B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18381 tat-Tnax-il Leġislatura, jista’ l-Ministru jindika kemm ġew imwaħħla cameras tas-sigurtà f’żoni fejn jintrema ammont ta’ skart illegali?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.
Kors ta’ taħriġ — carers/membri tal-familja li jieħdu ħsieb anzjani u persuni b’diżabilità fil-komunità
Question
Jista’ l-Ministru jindika jekk humiex se jiġu organizzati xi korsijiet ta’ taħriġ għal dawk il-carers / membri tal-familja li jieħdu ħsieb l-anzjani u persuni b’diżabilità fil-komunità?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Minħabba il-pandemija tal-COVID-19 il-programm “10- week programm” kellu jiġi pospost u l-kors mistenni li jitkompla fi Frar 2021 permezz ta’ Online Sessions.
Jista’ l-Ministru jieħu passi immedjati fuq Triq Tumas Chetcuti, f’Ħ’Attard fejn hemm drenaġġ fit-triq inkluż ħmieġ uman u toilet paper? Billi dan ilu hekk għal jiem sħaħ u huwa ta’ periklu għas saħħa tar-residenti, jistgħu jittieħu passi immedjati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onorevoli nterpellant illi fil-25 ta’ Novembru 2020 daħal rapport għand il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma li fit-triq indikata s-sistema tad-drenaġġ ma bdietx topera kif suppost għax kien hemm sadd fis-sistema tad-drenaġġ. Fl-istess ġurnata saret investigazzjoni u l-Korporazzjoni wetqet intervent neċessarju sabiex il-problema ġiet risolta.
Jista' l-Ministru jikkunsidra li jsiru x-xogħlijiet fuq Triq Wenzu Dyer fil-Birgu peress li t-triq għandha wiċċ biċ-ċangaturi taż-żonqor imma jeħtieġ li jsir intervent minħabba l-istat ħażin li tinsab fiha?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.
Kors ta’ taħriġ — carers/membri tal-familja li jieħdu ħsieb anzjani u persuni b’diżabilità fil-komunità
Question
Jista’ l-Ministru jindika jekk humiex se jiġu organizzati xi korsijiet ta’ taħriġ għal dawk il-carers / membri tal-familja li jieħdu ħsieb l-anzjani u persuni b’diżabilità fil-komunità?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Aġenzija Sapport tinvesti ħafna riżorsi f’taħriġ speċjalizzat b’mod regolari għal dawk l-impjegati li jaħdmu b’mod dirett tal-persuni b’diżabilità li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Aġenzija b’mod partikolari dawk fil-komunità. Madankollu l-Aġenzija ma tipprovdix taħriġ għall-qraba. Dan għax skont Artiklu 19 tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) u l-linji gwida tal-European Network of Independent Living hu suġġerit li persuni b’diżabilità fil-komunità kemm jista’ jkun ikollom carers / personal assistants li mhumiex membri tal-familja. Għalkemm ma tipprovidix taħriġ lill-qraba, l-Aġenzija Sapport xorta waħda toffri appoġġ b’diversi modi lill-membri tal-familja fosthom b’seminars virtwali, gruppi ta’ sostenn u workshops informattivi.
Regolamenti rigward apparat li jiġġenera radjazzjoni
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17412 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, 17175 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u 17028 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti kollha li nħarġu mill-Ministeru tas-Saħħa u/jew mis-Superintendent tas-Saħħa Pubblika in konnessjoni ma’ kwalunkwe tip ta' apparat li jista' jiġġenera radjazzjoni li hija tat-tip "non ionizing", inkluż kwalunkwe "standards", prassi u proċeduri li għandhom jiġu segwiti in konnessjoni mal-imsemmi apparat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 17028.
Moniteraġġ tas-Saħħa ta’ membri tal-pubbliku wara l-użu ta’ apparat li jiġġenera radjazzjon
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17413 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-mistoqsija parlamentari 17177 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17030, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji tat-tip ta' moniteraġġ tas-saħħa ta' membri tal-pubbliku matul kif ukoll wara l-użu ta’ apparat li jista' jiġġenera radjazzjoni li hija tat-tip "non ionizing" kif ukoll matul u wara l-imsemmi exposure, flimkien mar-riżultati ta' dak il-moniteraġġ tas-saħħa tagħhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 17030.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu pagamenti, meta u ta’ xiex mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) lill-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament matul l-2018, 2019 u l-2020?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra li permezz tagħha l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament irriżenja minn Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe ittra jew dokument li ntbagħtet minnu u/jew mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji bi tweġiba jew b'rabta mal-imsemmija riżenja?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fid-dawl tar-riżenja minn Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, l-istess Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji ġietx ippreżentata bir-rapport mill-panel imwaqqaf minnu stess sabiex jinvestiga u/jew jivverifika allegati ksur ta' etika mill-imsemmi individwu? Jekk iva, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmi rapport?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-MFSA hi awtorita ndipendenti u mhux kompitu tal-Ministeru dan il-proċess.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Ħaddiema - Telework
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16823 u jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li applikaw għat-teleworking? Kemm minnhom ingħataw il-permess? Kemm minn dawk li applikaw kienu nisa u kemm minnhom irġiel? Kemm minn dawk li fil-fatt ħadmu (jew qed jaħdmu) permezz tat-teleworking kienu nisa u kemm minnhom irġiel?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat li telework inagħta lill-41persuna li applikaw għalih. Minn dawn il-41 persuna hemm 22 nisa u 19 rġiel.
Id-Dettalji tal-Awtorità tat-Trasport ser jingħataw aktar il-quddiem meta jinġabru.
Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru — Ħaddiema - Telework
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16826 u jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li applikaw għat-teleworking? Kemm minnhom ingħataw il-permess? Kemm minn dawk li applikaw kienu nisa u kemm minnhom irġiel? Kemm minn dawk li fil-fatt ħadmu (jew qed jaħdmu) permezz tat-teleworking kienu nisa u kemm minnhom irġiel?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-1 ta’ Marzu 2020 sa Ottubru applikaw wieħed u erbgħin (41) persuna għat-teleworking u kollha ġew milqugħa. Minn dawn wieħed u għoxrin (21) kienu nisa u għoxrin (20) raġel.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16824, jista' l-Ministru jikkonferma li 7 persuni li jaħdmu mas-settur pubbliku biss applikaw għat-teleworking f'Għawdex għal perjodu msemmi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li talbet informazzjoni dwar is-settur pubbliku, igifieri dak li jirrigwardja l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru ta’ dan il-Ministeru, nikkonferma li kien hemm sebgħa talbiet għal telework fil-kumpanija Gozo Channel (Holdings) Ltd.
Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija — Ħaddiema infattati bil-Covid-19
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16830 u jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Il-Magħtab — żona residenzjali - tnaqqis ta' rimi ta' Skart
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Wasteserv għandiex Corporate Social Responsability fiż-żoni fejn għandha l-faċilitajiet tagħha? B'mod partikolari, jista' jgħid fiż-żona residenzjali tal-Magħtab, x'qed isir biex jitnaqqas ir-rimi ta' skart b'mod abbużi fit-toroq ta' madwar fil-faċilità
Response (FARRUGIA, AARON)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant tapprezza daqsna li x-xogħol u r-responsabilitajiet li l-Gvern tefa’ fuq il-WasteServ fin-natura tagħhom fihom element soċjali qawwi għax jagħtu servizz essenzjali ghal kull wiehed u waħda minnha. Sadanittant sa minnżmien twil il-WasteServ toffri servizz ta’ ġbir ta’ skart kummerċjali f’Wied il-Għajn fejn r-residenti f’raġġ ta’ kilometru u nofs mill-impjant tal-WasteServ jirċievu kontribuzzjoni żgħira fis-sena fil-forma ta’ vowċer li jinqata’ bħala akkont mill-kont tad-dawl u l-ilma, anke fil-kuntest tal-enerġija li tkun ġġenerata mill-impjant organiku tal-kumpanija.
Fost affarijiet oħra l-WasteServ flimkien mal-Ministeru tagħmel tajjeb ukoll għal ġbir tal-borża organika minn kull Lokalita’ u anke tieħu ħsieb il-ġbir mill-Marsa tal-iskips taż-żwiemel. Il-WasteServ tieħu ħsieb ukoll it-tindif ta’ numru ta’ toroq fil-Magħtab.
Dwar ir-rimi abbużiv ta’ skart fit-toroq ta’ madwar il-kumpless tal-Magħtab jien infurmat li dawn huma regolati bħal toroq oħra f’Malta u jekk xi ħadd josserva tali abbuż jista jagħmel rapport jew lill-LESA kif ukoll lill-ERA u imbagħad issir l-koordinazzjoni meħtiega anke mal-Pulizija. Iżda ma nistax hawnhekk ma nfakkarx bl-investiment kbir ta’ nofs biljun euro li ser tkun qed tagħmel l-WasteServ fis-snin li ġejjin f’impjanti tat-trattament tal-iskart mill-aktar moderni u li ser ikollhom is-salvagwardji neċessarji kollha.
Irrid infakkar ukoll li dalwaqt noħorgu għal konsultazzjoni il-pjan il-ġdid għall-immaniġġjar tal-iskart li ser iressaqna biex nilħqu l-miri u obbligi tagħna fil-qasam tal-iskart u dan għal ġid tal-poplu kollu kemm hu ġej mill-liema lokalita ġej.
In-Naxxar — Triq il-Fortizza tal-Mosta - xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fuq Triq il-Fortizza tal-Mosta fin-Naxxar? Fiex wasal ix-xogħol sal-mument li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ? X'fadal xi jsir? Meta hu ppjanat li titlesta din it-triq?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 16107 li saret mill-istess Onor. Interpellant f’Seduta 365 u nżid li l-aħħar fażi tax-xogħlijiet f’din it-triq bdiet fl-ewwel ġimgħa t’Ottubru. Tlesta x-xogħol fuq il-mains tal-ilma u bdew xogħlijiet fuq bankini ġodda. Huwa ppjanat li x-xogħlijiet jitlestew fl-ewwel kwart tal-2021.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu bi qligħ f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena mill-2013 sal-aħħar ta' Ottubru 2020, klassifikati taħt irġiel u nisa, full-time u part-time, jaħdmu għal rashom u impjegati ma' ħaddieħor fis-settur pubbliku, maqsuma f'dipartimenti tal-gvern u organizzazzjonijiet parastatali u fis-settur privat taħt id-diversi oqsma ta' produzzjoni diretti u dawk ta' servizzi tas-suq? Jista' jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema f'Għawdex li kellhom xogħol part-time minbarra x-xogħol full-time tagħhom fl-aħħar ta' kull sena mill-2013 sal-aħħar ta' Ottubru 2020?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli kif ġej:
Tabella A turi kemm kien hemm persuni jaħdmu f’Għawdex fuq bażi full-time u part-time bħala xogħol ewlieni tagħhom, fl-aħħar ta' kull sena minn Diċembru 2013 sal-aħħar ta' Jannar 2020, maqsuma f’irġiel u nisa, jaħdmu għal rashom u impjegati ma' ħaddieħor fis-settur privat, jaħdmu f'dipartimenti tal-gvern u organizzazzjonijiet parastatali, taħt id-diversi oqsma ta' produzzjoni diretti u dawk ta' servizzi tas-suq.
Tabella B tindika n-numru ta' ħaddiema Għawdxin li kellhom xogħol part-time minbarra x-xogħol full-time tagħhom.
L-aħħar ċifri ppublikati huma ta’ Jannar 2020.
Nomina ta' persuni għal karigi elenkati fit-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda tal-Kap. 595
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid mill-2018 s’issa, kemm-il nomina ta’ persuni għal karigi kif elenkati fit-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda tal-Kap. 595 tressqu għal kunsiderazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi skont l-artikolu 38 tal-Kap. 595? F’kull każ x’kienet l-kariga li għaliha l-persuna kienet nominata u x’kien l-eżitu? Jista’ jgħid jekk hux qed tiġi kkunsidrata li l-lista tal-karigi msemmija fit-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda tal-Kap. 595 tiġix estiża wkoll għall-membri tal-bordijiet tat-tmexxija tal-entitajiet pubbliċi elenkati fl-istess skeda?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li l-ebda kariga milli tinsab imsemija fit-tieni taqsima tal-Ħames Skeda ta’ Kap 595 ma taqa’ taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Għad-diskussjoni dwar jekk din il-ligi tistax tigi estiża wkoll għal karigi oħra, l-Interpellant għandu jirreferi għad-diskussjoni ta’ meta tressaq l-abbozz ta’ liġi.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-Mistoqsija Parlamentari 15598 kollha kemm hi u jgħid kemm-il ftehim għandu l-Ministeru għal Għawdex mal-Kurja ta' Għawdex u oħrajn ġodda li kien hemm f'dawn l-aħħar xhur? Jista' jgħid xi jkopri kull ftehim? Jista' jgħid kemm hu l-ħlas totali li sar s’issa fuq kull ftehim? Jista' jpoġġi kopja ta' kull ftehim li hemm bejn il-Gvern u l-Kurja ta' Għawdex fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 15598.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar s'issa u x'jonqos isir fuq kull kors, skema u proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020? Jista' jagħti t-timeframes bid-data sa meta għandu jitlesta x-xogħol li jonqos isir? Kemm kienet l-istima oriġinali u kemm hija mistennija li tkun l-ispiża issa? Fejn hemm differenza bejn l-istima oriġinali u dik riveduta, x'inhi r-raġuni għad-differenza?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 illi huma preżentement għaddejjin u għadhom ma tlestewx huma dawk skont it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Qed nelenka ukoll ir-raġunijiet għad-differenzi bejn l-istima oriġinali u dik riveduta, fejn hu l-każ.