Bdiewa li jridu jirreġistraw biex ikabbru prodotti sostenibbli – miżati/ħlas
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżati/ħlas li qed jintalbu li jitħallsu ta’ kull sena għall-bdiewa li jridu jirreġistraw biex ikabbru prodotti b’mod sostenibbli u li jipproteġu l-ambjent?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru li tiegħu jien responsabbli, ma ssir l-ebda reġistazzjoni ta’ bdiewa li jkabbru prodotti b’mod sostenibbli u li jipproteġu l-ambjent. Għaldaqstant, nitolbu sabiex jikkjarifika u jispeċifika l-mistoqsija tiegħu.
Bdiewa li jridu jirreġistraw biex ikabbru prodotti sostenibbli – miżati/ħlas
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżati/ħlasijiet li qed jintalbu li jitħallsu ta’ kull sena għall-bdiewa li jridu jirreġistraw biex ikabbru prodotti b’mod sostenibbli u li jipproteġu l-ambjent?
Response (FARRUGIA, AARON)
Filwaqt li bħala Ministru responsabbli mill-Ambjent jien nilqa’ bil-ferħ inizzjattivi li jkunu favur l-ambjent, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-materja ta’ reġistrazzjoni minn bdiewa fil-fatt ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi u għalhekk nitolbu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Telf ta’ aċċess għall-ilma tar-raba’ – każ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jara x’jista’ jsir sabiex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ikun megħjun sabiex issa ladarba saret mill-ġdid Triq Buqana limiti tar-Rabat, u dan l-individwu tilef l-aċċess għall-ilma tar-raba’, tajjeb li jkun megħjun ikollu aċċess mill-ġdid għall-ilma tax-xita li jgħoli mill-culvert ta’ taħt it-triq? L-awtoritajiet ikkonċernati jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ dan l-individwu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Infrastructure Malta qed tikellem mal-persuna indikata biex tara jekk hux possibbli li t-talba tagħha tintlaqa’.
Persuni li jkollhom ċittadinanza doppja – obbligu/dmir
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi obbligu/dmir li persuna li għandha ċittadinanza doppja, tkun trid twettaq/tagħmel minn żmien għal żmien biex tibqa’ żżomm iċ-ċittadinanza doppja? Jista’ jgħid jekk hemm xi obbligi/dmirijiet li jrid iwettaq/jagħmel persuna li għandha ċittadinanza doppja?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċittadin Malti li jkollu ċittadinanza doppja ma jkollu l-ebda obbligu jew dmir li jwettaq xi proċeduri. Dan sakemm ma jkunx hemm xi restrizzjonijiet mill-pajji¿ li minnu jkollu ċittadinanza oħra apparti dik Maltija.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – priġunier marbut ma’ siġġu
Question
Peress li l-Ministru fis-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2020 stqarr li kien hemm istanza meta priġunier intrabat ma’ siġġu waqt li kien qed jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, jista’ l-Ministru jgħid meta seħħ dan il-każ, f’liema kamra kien is-siġġu li miegħu ntrabat il-priġunier, kemm dam marbut mal-istess siġġu l-istess priġunier, min iddeċieda li dan il-priġunier jintrabat ma’ dan is-siġġu, min iddeċieda li ma jibqax marbut u x'kienet l-età tal-priġunier li ntrabat ma' dan is-siġġu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
B’referenza għal numru ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi li saru riċentament nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ċaħdet dak li ngħad pubblikament li fil-Faċilità kien hemm jew jeżisti xi siġġu li jintuża għall-kastigi.
Intant, it-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi infurmatni li jeżistu għodda ta’ ‘restraint’ li jintużaw biss skont il-liġi. Fil-fatt hija din l-istess liġi li ma tippermettix li apparat ta’ dan it-tip jintuża għall-kastigi.
Dan l-apparat jintuża skont il-gravità tal-każ bħalma jiġri f’ambjenti oħra li joffru ċertu periklu jew sfidi partikolari u dejjem bħala l-aħħar alternattiva.
It-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi nfurmatni li fl-2019 kien hemm każ fejn priġunier inżamm fuq siġġu għal kwarta u dan sakemm ma baqax ta’ periklu għalih innifsu u seta’ jingħata l-attenzjoni meħtieġa. Dan sar skont dak provdut fil-leġiżlazzjoni sussidjarja 260.03. Artiklu 69 jipprovdi regoli ċari għal każi bħal dawn.
Infurmat li wara din id-data ma kienx hemm okkażjoni oħra fejn kien meħtieġ li tintuża din l-għodda ta’ ‘restraint’.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – siġġu li jintrabtu priġunieri fuqu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid huwiex minnu li meta laħaq Ministru f'Jannar 2020 huwa ordna li jitneħħa siġġu partikolari fil-Faċilità Korretiva ta' Kordin li miegħu allegatement ġieli ntrabtu priġunieri? Jista’ jgħid jekk din l-ordni tiegħu ġietx esegwita? Jista’ jgħid fejn jinżamm dan is-siġġu llum?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fit-30 ta’ Novembru 2020? Kemm minnhom kienu ċittadini Maltin u kemm minnhom kienu barranin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sat-30 ta’ Novembru, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kien hemm 908 priġunier, minnhom 356 huma Maltin u 552 li huma ta’ nazzjonalità barranija.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – protokolli u regoli gwida
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jeżistux protokolli u regoli gwida fil-ħabs meta tista’ tingħata ordni li priġunier jista’ jinżamm mingħajr ħwejjeġ għal xi żmien waqt li jkun qed jinżamm ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat mit-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi li ma jingħataw ebda ordnijiet biex priġunieri jinżammu mingħajr ħwejjeġ.
Infurmat li l-ħwejjeġ tal-priġunieri jinbidlu f’każi fejn ikun hemm suspett li priġunier jista’ jweġġa’ lilu nnifsu u għalhekk f’dawn il-każi l-ordni tkun biex dan jitlibbes ‘non-tearable clothes’ u jitpoġġa taħt ‘constant watch’ sakemm issir analiżi mill-esperti mediċi.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ir-Rotta 110 tgħaddi mir-rotta stabbilita tagħha meta titlaq mill-Marsa għall-Pembroke imma ma tgħaddix mill-istess rotta meta tkun sejra lura direzzjoni minn Pembroke għall-Marsa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li t-traġitt stabbilit fuq ir-rotta 110 huwa l-istess kemm mill-Marsa għall-Pembroke kif ukoll vice versa b’differenza waħda li hija fi triqitha minn Pembroke lejn il-Marsa minflok ir-rotta tgħaddi dirett minn Triq Sir Adrian Dingli l-ewwel tgħaddi minn Triq it-Torri, tipproċedi għal taħt il-mini ta’ Tigne, il-Ferries ta’ Ta’ Sliema u imbgħad iddur lura għal Triq Sir Adrian Dingli.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17428, peress li l-Ministru diversi drabi jgħid li qed jintefqu l-miljuni ta' ewro biex isiru diversi xogħlijiet ta' toroq madwar Malta u Għawdex, jista’ jgħid jekk jekk Infrastructure Malta, li hi l-aġenzija tal-Gvern responsabbli minn dawn x-xogħlijiet, għandhiex records ta' kemm-il kilometru ta’ toroq ġodda jew bini mill-ġdid ta’ toroq saru mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari (għal kull sena separatament), kif ukoll jgħid:
(a) kemm minnhom kienu toroq arterjali u distributorji;
(b) kemm minnhom tlestew kompletament u liema minnhom għadhom mhux lesti;
(c) f'każ ta' dawk it-toroq li għadhom mhux lesti, x'persentaġġ ta' xogħol fadal u meta jaħseb li ser jitlesta dan ix-xogħol;
(d) x'tip ta' servizzi nbidlu (dawl, mains tal-ilma tax-xorb, mains tad-drenaġġ, eċċ.);
(e) fejn saru water culverts u x'tulijiet ta' waterculverts saru f'kull triq; u
(f) kemm kien stmat li tiġi tiswa kull triq u kemm fil-fatt ġiet l-ispiża?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn sitt domandi mressqa jitlobu ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk huma meqjusa bħala umanament impossibbli. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv. Li hu żgur, li b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun it-toroq kollha fil-pajjiż se jsiru mill-ġdid, għax aħna l-wegħdi nżommuhom.
Triq minn ħdejn il-Bajja tax-Xemxija sa quddiem il-Knisja tax-Xemxija – bini mill-ġdid tat-triq
Question
Jista’ l-Ministru jara b’mod immedjat li Infrastructure Malta tibni mill-ġdid it-triq li tagħti minn ħdejn il-Bajja tax-Xemxija sa quddiem il-Knisja tax-Xemxija, liema triq għandha partijiet minnha li kontinwament qed jikkawżaw ħsarat lil numru ta’ vetturi, apparti perikli għas-sewwieqa li jagħmlu użu minn din it-triq arterjali, dan peress li fl-aħħar jiem anke kawża tax-xita li għamlet, l-istat ta’ din it-triq kompla jiddeterjora?.
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li sa seba’ snin ilu ftit li xejn kienu jinbnew toroq mill-ġdid, it-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna llum jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż.
Il-Gvern qed jagħmel dan l-investiment bla preċedent permezz ta’ Infrastructure Malta, li min-naħa tagħha qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq.
Din is-sena biss, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid jew tejbet madwar 120 triq differenti. Fl-istess waqt, qed twettaq l-akbar proġetti infrastrutturali li qatt rajna f’Malta, bħal Marsa Junction Project, il-mini ta’ Santa Luċija u Central Link Project, bejn Ta’ Qali u l-Imrieħel.
Fil-każ tat-triq indikata, filwaqt li parti minnha diġà nbniet mill-ġdid, il-parti l-oħra kien sarilha xogħol ta’ manutenzjoni u tiswijiet minħabba li qabel ma tkun tista’ tinbena wkoll mill-ġdid f’din il-parti tat-triq iridu jitlestew xogħlijiet ta’ servizzi taħt l-art li jridu jsiru minn entitajiet terzi. Madankollu, minħabba li hemm parti minn Telgħet ix-Xemxija li riċentement iddeterjorat billi ġarrbet ħsarat estensivi kkaġunati mill-pedamenti dgħajfa tagħha peress li din hija mibnija fuq it-tafal, il-ġmgħa li għaddiet Infrastructure Malta bdiet xogħlijiet t’emerġenza biex tagħmel tiswijiet temporanji biex tneħħi l-perikli f’din it-triq. L-aġenzija hija kommessa li wara li jitlestew ix-xogħlijiet ta’ titjib fis-sistemi tal-ilma u tad-drenaġġ taħt l-art li hemm ippjanati li jsiru fl-2021 mill-entitajiet konċernati, din il-parti tat-triq tibniha wkoll mill-ġdid bħalma qed tagħmel fil-każ ta’ diversi toroq oħrajn.
Tender għas-servizz ta’ ġarr tal-passiġġieri bil-baħar bejn il-Belt, Tas-Sliema u t-Three Cities
Question
Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid meta hu maħsub li se joħroġ it-tender għall-ġarr tal-passiġġieri bil-baħar bejn il-Belt Valletta, Tas-Sliema u t-Three Cities?
Response (BORG, IAN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, wara sejħa għall-offerti li kienet saret, permezz ta’ Kuntratt ta’ Servizz datat l-1 t’Ottubru, 2012 is-socjeta’ Marsamxetto Steamferry Services Limited kienet ingħatat id-dritt illi topera servizz għall-ġarr ta’ passiġġieri bil-baħar bejn il-Belt Valletta, tas-Sliema u l-Kottonera. Dan il-Kuntratt ta’ Servizz kellu terminu ta’ tmien snin.
Permezz tal-imsemmi Kuntratt l-Awtorita’ kienet intrabtet illi tonora numru ta’ obbligazzjonijiet fosthom illi tibni numru ta’ Landing Places hekk kif stabbilit fl-imsemmi Kuntratt ta’ Servizz.
Is-soċjeta’ Marsamxetto Steamferry Services Limited ghamlet talba mal-Awtorita’ għat-Trasport f’Malta sabiex dan il-Kuntratt ta’ Servizz jiġi estiż għall-perjodu ta’ ħmistax-il (15) sena abbażi tal-fatt illi kien hemm dewmien biex jibda jingħata dan is-servizz minħabba proċeduri ġudizzjarji istitwiti minn terzi u kif ukoll minħabba n-nuqqas da parti tal-Awtorita’ illi tonora b’mod sħiħ u tempestiv l-obbligazzjonijiet tagħhom relattivament għall-proviżjoni ta’ dawn il-Landing Places filwaqt li rriżervat id-dritt li tfittex lill-Awtorita’ għad-danni. L-imsemmija soċjeta’ pproponiet li, in kontrokambju għal tali estensjoni taż-żmien, tagħmel investiment ta’ ħames miljun Ewro f’opri tal-baħar li huma environmentally-friendly, servizz ta’ trasport bla ħlas għall-passiġġieri bejn il-Landing Places u l-bini ta’ lift min-naħa ta’ Marsamxett sabiex tissaħħaħ il-konnettivita’ għall-benefiċċju ta’ kull min jagħmel użu minn dan is-servizz.
Għalkemm indubbjament l-għoti tal-estensjoni mitluba soġġett għal dawn il-kundizzjonijiet kienet tissarraf f’ħolqien ta’ sistema ta’ konnettivita’ ħolistika għall-benefiċċju tal-pubbliku in ġenerali, din it-talba ma ġietx milqugħa da parti tal-Awtorita’ iżda minflok, anke sabiex jiġu tranżatti l-pendenzi kollha u tiġi evitata kawża għad-danni, ġie propost lill-Kabinett, u l-Kabinett aċċetta, illi t-terminu jiġi estiż biss għall-perjodu ta’ tliet (3) snin taħt l-istess pattijiet u kundizzjonijiet tal-Kuntratt tas-Servizz oriġinali b’dan illi Marsamxetto Steamferry Services Limited tirrinunzja għall-pretensjonijiet tagħha kollha għad-danni u tipprovdi servizz ta’ transport bla ħlas għall-passiġġieri bejn il-Landing Place tal-Belt Valletta, Tas-Sliema u l-Kottonera permezz ta’ żewġ vannijiet elettriċi.
B’dan il-mod l-Awtorità nrexxielha tottjeni diversi kisbiet fosthom il-kontinwita’ tas-servizz, it-tisħiħ tal-konnettivita’ għall-benefiċċju tal-utenti ta’ dan is-servizz u dan mingħajr ebda ħlas u r-rinunzja għall-pretensjonijiet ta’ danni fil-konfront tagħha, u dan kollu mingħajr ma ngħatat estensjoni għal tul ta’ żmien kif kien qed jiġi mitlub mill-operatur iżda biss għal terminu qasir u raġjonevoli ta’ tliet snin.
Għaldaqstant it-tender imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huwa maħsub li joħroġ meta joqrob it-tmiem tat-terminu tal-estensjoni u fi żmien utli sabiex tali servizz jibda, inn dak il-mument, jingħata minn dak l-operatur li jirbaħ tali tender.
Il-Mellieħa – Triq Ġorġ Borg Olivier – tiswijiet fil-water culverts
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali Mellieħa / Infrastructure Malta jagħmlu t-tiswijiet li hemm bżonn isiru fuq il-water culverts li hemm fi Triq Ġorġ Borg Olivier biex ma jkomplux joħolqu inkonvenjent għar-residenti li jgħixu fiż-żona, il-ħaddiema, is-sidien u l-klijenti tal-ħwienet fl-imsemmija triq?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-gradilji tal-culvert għall-ilma tax-xita li jinsab fi Triq Ġorġ Borg Oliver, bejn Triq it-Tonn u Triq il-Madonna ta’ Fatima diġa ġew spezzjonati.
Mill-ispezzjoni jirriżulta li dawn iċċaqalqu mill-bażi tagħhom, u għaldaqstant jeħtieġ li jerġgħu jitqiegħdu mill-ġdid biex ma jiġġenerawx ħsejjes meta l-vetturi jgħaddu minn fuqhom.
Għaldaqstant qed isiru l-arranġamenti kollha meħtieġa sabiex ix-xogħol fuqhom isir fil-jiem li ġejjin, minħabba l-inkonvenjent li qed jiġi kkawżat lir-residenti.
Il-Mellieħa – Triq Ġorġ Borg Olivier – tiswijiet fil-water culverts
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali Mellieħa / Infrastructure Malta jagħmlu t-tiswijiet li hemm bżonn isiru fuq il-water culverts li hemm fi Triq Ġorġ Borg Olivier biex ma jkomplux joħolqu inkonvenjent għar-residenti li jgħixu fiż-żona, il-ħaddiema, is-sidien u l-klijenti tal-ħwienet fl-imsemmija triq?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.
Ix-Xemxija – Triq minn Xatt il-Pwales sa tarf it-Telgħa tax-Xemxija – kumpens għal ħsarat li ġarrbu vetturi li jgħaddu minn din it-triq
Question
Jista’ l-Ministru jagħti assikurazzjoni li Infrastructure Malta ser tkun qed tagħti kumpens (tagħmel tajjeb) għall-ħsarat li qed iġarrbu l-vetturi ta' numru ta' individwi (sewwieqa) minħabba l-istat tal-biki li tinsab fih it-triq arterjali fix-Xemxija (minn Xatt il-Pwales sa tarf it-Telgħa tax-Xemxija), fejn infakkar li ilni kważi sentejn nitlob lill-istess Ministru sabiex Infrastructure Malta tibni mill-ġdid din it-triq arterjali?
Response (BORG, IAN)
Huwa tajjeb li l-Onor. Cutajar qed ifakkarna li wara li bħala parti mill-Oppożizzjoni ivvota kontra t-twaqqif ta’ Infrastructure Malta, minn meta twaqqfet kontra r-rieda tiegħu tgħidx kemm talab li din l-istess entità tagħmel xogħlijiet. Tajjeb li forsi fl-aħħar l-Onor. Cutajar qed jinduna li kien żbaljat meta ħadem biex din l-aġenzija li tant qed twettaq xogħol lanqas biss titwaqqaf. Ikun tajjeb ukoll kieku l-Onor. Cutajar jfakkar li l-poplu ilu ħafna aktar minn sentejn jitlob li t-Telgħa tax-Xemxija tinbena mill-ġdid. Fil-fatt, il-poplu kien ilu għexieren ta’ snin jittama li Gvernijiet preċedenti li kien jifforma parti minnhom l-Onor. Cutajar jieħdu bis-serjetà l-infrastruttura ta’ pajjiżna u jibdew jaħdmu biex ikollna toroq aħjar.
Ikun tajjeb ukoll li l-Onor. Cutajar ifakkar li f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern diġa bena mill-ġdid parti mit-triq imsemmija filwaqt li wettaq tiswijiet estensivi tar-rotta sħiħa bejn San Pawl il-Baħar, ix-Xemxija u l-Mellieħa, hekk kif kelli ċ-ċans nispjega fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 17673 ta’ din l-istess seduta. Fil-fatt, kif diġa semmejt f’din it-tweġiba, din il-ġimgħa stess għaddejjin aktar xogħlijiet ta’ tiswijiet f’parti oħra ta’ din it-triq, sabiex tibqa’ sigura għall-pubbliku sakemm inkunu nistgħu nibnuha mill-ġdid b’mod sħiħ wara li l-entitajiet konċernati jlestu t-tqegħid ta’ diversi servizzi taħt l-istess triq. B’hekk, meta finalment nibnuha mill-ġdid, ma jkunx hemm għalfejn terġa’ tinqala’. Filwaqt li amministrazzjonijiet preċedenti qatgħu qalbhom minn din it-triq u s-servizzi taħt l-art li jridu jsiru fiha, Transport Malta, Infrastructure Malta u entitajiet oħra f’dawn l-aħħar snin diġa wettqu diversi xogħlijiet fiha u ser naraw li nibnuha mill-ġdid ukoll.
Dan kollu qed isir bħala parti mill-investiment bla preċedent t’aktar minn €100 miljun fis-sena li qed twettaq Infrastructure Malta fit-toroq ta’ Malta, investiment li qed igawdu minnu l-familji u n-negozji kollha f’pajjiżna. Tajjeb nerġa’ nfakkar, li li kieku kien għall-Onorevoli Cutajar, minn dan it-titjib kollu fit-toroq tagħna, ma kien isir xejn. Huwa tajjeb li meta nibdew infakkru, infakkru kollox.
Persuni li jġarrbu ħsarat fil-vetturi jew propjetà oħra tagħhom fit-toroq arterjali jew residenzjali jistgħu jressqu t-talbiet għal kumpens lil Infrastructure Malta jew lill-kunsilli lokali, skont il-każ. Kull talba tiġi investigata fl-iqsar żmien possibbli u jekk jinstab li l-ħsarat verament kienu kkaw¿ati minn nuqqasijiet fit-triq konċernata, it-talba tintlaqa’ sabiex jingħata l-kumpens ġust applikabbli.