Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birżebbuġa – Fortizza ta’ Bengħajsa — restawr

Question

Jista’ l-Ministru jispjega jekk l-Awtoritajiet għandhomx ippjanat li jieħdu lura f’idejhom il-pussess tal-Fortizza ta’ Bengħajsa ġewwa Birżebbuġa u jibdew jieħdu ħsieb u jirrestawraw din il-binja militari tal-perjodu tal-Imperu Ingliż hekk importanti u dan peress li din hija binja militari u rridu li nippreservawha u nipproteġġuha għall-ġenerazzjoni futuri?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Tas-Silġ – Fortizza — pjanijiet

Question

Jista’ l-Ministru jispjega jekk l-Awtoritajiet għandhomx ippjanati li jagħmlu xogħol ta’ restawr u manutenzjoni fuq il-ħitan ta’ barra u s-swar tal-fortizza ta’ Tas-Silġ li hemm ġewwa ż-żona ta’ Tas-Silġ ġewwa Delimara, Marsaxlokk? Peress li hu ovvju li l-NGO li hemm tokkupa dan il-post bħalissa, li xogħolha hu li tieħu ħsieb u tikkura l-annimali, ma għandix il-finanzi u r-riżorsi sabiex tara li dawn ix-xogħlijiet ta’ tiswijiet u restawr taħt meħtieġ isiru, għaldaqsant jista’ jara li l-Awtoritajiet konċernati jaraw li jieħdu ħsieb li dawn it-tiswijiet u dan ix-xogħol ta’ restawr isir mill-aktar fis possibbli?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Good Samaritan Hospital – spiża ta’ kull sodda

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm qiegħda tiġi tiswa lill-Gvern kuljum sodda fil-Good Samaritan Hospital? Jista’ jgħid mil-liema baġit qed jitħallsu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #17447 Sitting 405 2020-11-30 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Tfal vulnerabbli li qed jattendu skola bla maskra – miżuri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk għandhiex pjan u x'miżuri se jittieħdu għal dawk it-tfal vulnerabbli li qed jattendu l-iskola bla maskra,u dan biex kulħadd jattendi l-iskola b'rasu mistrieħa?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni segwa l-gwida u l-pariri maħruġa mill-awtorità tas-saħħa pubblikati fit-2 ta’ Settembru 2020 u l-istruzzjonijiet tal-Ministeru tas-Saħħa kif maħruġa fil-11 ta’ Settembru 2020, The Mandatory Use of Medical or Cloth Masks (Amendment No. 2) Regulations (LN 335 of 2020) rispettivament, fejn studenti li għandhom il-kundizzjoni tal-awtiżmu li jesperjenzaw sensazzjonjiet partikolari u sensittivi u mhux kapaċi jilbsu l-maskra, ġew eżentati milli jilbsuha. Sadanittant, l-iskejjel flimkien mal-ġenituri, huma fid-dmir li jibqgħu jedukaw lil dawn l-istudenti fl-ilbies tal-maskra. Studenti li jmisshom jilbsu l-maskra fl-iskola u ma jilbsuhiex, mhumiex permissibbli fl-iskejjel.

Flus minfuqa biex titnaqqas l-problema tal-obeżità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm intefqu flus matul dawn it-tliet snin biex titnaqqas il-problema serja tal-obeżità fost il-Maltin u l-Għawdxin? Kif intefqu dawn il-flus fis-snin imsemmija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizzi rigward l-obezita’ huma varji u jingħataw minn professjonisti varji fosthom nutritionists, dietricians, u diversi tobba u nurses speċjalizzati f’dan il-qasam. Jingħataw ukoll diversi tipi ta’ trattamenti fosthom anki kirurġija barjatrika. Saru diversi programmi ta’ għarfien minn naħa tad- Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard fosthom Outreach and Printing material, aerobics and weight management classes, ingħatat informazzjoni permezz ta’ kull mezz tal-midja, sar national food consumption survey, kif ukoll ingħata taħriġ u seminars adekwati lill-professjonisti u lill kull min hu involut kif ukoll lill-pubbliku ingenerali. Dawn is-servizzi jkunu parti minn servizz olistiku. Ma tin¿ammx figura speċifika għal servizzi li jirrigwardjaw l-obezita’.

Problema ta’ obeżità fost it-tfal u l-familji — kampanji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk f’din il-Leġiżlatura sarux kampanji minħabba l-problemi serji ta’ obeżità fost it-tfal u l-familji Maltin u Għawdxin? Jekk iva, fiex kienu jikkonsistu dawn il-kampanji nazzjonali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill 2017 il-quddiem saru diversi kampanji sabiex titnaqqas l-obeżita’ f’Malta speċjalment fost it-tfal u l-adolexxenti Maltin. L-għan tas-sena 2017 kien sabiex jiżdied l-għarfien u l-edukazzjoni lill-pubbliku ġenerali dwar l-importanza li jitnaqqas zokkor liberu fid-dieta’ jiġifieri dak iz-zokkor li jinsab fl-ikel ipproċessat. Dan peress li hu fattur ieħor importanti fil-ġlieda tagħna kontra l-obeżità. It-tnaqqis tal-kaloriji żejda miz-zokkor liberu huwa approċċ faċli sabiex jintilef il-piż żejjed u jinżamm piż tajjeb għas-saħħa tul il-ħajja. Zokkor liberu huma zokkor li ġew miżjuda mal-ikel jew xorb sabiex dawn isiru aktar ħelwin. L-obeżità fit-tfulija kellu punt maġġuri matul il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea f’ Malta fis-sena 2017. Fi studju ntwera li proporzjon għoli tat-tfal Maltin għandhom il-piż żejjed jew l-obeżità. Għaldaqstant, sabiex tiġi ndirizzata din l-isfida, ġie mnehdi ukoll il-Gwida tad-dieta ġdida għall-ġenituri ta' tfal fl-etajiet ta' tlett snin sa tnax-il sena. Din il-gwida tad-dieta ġdida hija bbażata fuq il-prinċipji tad-Dieta Mediterranja u konformi mal-Gwida tal-ikel tad-dieta għall-Adulti Maltin. F’din il-gwida ingħatat gwida bl-idejn għad-daqsijiet xierqa tal-proporzjonijiet fl-ikel għat-tfal li qegħdin jikbru u jiżviluppaw. L-għanijiet addizzjonali ta’ din il-kampanja jinkludu: • Li teduka lill-pubbliku dwar l-ismijiet eżistenti differenti taz-zokkor fil-prodotti tal-ikel u sabiex il-pubbliku jsir aktar konxju dwar it-terminiloġiji differenti li jirreferu għaz-zokkor liberu u jifhmu l-impatt ta' dawn it-tipi differenti ta’ zokkor fuq is-saħħa tagħhom. • Li teduka lill-pubbliku dwar zokkor moħbi fil-prodotti tal-ikel; u dwar l-importanza tal-qari tat-tikketti tal-ikel waqt ix-xiri sabiex jiġu evitati prodotti b'livelli għolja ta' zokkor. • Li tippromovi l-gwida tad-dieta “Ikel Bnin għat-tfal - Gwida għall-ġenituri". • Li tqajjem kuxjenza kemm li t-tfal huma grupp partikolarment vulnerabbli, u li huma aktar f'riskju ta’ problemi ta' saħħa minħabba il-konsum ta’ zokkor għoli fid-dieta tagħhom. Saru reklami kemm fuq ir-radju u t-televiżjoni kif ukoll fuq il-midja soċjali. Il-kampanja li seħħet matul ix-xahar ta' Mejju tal-2017 u x-xhur ta’ wara, kellha l-għan li tilħaq setturi varji tal-popolazzjoni, speċjalment dawk tat-tfal u adolexxenti permezz tal-inklużjoni ta' diversi avvenimenti soċjali fi ħdan il-komunitajiet Maltin. Is-Strateġija Nażżjonali kontra il-Piż ¯ejjed: Il-Piż żejjed huwa problema tas-saħħa pubblika li qiegħed jiffaċja il-poplu Malti. Sar xogħol biex inħeġġu n-nies jieklu ikel bnin u dieta’ tajba bbażata fuq id-dieta Meditteranja, attivata’ fiżika u tnaqqis ta’ piż zejjed. Ġiet organizzata kampanja ta’ edukazzjoni u għarfien dwar kif it-tfal għandhom jkunu aktar b’saħħithom. Saru 27 Programmi tat-Telf ta’ Piż ġewwa l-kunsilli lokali jew fiċ-Ċentri tas-Saħħa li għalihom pparteċipaw 844 persuna. Il-programm ta' Telf ta’ Piż mogħtija mid-Direttorat huwa bbażat fuq sessjonijiet għal-grupp ta’ nies li jixtiequ li jitilfu l-piż. Tenfasizza l-bidla u għażliet tal-ħajja li jtejbu s- saħħa tul il-ħajja. Saru ukoll programmi ta’ Telf tal-Piż għal dawk b’dijabete’. Dawn il-programmi huma pprovduti mid-Direttorat u l-Isptar Mater Dei. Saru 3 programmi għal 33 persuna. Attivitajiet fil-Post tax-Xogħol-Tkomplew attivitajiet fuq il-post tax-xogħol. Saret ħidma ma entitajiet ġodda u komplejna x-xogħol mal-ħaddiema ta’ kumpaniji li beda’ fis-snin ta’ qabel. Sar tagħlim lill-ħaddiema dwar id-dieta, il-mard kroniku mħux infettiv u t-tabakk. Saru programmi ta’ telf tal-piż u biex jieqaf it-tipjip. Attivitajiet fil-Kommunita- Saru aktar minn 60 attivita’ fil-kommunita, inkluż Notte Bianca, Health Week Junior College, Fresher’s Week fl-Universita’ u MCAST. Dawn l-attivitajiet iservu bħala opportunita biex nersqu aktar viċin ma’ membri tal-pubbliku minn lokalitajiet differenti li għandhom bżonnijiet differenti. Nipprovdu informazzjoni dwar d-dieta, l-attivita fiżika, is-saħħa sesswali, l-użu tat-tabakk, t-telf tal-piż u l-prevenzjoni tal-kanċer u donazzjoni ta’ l-organi. Matul l-2018 l-kampanja annwali dwar il-prevenzjoni tal-obeżità, mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, iffokat fuq il-prevenzjoni tal-piż żejjed fit-tfulija waqt li ppromwoviet ukoll is-saħħa ġenerali fost it-tfal. Fil-fatt, it-titlu magħżul għall-kampanja ta' din is-sena kienet KIDS4HEALTH. Komplew jintużaw karattri minn kampanja ta’ suċċess li kienet saret mill-istess Direttorat immirata lejn t-tfal biex jippromwovu ikliet tajbin waqt li t-tfal ikunu l-iskola, biex jitwassal il-messaġġ b’aktar qawwa u b’mod effettiv lit-tfal u lill-ġenituri sabiex jiġu kkunsmati ikliet u snacks tajbin għas-saħħa filwaqt li jisserva l-ikel f'qisien moderati. Il-kampanja tal-2018 kellha approċċ b’bosta livelli, fosthom: · Sett ġdid ta' Linji Gwida tad-Dieta għat-Tfal Maltin ta' bejn it-3 snin u 12-il sena mħejjija f’kollaborazzjoni bejn in-Nutrizjonisti fi ħdan id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard f’kollaborazzjoni ma’ esperti oħra mill-Università ta' Malta, l-Isptar Mater Dei u l-MCAST. Dawn il-linji gwida ġodda tad-dieta għat-Tfal Maltin jinkludu gwida faċli biex tkejjel id-daqs tal-porzjonijiet ta' ikel nutrittiv adegwati skont l-età tat-tfal bl-użu tal-id tat-tfal. Dawn il-linji ġwida huma ibażati fuq il-linji ġwida għal-adulti u jużaw il-platt bnin biex jispjeġaw is-7 gruppi ta’ ġruppi ta’ nutrijenti li huma il-qofol ta dieta’ bbilanċjata. · Saru diversi attivitajiet mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard fejn tqassmu dawn il-gwida ġodda għat-tfal Maltin. Barra minn hekk, ġew offruti pariri nutrizzjonali flimkien ma’ opportunitajiet fejn il-ġenituri staqsew dwar diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom sabiex irawmu drawwiet u l-imġieba tajba tal-ikel fit-tfal; kif ukoll biex jinżamm piż tajjeb għat-tul tagħhom. · L-użu tal-midja permezz ta' pubblikar ta’ artikli, reklami tat-televiżjoni u tar-radju; parteċipazzjoni fuq programmi tar-radju u tat-televiżjoni u wkoll l-użu tal-midja soċjali. Proġett Ġdid dwar il-Prevenzjoni tal-Piż ¯ejjed fit-tfal tal-kindergarten – Toybox :Dan kien proġett parzjalment iffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropeja bħala parti minn Joint Action Chrodis-Plus. Il-mira tal-proġett huwa li ntejbu l-imġieba ta’ tfal ta 3 u 4 snin f’erbgħa fatturi li jaffetwaw is-saħħa – ix-xorb tal-ilma, l-ikel u s-snacks sustanzjuzi, l-attivita fiżika, is-saħħa tal-ħalq u t-tnaqqis ta’ ħin bil-qegħda. Il-proġett kien imniehed fi tlettax il-skola tal-Knisja u erbatax skola indipendenti. Kien hemm laqgħat ta’ taħriġ lill-għalliema f’dawn l-iskejjel kif ukoll lagħqat għal ġenituri f’kull skola. Ir-riżorsi li ntużaw inkludu manwal għal għalliema, u newsletters għal ġenituri. Dawn ir-riżorsi huma kemm bil-Malti u l-Inġliz. Numru ta’ tfal ingħataw pedometru għal żmien ta’ ġimgħa biex nistaw naraw in-numru ta’ passi li jagħmlu. Kien hemm 741 tifel u tifla pparteċipaw f’dan il-proġett. Taħriġ dwar t-tnedija tal-Avviż Legali 266 ta’ 2018 għal għalliema: Tul l-2018, saret it-tnehdija tal-Avviż Legali numru: 266 ta’ 2018 fejn l-ikel u x-xorb tajjeb għas-saħħa biss se jkun permess fl-iskejjel. Għal dan il-għan, kienet saret laqgħa informattiva mas-Sidien tat-Tuckshops li jissupplixxu l-ikel u x-xorb waqt il-ħin tal-iskola. F’din il-laqgħa ġew spjegati kemm dak li jingħad f’dan l-avviż kif ukoll ġie spjegat it-tipi ta’ ikel u xorb permessibbli u dawk li mhux permessibbli fl-iskejjel. Din l-informazzjoni ingħatat ukoll lill-Kapijiet tal-Iskejjel kollha kemm tal-Istat, tal-Knisja u kif ukoll dawk Indipendenti. Dan l-avviż legali jesiġi li l-unika ikel li jista’ jinxtara fl-iskejjel u jiġi offrut fil-iskejjel huwa ikel u l-ilma li huwa tajjeb għas-saħħa u li jevita ammonti żejda ta’ zokkor, xaħam u melħ. Kampanja rigward It-Treddigħ: L-għan tal-kampanja kien li inżidu t-tagħrif dwar it-treddigħ u l-beneffiċji tiegħu kemm għal omm u għat-tarbija. Saru żewġ seminars (kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex) għal nisa tqal u l- partners tagħhom kif ukoll għal familji b’tarbija ġdida. Matul dawn is-seminars, ingħatat informazzjoni dwar kif isir it-treddigħ u l-intoppi li jistgħu jinqalgħu, dwar l-ikel għat-tarbija wara t-treddigħ u kif l-omm tista tmur lura x-xogħol u tkompli tredda. Inizjattivi Oħra matul din l-istess sena kienu: Studju Nazzjonali dwar il-Konsum tal-Ikel : Tkompla x-xogħol ta’ analiżi fuq dan is-studju fejn kull persuna li pparteċipa kien intervistat darbtejn dwar l-ikel li kiel fl-aħħar 24 siegħa. Attivitajiet fil-Post tax-Xogħol - Tkomplew attivitajiet fuq il-post tax-xogħol. Kompliet issir ħidma ma entitajiet ġodda u komplejna x-xogħol mal-ħaddiema ta’ kumpaniji li beda’ fis-snin ta’ qabel. Sar tagħlim lill-ħaddiema dwar id-dieta, il-mard kroniku mħux infettiv u it-tabakk. Saru programmi ta’ telf tal-piż u biex jieqaf it-tipjip. Attivitajiet fil-Kommunita’ saru 57, inkluż Notte Bianca, Health Week Junior College, Fresher’s Week fl-Universita u MCAST, il-Belt Valletta, Food Festival eċċ. Dawn l-attivitajiet isservu bħala opportunita’ biex setgħu jersqu aktar viċin membri tal-pubbliku minn lokalitajiet differenti li għandhom bżonnijiet differenti. Nipprovdu informazzjoni dwar d-dieta, l-attivita fiżika, is-saħħa sesswali, l-użu tat-tabakk, t-telf tal-piż u l-prevenzjoni tal-kanċer u donazzjoni ta’ l-organi. Programmi tat-Telf ta’ Piż saru 33 programmi fil-kunsilli lokali jew fiċ-Ċentri tas-Saħħa. Ipparteċipaw 1323 persuna. Il-programm ta ' Telf ta’ Piż mogħtija mid-Direttorat kien ibbażat fuq sessjonijiet għal-grupp ta’ nies li jixtiequ li jitilfu l-piż. Ġie enfasizzat il-bidla u għażliet tal-ħajja li ittejbu s-saħħa tul il-ħajja. Programm ta’ Telf tal-Piż għal dawk b’dijabete- Dan il-programm huwa pprovdut mid-Direttorat u l-Isptar Mater Dei. Saru 2 programmi għal 18 persuna. Ħu Kontroll - Programm ta’ awtoġezzjoni għall-nies li jgħixu b’mard kroniku mħux infettiv: Dan il-programm sar fi tlett kunsilli Lokali. L-għan tal-programm huwa li jgħallem ħiliet ġodda lill partiċipanti biex jistgħu jghixu ħajja aħjar anki għall-nies li jgħixu b’mard kroniku mħux infettiv. Saru 2 programmi għal 16 persuna. Sar ukoll Taħriġ għal Professjonisti tas-saħħa dwar il-kura tal-Obeżita’ fl-adulti: Matul ix-xahar ta’ Novembru, saru tlett seminars għal professjonisti tas-saħħa, inkluż tobba tal-familja, dwar aspetti varji tal-kura ta’ adulti li huma obeżi. Dawn saru flimkien ma’ l-assoċjazjoni internazjonali EASO (European Association for the Study of Obesity), fejn grupp ta’ sebgħa speċjalisti minn diversi pajjiżi ġew iħarġu lil-professjonisti Maltin. Taħriġ dwar il-prattika tal-motivational interviewing: Motivational interviewing hija teknika li professjonisti tas-saħħa jużaw biex jgħinu lil persuni li jixtiequ jagħmlu xi tibdil iżda mhumiex ċerti kif. Din il-prattika tibni fuq il-motivazzjoni tal-persuna u l-kapaċitajiet li hija ikollha, bla tiġi ġġudikata. Il-professjonista jagħti s-sapport u jħalli l-klijent jagħmel l-għażliet li jixtieq hu mingħajr xi pressjoni żejda. Dan it-taħriġ sar għal grupp ta’ 15-il professjonist ta’ saħħa. Dan huwa l-ewwel pass biex inżidu l-użu ta’ din it-teknika u ngħinu l-klijenti tagħna biex ibiddlu l-istil ta’ ħajja għal-aħjar. F’Marzu tas-sena 2019, ġew mnehdija l-Linji Gwida tad-Dieta’ Maltin il-ġodda għat-Trabi u t-Tfal Maltin, minn 6 xhur sa 3 snin. Din il-gwida tipprovdi lill-ġenituri u lil dawk li jieħdu ħsiebhom tagħrif dwar il-varjetà ta’ gruppi ta’ ikel, it-tip u l-ammonti ta’ ikel introdotti waqt l-għalf komplementari skont l-età tat-tarbija tagħhom f’xhur. L-espożizzjoni għall-varjetà wiesgħa ta’ ikel ittejjeb is-sens tat-togħma, riħa u mess tal-ikel fost it-trabi. Ikel li fih melħ, zokkor u xaħmijiet saturati għandu jiġi evitat minn dan l-istadju bikri tal-ħajja għal saħħa fiżika, mentali u orali tajba. F’Ottubru 2019, l-Kampanja annwali dwar il-Jum Dinji dwar l-obeżità, d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, iffukat u waqfet proġett pilota fuq il-prevenzjoni tal-piż żejjed fost il-ħaddiema fil-postijiet tax-xogħol. Kien il-ħsieb li dan l-istess proġett jiġi mifrux fuq numru aktar wiesgħa ta’ kumpaniji sabiex jittieħdu l-istess inizzjattivi f’postijiet oħra tax-xogħol. Fl-aħħar tas-sena 2019 dan l-istess Direttorat beda’ l- kampanja nazzjonali ġdida tiegħu ' l-Fibra Tgħodd !' L-Għan kien sabiex jinforma u jħeġġeġ lill-pubbliku ġenerali biex jifhem l-importanza tal-fibra u biex jittiekel aktar ikel li jkun jikkonsisiti fil-fibra fid-dieta ta' kuljum tagħhom - ikel bħal ċerejali sħaħ, ful, legumi, ġewż, żrieragħ, ħaxix u frott biex itejbu saħħithom. Din il-kampanja ewlenija hija tweġiba għal riċerka reċenti li wriet li l-maġġoranza tan-nies qed jikkunsmaw ammonti insuffiċjenti ta' fibra fl-ikel biex jipprevjenu ċertu kundizzjonijiet ta' saħħa. Ammonti adegwati ta' fibra fl-ikel jistgħu jinkisbu mill-konsum ta' dieta stil Mediterranju. Għaldaqstant id-Direttorat prepara fuljett informattiv dwar l-importanza tal-fibra tad-dieta fejn ġie ppubblikat u tqassam ukoll fil-programmi tat-telf ta’ piż online minn dan l-istess Direttorat. Din il-kampanja tkompliet fis-sena 2020. Saret ukoll produzzjoni ta' riċetti b'saħħithom tal- Barbeque . Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard ippubblika dawn ir-riċetti preparati minn professjonisti tas-saħħa fi ħdan id-Direttorat, sabiex kulħadd li jgawdi BBQ ikun jista’ jagħmel dan billi jiekol ikel appetittiv, bit-togħma u kif ukoll bnin. Ingħata taħriġ dwar miżuri ta’ prevenzjoni bbażati fuq il-popolazzjoni biex jitnaqqas l-użu tal-melħ, ingħatat aktar promozzjoni dwar l-attività fiżika biex jiġi evitat l-piż żejjed u l-obeżità. Dawn inkludu promozzjonijiet u aktar informazzjoni lil tfal, fiscal policies, u interventi fl-iskejjel. L-għan ta 'dan it-taħriġ huwa li tiżviluppa pjan direzzjonali biex tegħleb l-isfidi u tintegra interventi qosra b'suċċess fis-sistema tal-kura tas-saħħa primarja biex tnaqqas il-fatturi ta' riskju tan-NCD. Ġiet implimentata l-inizzjattiva tat-Toybox lil tfal fl-iskejjel tal-kindergarden fejn saru f’forma ta’ avventuri differenti li jinkludu togħmiet differenti kif ukoll attivita’ fiżika. Din l-inizzjattiva ġiet identifikata bħala l-aqwa prattika f’Chrodis (2014-2017) li kienet tindirizza ix-xorb tal-ilma, l-ikel u s-snacks sustanzjużi, l-attivita fiżika, is-saħħa tal-ħalq u t-tnaqqis ta’ ħin bil-qegħda. Il-proġett kien sar f’27 skejjel tal-Knisja u indipendenti f’Malta u f’Għawdex, indirizzat ukoll il-bidla fl-imġieba fost it-tfal ta’ 3-4 snin’. Minn din l-implmentazzjoni ibbenefikaw 991 tfal flimkien mal-familji tagħhom. Intużaw riżorsi li jinkudu manwal għal għalliema, u newsletters għal ġenituri. Dawn ir-rizorsi huma kemm bil-Malti u bl-Inġliz. Numru ta’ tfal ingħataw pedometru għal żmien ta gimgħa biex stajna naraw in-numru ta’ passi li jagħmlu. Hemm 741 tifel u tifla li pparteċipaw f’dan il-proġett. It-tim ta’ ToyBox kien imħarreġ minn espert u sussegwentement ħarreġ lill-għalliema tal-kindergarten dwar kif l-aħjar jiġi implimentat dan il-programm. Biex jiġu vvalutati l-benefiċċji tal-programm ittieħed kejl antropometriku, pedometrija, saru kwestjonarji u ukoll valutazzjonijiet ta' iġjene orali li twettqu kemm qabel u wara l-implimentazzjoni. Feedback mill-għalliema s'issa indika titjib fl-għarfien dwar is-saħħa u d-drawwiet ta' l-ikel u x-xorb. F’Mejju 2019 membri tat-tim ToyBox attenda Chrodis plus General assembly and Conference f’Budapest fejn saret ukoll preżentazzjoni ta’ poster dwar l-implimentazzjoni tal-ToyBox f’Malta. F’Ġunju 2019, il-Bord tat-Tmexxija tal-proġett iltaqa’ għal laqgħa f’Malta u ġiet ippreżentata l-implimentazzjoni tal-programm. Saret żjara f'waħda mill-iskejjel implimentattivi u ġie ppreparat filmat qasir ta' implimentazzjoni fi skola tal-knisja u ġie muri lill-membri tal-bord governattiv. Matul s-sena 2019, saret ukoll il-kampanja “Ħajja B’saħħitha fil-Komunità” b’kollaborazzjoni ma ’diversi Kunsilli Lokali. Tim ta ’professjonisti tas-saħħa għamel sessjonijiet fil-kunsill lokali, b’membri tal-pubbliku kienu mistiedna jattendu. Is-sessjonijiet kienu dwar ikel bnin u tajjeb għas-saħħa, l-beneffiċċi ta’ attività fiżika u eżempji sempliċi, saħħa dentali u inkludew ukoll l-opportunità li jiġu ċċekkjati l-pressjoni tad-demm u l-glukożi fid-demm. Il-pubbliku ġie infurmat dwar is-servizzi offruti mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard (klassijiet għall-immaniġġjar tal-piż, appoġġ għat-twaqqif tat-tabakk, programm għall-immaniġġjar tal-piż fid-dijabete u programm għall-awtoesjoni). Fl-2020 minkejja l-pandemija tal-Covid-19, nħarġu gwidi dwar in-nutrizzjoni u l-attività fiżika għall-popolazzjoni ġenerali u l-popolazzjoni f'riskju għoli mill-coronavirus. F'Ottubru, bdew jitwasslu programmi ta' nuqqas ta’ piż onlajn li jikkonsistu f'sessjonijiet ta' grupp ma 'nutrizzjonisti rreġistrati u sessjonijiet ta' attività fiżika ma' għalliema kwalifikati. Dan kien akkumpanjat minn kampanja tal-midja online.

Reklami tal-junk food

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk huwiex il-waqt li jintroduċi leġiżlatura biex tirrestrinġi l-użu tar-reklami tal-junk food f’pajjiżna biex innaqsu mill-problema serja tal-obeżità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Imwiet minħabba l-problema tal-obeżità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm kien hemm persuni li mietu kawża ta’ mard marbut mal-obeżità f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Intepellant illi skont l-istimi li nħadmu mill-IHME (Institute for Health Metrics and Evaluation GBD Results Tool | GHDx (healthdata.org)) kien hemm 369 mwiet li jistgħu jiġu attribwiti għall-obe¿ità f’Malta fl-2019. Din il-figura, ras għal ras, hija nqas mill-medja Ewropea.

Imwiet — Funerali mħallsin mill-Gvern

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il każ ta' mewt u kemm-il funeral sar li daħal għalih il-Gvern mis-sena 2013 sal-lum, sena b'sena, minħabba li l-mejjet ma kellu lil ħadd jew ma kellux biex jindifen,?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-2013 sal lum kien hemm 3 persuni li mietu u li l-funeral tagħhom tħallas mill-isptar kkonċernat.

Community Police – Mellieħa — Rapport mill-Università ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar studju li sar mill-Università ta’ Malta dwar il-Pulizija tal-Komunità fil-Mellieħa, liema rapport għamel referenza għalih il-Ministru waqt id-dibattitu fuq abbozz numru 174 li kien għaddej fil-Kamra nhar it-Tnejn 23 ta’ Novembru 2020?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra preżentazzjoni dwar dan l-istudju li r-riċerkatur kien għamel lill-Kunsilli Lokali involuti fil-proġett tal-Community Policing bħala parti minn sessjoni ta' konsultazzjoni.
Leg 13 PQ #17470 Sitting 405 2020-11-30 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

NSO – pubblikazzjoni tar-Registered Employment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma baqax jippubblika l-istatistika Registered Employment minn Jannar li għadda 'l hawn, kuntrarju għal dak li kien jiġri qabel kull xahar u għal snin sħaħ??

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma kienx qed jippubblika l-istatistika Registered Employment matul ix-xhur imsemmija minħabba dewmien min-naħa tas-sors biex jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar impjiegi fis-settur pubbliku. L-informazzjoni li tkopri l-ewwel xhur tas-sena 2020 se tinħareġ mill-aktar fis possibbli. Hekk kif l-Uffiċċju jkollu data għall-pubblikazzjoni tan- news release , din tkun aġġornata fuq il-kalendarju li huwa disponibbli online .

Manikata – Triq tal-Wilġa – traffic calmers

Question

Jista’ l-Ministru jara li mill-aktar fis, isiru s-sinjali tat-traffiku meħtieġa li jinkludu miżuri ta’ traffic calmers fi Triq tal-Wilġa fil-Manikata speċjalment qabel ma’ taqbad l-aħħar kisra destinazzjoni lejn Sqaq Ħarruba u Triq il-Manikata?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat, Transport Malta tinsab f’diskuzzjonijiet mal-kunsill lokali fir-rigward ta’ implimentazzjoni ta’ ‘safety preventive measures’ f’din it-triq.

Triq il-Milizzja, Triq is-Salina u Triq tal-Imdawra fil-limiti tan-Naxxar – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel ix-xogħol meħtieġ biex jittranġa l-istat ħażin li jinsabu fih Triq il-Milizzja, Triq is-Salina u Triq tal-Imdawra, kollha fil-limiti tan-Naxxar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 120 triq residenzjali. Fil-lokalità tan-Naxxar diġà nbnew mill-ġdid Triq il-Kappella ta’ San Mikiel, Triq ix-Xbieki u Triq John Adye, waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq San Pawl, Triq il-Forġa u Triq il-Fortizza tal-Mosta. It-toroq indikati diġà kienu ppjanati minn Infrastructure Malta biex jinbnew mill-ġdid fiż-żmien li ġej flimkien ma’ diversi toroq oħrajn li jinkludu Triq il-Ġdida, Triq il-Magħtab, Triq Leli Falzon, Triq Ġdida fi Triq tat-Tarġa u Triq Santa Klara. L-aġenzija diġà għamlet ukoll xogħlijiet f’diversi toroq oħrajn fil-lokalità tan-Naxxar. Dawn kienu jinkludu xogħol fit-Telgha ta’ Alla u Ommu, Triq Wied Filep, Triq Santa Fawstina ta’ Kowalska, Triq Tal-Balal, roundabout junction ġdida fi Vjal il-Labour, kif ukoll titjib fir-roundabout junction bejn Triq il-Parroċċa and Triq San Pawl fost oħrajn. Sar ukoll titjib kbir fit-toroq ewlenin tal-inħawi bejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, l-Iklin u n-Naxxar, filwaqt li nbena parkeġġ ġdid ħdejn ir-Riserva Naturali tas-Salina. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Villeġġjatura – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel ix-xogħol meħtieġ biex jittranġa l-istat ħażin li tinsab fih Triq il-Villeġġjatura f’San Pawl il-Baħar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li I-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 120 triq residenzjali. Fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar diġà nbnew mill-ġdid dawn it-toroq residenzjali - Triq il-Luzzu, Triq Għawdex, Triq it-Turisti, Triq Port Ruman, Triq l-Istamnar, Triq Nicola Ardonio, Triq Ġużeppi Despot, u Triq Annetto Caruana. Waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq it-Tamar, Triq Cunningham u triq ġdida magħha, kif ukoll għaddejjin xoħlijiet fi Triq is-Simar u Triq l-Iskuna. It-triq indikata diġà kienet ippjanata minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid fiż-żmien li ġej flimkien ma’ diversi toroq oħrajn li jinkludu Triq il-Kaħli, Triq Ibħra, Triq il-Mistrieħ, Triq Tanti, Triq Luigi Preziosi u Triq il-Ġifen. Infrastructure Malta kontinwament tagħmel ukoll xogħlijiet ta’ manutenzjoni f’diversi toroq oħrajn madwar il-pajjiż kollu. Qabel is-sajf tas-sena l-oħra saru tiswijiet estensivi fi 17-il triq f’San Pawl il-Baħar sakemm dawn jinbnew mill-ġdid. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Naxxar – Triq John Adye – crash barrier

Question

Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel crash barrier fi Triq John Adye fin-Naxxar? Dan sabiex jiġi evitat il-periklu eżistenti fit-triq imsemmija u li diġà inġibdet l-attenzjoni dwar dan mill-Kunsill Lokali tal-istess lokalità.

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq indikata li hi twila madwar 1.2 kilometri u li kienet fi stat ħażin, għadha kemm inbniet mill-ġdid u fiha saru servizzi ġodda taħt l-art għall-provvista tal-ilma, tisħiħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid bl-asfalt. Infrastructure Malta hija konxja mill-periklu u għaldaqstant qed tikkunsidra x’miżuri oħrajn ta’ sigurezza għandhom jittieħdu fosthom it-tqegħid ta’ cash barriers fil-ġimgħat li ġejjin.

Ftehim iffirmat minn individwu u kumpanija

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17403, 16753 u 16635 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim LNG Security of Supply Agreement iffirmat fil-15 ta’ April 2015 mill-individwu u l-kumpanija li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-informazzjoni se tingħata f'xi seduta oħra

Wheelchair Platform Lifts – iċċekkjar tas-CE Mark

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-wheelchair platform lifts fis-suq jiġux kollha iċċekjati li jkollhom is-CE mark Certification Directive 2006/42/EC? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm kienu l-wheelchair platform lifts li tpoġġew f’postijiet pubbliċi u li ġew iċċekjati għal CE Mark fis-sena 2018, 2019 u 2020?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Wheelchair platform lifts, kif irregolati mid-Direttiva 2006/42/KE għandhom ikunu mmarkati CE qabel ma jitqiegħdu fuq is-suq u mhux meħtieġ li jkunu rreġistrati qabel mat-tagħmir ikun qed jiġi installat. Min ipoġġi dawn il-platform lifts fis-suq, għandu l-obbligu legali li jara li għandhom ic-CE Mark.

Spiża biex tittaffa l-problema tal-obeżità

Question

Jista’ d-Deputat Prim u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm intefqu flus is-sena l-oħra biex tittaffa l-problema serja tal-obeżità f’pajjiżna? Kif intefqu dawn il-flus?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 17448.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin: Priġunieri Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-etajiet tal-priġunieri li huma ta’ nazzjonalità Maltija u li bħalissa jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom dawn il-priġunieri f’din il-Faċilità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella impoġġija fuq il-mejda tal-kamra. Id-data tal-informazzjoni mogħtija hija l-Ġimgħa 27 ta’ Novembru 2020.