’ jsir kuntatt mal-Ambaxxaturi jew mal-kapijiet tal-Ambaxxati permezz tat-telefown jew imejl. Id-dettalji jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijia parlamentari 23444 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva u l-mistoqsija parlamentari 23712 li saret lill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u li issa ġiet riferuta lilu u jindika kemm hemm anzjani li huma f’xi sptar pubbliku bħala social cases?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-isptarijiet ta’ Malta hemm 32 persuna li ħadet l-kura neċessarja u issa ġew ikklasifikati bħala Long term Care patients u li qed jistennew biex jiġu rilokati f’dar residenzjali. Informazzjoni dwar każijiet soċjali nerġa nitolbu jirreferi lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23675 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se titkompla u titlesta Triq tal-Katidral f’San Pawl il-Baħar, peress li bħalissa tqiegħdu xi pjanċi fit-tarf tat-triq li huma ta’ inkonvenjent għar-residenti speċjalment mal-lejl bl-istorbju li jagħmlu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar li qed jaħdem flimkien mal-Koperazzjoni għas-Servizz tal-Ilma sabiex jara meta se jitkomplew u jitlestu x-xogħlijiet fi Triq tal-Katidral filwaqt li jneħħi kull storbju u nkonvenjent li nħolqu għar-residenti.