Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — ħaddiema infettati bil-Covid-19

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16838, jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ħarġet fuq kwarantina minħabba dawn il-każijiet?

Response (FARRUGIA, AARON)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 16838, ninforma lill-Onor. Interpellant li, minħabba t-tlettax-il (13) każ li rreferejt għalihom fit-tweġiba, n-numru ta’ impjegati li ħarġu fuq kwarantina kien ta’ mija u tmienja (108).

Naxxar – Triq Santa Luċija u Triq E Muscat – miżuri biex inġenji kbar ma jgħaddux

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, wara li f’dawn l-aħħar ġranet trakk li għadda minn Triq Santa Luċija u Triq E Muscat fin-Naxxar għamel ħsarat f’gallariji minħabba li t-toroq huma antiki u dojoq, x’miżuri se jieħu l-Ministeru biex inġenji kbar ma jgħaddux minn dawn iż-żoni antiki tan-Naxxar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta ħadet azzjoni immedjata billi implimentat numru ta’ rondi mill-uffiċjali tal-infurzar, sabiex inċidenti bħal dawn jiġu evitati, madankollu huwa diffiċli li jiġi allokat uffiċjal 24/7. Ma dan kollhu l-Awtorita’ ta Transport f’Malta ser tkun qed tiltaqa mal-Kunsill Lokali, biex tiddiskuti l-possibbiltà li t-toroq imsemmija, kif ukoll żoni simili, jkunu ristretti, milli jintużaw minn vetturi kbar.
Leg 13 PQ #17275 Sitting 406 2020-12-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Tender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li l-istess Ministeru tiegħu ħareġ tender fl-1 ta' Ġunju 2020 'MGOZ/MPU/T 47/2020 Subject PROVISION OF PROJECT MANAGEMENT, BUILDING INFORMATION MODELLING MANAGEMENT, STRUCTURAL CERTIFICATIONS AND FAÇADE ENGINEERING SERVICES' u nħarġet permezz ta' accelerated opening u ġie ppubblikat fil-website tal-Ministeru għal Għawdex u fil-website www.etenders.gov.mt li din it-tender ġiet awarded fit-12 ta' Ġunju 2020 iżda imbagħad xi ġimgħat wara din it-tender ġiet ikkanċellata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sejħa għall-offerti ġiet ikkanċellata b'konformità mal-artikolu 18.3 tar-regoli ġenerali li jirregolaw is-sejhiet l-offerti. Sadanittant, saru l-arrangamenti mehtiega bis-servizzi ser/qed jigu pprovduti minn uffiċjali fi ħdan il-Ministeru li ġew ingaġġati dan l-aħħar.

Proġett ta’ Taxiway Lima — tenders

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna lill-kamra dwar il-proġett tat-Taxiway Lima u jgħid meta huma ppjanati li joħorġu t-tenders tax-xogħol infrastrutturali għal dan il-proġett, fejn huwa maħsub li jiġu ppubblikati dawn it-tenders u kemm hu stmat li ser jiswa dan il-proġett?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li x-xogħol huwa stmat li ser iqum madwar €8 miljun ewro. L-abbożż finali tad-dokument tas-sejħa bħalissa qed jiġi proċessat għal vetting finali tad-dipartiment tal-kuntratti qabel jiġi ppubblikat.
Leg 13 PQ #17317 Sitting 406 2020-12-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija Għawdex – SME Hub

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett ta’ SME Hub li hu ppjanat li jsir mill-Ministeru għal Għawdex ġewwa x-Xewkija? Jista' jgħid fiex wasal dan il-proġett? Meta hu mistenni li jitlesta u kemm-il SME ser ikun jistgħu joperaw fih meta jkun lest?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett mistenni jibda hekk kif joħroġ l-permess mill-Awtorita’ tal-Ippjanar.

Tender IM005/2020 Establishment of a Dynamic Purchasing System for the Construction and maintenance of roads in different localities in Malta and Gozo

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna dwar it-tender IM005/2020 Establishment of a Dynamic Purchasing System for the Construction and maintenance of roads in different localities in Malta and Gozo u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-bidders (kuntratturi) li ssottomettew għal din it-tender? Jista’ jgħid ukoll x'toroq saru jew qed isiru permezz ta' din it-tender ġewwa Għawdex u Malta u x'toroq hemm ippjanati li jsiru permezz ta' din it-tender fil-ġimgħat li ġejjin ġewwa Għawdex u Malta?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 15621 f’Seduta 354 li saret mill-istess Onorevoli membru, il-bqija tat-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #17319 Sitting 406 2020-12-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Nadur Għawdex – Triq il-Madonna ta’ Fatima — xogħlijiet

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li saru ftit tax-xhur ilu mill-Ministeru għal Għawdex fuq parti minn Triq il-Madonna ta' Fatima ġewwa n-Nadur Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar u jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din il-parti tat-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista’ jgħid jekk sarux quality control tests u jekk iva minn min saru, meta saru u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk sarux quantity surveyor reports fuq ix-xogħol li sar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Perit inkarigat mix-xogħol hu perit tal-Ministeru għal Għawdex. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Karma kopja taċ-ċertifikati li saru.
Leg 13 PQ #17320 Sitting 406 2020-12-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat — Triq Sannat – perit inkarigat mix-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15462 u jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq parti minn Triq Sannat bejn ir-Rabat u s-Sannat, Għawdex? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din it-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq din it-triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet jista' jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Monument Sir Adrian Dingli — restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li l-monument lil Sir Adrian Dingli li hemm fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata u li fil-preżent hu abbandunat, jiġi restawrat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Provvediment fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili

Question

Jista' l-Ministru jindika meta ser jiddaħħal fis-seħħ il-provvediment fil-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili li jipprovdi li l-qorti superjuri f'Għawdex tkun ippreseduta minn imħallef u jispjega għala hemm dan id-dewmien biex issir din il-bidla?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif jaf ben tajjeb u jista’ japprezza mill-esperjenza legali vasta tiegħu, dan il-Gvern fl-aħħar għaxar xhur għamel tibdil bla preċedent fil-qasam tal-ħatriet u t-tneħħjija tal-membri tal-ġudikatura. In oltre, saħħah ukoll il-ġudikatura permezz tad-dħul fis-seħħ riċenti tal-Att bin-Numru LV tas-sena 2020. Il-Gvern jaċċerta lill-Onor. Interpellant li kull miżura tidħol fis-seħħ f’waqtha bħala parti minn pjan ħolistiku, sabiex dak li ma seħħx għal għexieren ta’ snin issa jsir f’xhur taħt it-tmexxija tal-Ministru sottofirmat. Fil-frattemp, il-qrati tal-ġustizzja f’Għawdex qed jaħdmu tajjeb u b’mod effiċċjenti b’servizz tajjeb għaċ-ċittadini Għawdxin.

Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru u l-grad ta' impjegati fl-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex fid-data ta' meta twaqqfet l-Aġenzija u fil-ġurnata ta’ meta qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-20 ta’ Novembru 2020. Intant ninforma lill-Onor.Interpellant li bħalissa hemm għaddejin sejħiet ta’ messaġiera, xufiera, deputy registrar, ICT support assistant,systems administrator, u marexalli tal-qorti.

Preżentata tal-Atti fir-Reġistri tal-Qrati

Question

Jista' l-Ministru jindika xi pjanijiet hemm sabiex il-preżentata tal-atti fir-Reġistri tal-Qrati tibda ssir b'mod telematiku u meta hemm l-intenzjoni li dan jista' jibda jsir?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li l-preżentata tal-atti fir-Reġistri tal-Qrati ilha ssir b’mod telematiku sa mill-2013. Fil-fatt il-pjan kien li kull sena jiżdiedu l-atti li jistgħu jsiru b’mod elettroniku u sallum hawn taħt qed nagħti l-lista tal-atti li jistgħu jiġu elettronikament ippreżentati fir-Reġistru tal-Qrati Ċivili: Avviż tat-Talba - Tribunal għal Talbiet ŻTalbiet għar – Malta u Għawdex Risposta - Tribunal għal Talbiet Żgħar – Malta u Għawdex Risposta għall-kontrotalba - Tribunal għal Talbiet Żgħar – Malta u Għawdex Rikors tal-Appell – Qorti tal-Appell Infernjuri (Tribunal għal Talbiet Żgħar) – Malta u Għawdex Rikors - Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Kummerċ) Rikors - Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Artijiet Risposta - Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Artijiet Rikors - Bord li Jirregola l-Kera – Malta u Għawdex Risposta - Bord li Jirregola l-Kera – Malta u Għawdex Rikors - Bord dwar il-Kontroll tal-Kiri ta' Raba' – Malta u Għawdex Risposta - Bord dwar il-Kontroll ta' Kiri ta' Raba – Malta u Għawdex Rikors - Qorti tal-Maġistrati (Ċivili) – Malta u Għawdex Ittra - Ittra Uffiċjali - Qorti tal-Maġistrati – Malta u Għawdex Ittra - Ittra Uffiċjali – Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) – Malta u Għawdex Ittra - Ittra Uffiċjali – Qorti Ċivili, Prim Awla – Malta u Għawdex Rikors - Tribunal ta' Reviżjoni Amministrattiva – Malta u Għawdex Ittra - Medjazzjoni lir-Reġistratur – Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) – Malta u Għawdex Apparti dawn l-atti ġudizzjarji, wieħed jista’ japplika elettronikament sabiex jagħmel riċerka għal testmenti sigriet fir-Reġistru tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja) kif ukoll jottjeni kopji ta’ atti ġudizzjarji mill-arkivju tal-qrati civili. Dawn is-servizzi huma aċċessibbli mill-website tal-qorti ecourts.gov.mt

Gozo Innovation Hub – Spazju — kera

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm għad hemm spazju x'jinkera fil-Gozo Innovation Hub?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sakemm kienet mwieġba din il-mistoqsija kien hemm ċirka 2,500 metru kwadru ta’ spazju industrijali li għadu jrid jiġi allokat.

Qasam Industrijali tax-Xewkija – kera ta’ spazju fil-garaxxijiet

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm inkera spazju fil-garaxxijiet li nbnew reċentement mill-ex M.I.P. quddiem l-Uffiċċju tal-Enemalta fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija u kemm għad hemm spazju x'jinkera kif ukoll ir-rati tal-kera jew ċens li qed tintalab ?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevolli Interpellant li fiż-żona magħrufa bħala tal-Ħofra, fejn l-Indis Malta Ltd żviluppat bosta garaxxijiet industrijali, fadal biss garaxx wieħed ta’ ċirka 200 metru kwadru. Il-kumplament, fl-ammont ta’ ċirka 3,450 metru kwadru ġew allokati kollha. Ir-rati tal-kera li titlob l-Indis Malta Ltd ma’ jistawx jingħataw minħabba li dawn huma ta' natura kummerċjali u sensittiva.

Kummissjoni tal-Ippjanar – Member/Supplementary Member — interviews

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw għall-interviews li saru fis-27 ta’ Novembru 2018 għal Member/Supplementary Member tal-Kummissjoni tal-Ippjanar? Kemm minn dawn l-applikanti għaddew mill-interview u kemm weħlu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-order of merit ta' dan l-interview? Kien hemm każijiet fejn applikant, għalkemm għadda mill-interview, ma ġiex approvat mill-Ministru responsabbli?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont Artikolu 65(2) ta’ l-Att Dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp, “Il-Kummissjoni jew f’każ li jkun hemm għadd ta’ fergħat, kull fergħa tal-Kummissjoni, għandha tinħatar mill-Ministru”. F’dan il-kuntest, minn tagħrif li ksibt mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura li taħtu kienet taqa’ l-Awtorità tal-Ippjanar fiż-żmien applikabbli, jirriżulta li fit-30 ta’ Ottubru 2018, kienet inħarġet fuq il-Gazzetta tal-Gvern sejħa għall-applikazzjonijiet għall-Kummissjoni tal-Ippjanar. L-intervisti kienu saru fuq jumejn, ċioè fit-23 u fis-27 ta’ Novembru tas-sena 2018. Il-Bord maħtur biex jieħu ħsieb dan il-proċess tal-għażla kellu l-inkarigu li jagħti l-parir tiegħu lill-Ministru, dwar liema mill-applikanti kellhom jitqiesu bħala kandidati adatti biex iservu bħala membri u membri supplimentari fuq il-Kummissjoni tal-Ippjanar. Il-Bord kien irċieva ħamsa u għoxrin (25) applikazzjoni, li minnhom waħda (1) kienet meqjusa invalida u żewġ (2) applikanti oħra għażlu li ma jkomplux bil-proċess qabel ma seħħew l-intervisti. Dan wassal sabiex ikunu tnejn u għoxrin (22) l-applikanti li dehru quddiem il-bord. L-applikanti li kienu meqjusa bħala adattati kienu erbatax (14), filwaqt li dawk meqjusa mhux adattati kienu tmienja (8). Kull applikant ġie mgħarraf bl-eżitu tal-intervista li attenda għaliha. Il-proċess tal-għażla ma ddetermina ebda ordni ta’ mertu għar-raġuni li ġja’ ġiet spjegata. Nikkonferma li kien hemm każi fejn kandidati meqjusa adattati eventwalment ma ġewx appuntati fuq il-Kummissjoni tal-Ippjanar u dan minħabba limitu kemm wieħed jista’ jappunta. L-intenzjoni tal-proċess kienet li twassal biex ikun hemm numru ta’ persuni meqjusa bħala adattati minn fejn il-Ministru jkun jista’ jaħtar il-membri fuq l-imsemmija Kummissjoni. Tali proċess offra metodu pubbliku u trasparenti bil-għan li jintlaqgħu tali applikazzjonijiet, minkejja l-poter tal-Ministru kif indikat fir-regolament.
Leg 13 PQ #17439 Sitting 406 2020-12-01 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Degree ta’ Learning Support Educator full-time u part-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm fil-preżent hemm persuni Għawdxin li qed jagħmlu d-Degree ta' Learning Support Educator kemm full-time kif ukoll part-time? Tista' tgħid x'se tagħmel biex tindirizza l-anomalija preżenti li min jagħmel il-kors full-time jaqbeż il-waiting list biex jiġi jaħdem Għawdex u dan a skapitu ta' Learning Support Educators oħra bi snin twal ta' ħidma f'Malta li proprju għax jaħdmu, ikunu kostretti jagħmlu l-kors part-time? Tista' tgħid ukoll għala l-esperjenza ta' dawn tal-aħħar mhix kriterju biex jimxu ’l quddiem fil-waiting list ħalli jiġu jaħdmu Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-kors ta’ BA in Inclusive Education qiegħed isir minn diversi istituzzjonijiet fosthom l-Università ta’ Malta u l-MCAST. LSEs li jispiċċaw b’suċċess dan il-kors, permezz tal-Ftehim Settorali (2017) jipprogressaw għal LSE III. Dan ifisser li bħala grad huwa ogħla minn LSE II u għalhekk anke bħala seniority. Meta edukaturi, mhux biss LSEs, jaslu biex jittellgħu Għawdex, dan isir skont il-lista tas-seniority u mhux bl-esperjenza. Dan il-kriterju kien ġie miftiehem mal-MUT. Infurmata wkoll li bħalissa fl-MCAST hemm 75 student Għawdxi fit-tielet sena tad-Degree in Inclusive Education fuq bażi part-time u tmien (8) studenti fuq bażi full-time fl-istess Degree. Fl-Università ta’ Malta, filwaqt li ma hemmx studenti Għawdxin li qed isegwu l-Bachelor of Arts (Honours) in Facilitating Inclusive Education fuq bażi full-time, hemm 38 student Għawdxi li qed isegwu l-kors fuq bażi part-time.
Leg 13 PQ #17440 Sitting 406 2020-12-01 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Learning Support Educators Għawdxin li jaħdmu ġewwa Malta

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm fil-preżent hemm Learning Support Educators Għawdxin jaħdmu ġewwa Malta? Tista' tinforma wkoll kemm Learning Support Educators ġew trasferiti lejn Għawdex fis-sena kurrenti?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Infurmata li bħalissa Learning Support Educators Għawdxin jaħdmu Malta hemm mitejn u erbatax (214). Matul din is-sena mistenni jkunu trasferiti madwar tnax-il (12) Learning Support Educator għal Għawdex u dan dejjem skont il-ħtieġa li jkun hemm fis-servizz u l-proċeduri stabbiliti. Dawn ma jinkludux l-20 LSEs li qegħdin Għawdex fil-perjodu ta’ tqala.

Wage Supplement – ħaddiema li ġew impjegati dan is-sajf

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-ħaddiema l-ġodda li ġew impjegati matul is-sajf ma kkwalifikawx għal wage supplement? Dawn il-ħaddiema se jitħallew jitkeċċew għax min iħaddimhom ma baqagħlux xogħol u m’għandux biex iħallsilhom il-paga? Għaliex il-wage supplement japplika biss għal dawk il-ħaddiema li kienu impjegati qabel ix-xhur tas-sajf? Dawn mhux ukoll għandhom familja, loans u dritt li jkollhom dħul?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru ikkonċernat.