B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 13443, jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm koppji li għamlu użu minn dawn is-servizzi s-sena l-oħra:
a. Korsijiet dwar trobbija pożittiva; u
b. Korsijiet tal-Co-parenting?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li din il-mistoqsija ġa ġiet imwieġba permess ta’ tagħrif mogħti għal mistoqsija Numru: 16662 li saret f’Ottubru li għadda (Seduta 373).
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ stennija għas-servizzi kollha mogħtija mill-Aġenzija Sapport?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi tal-Aġenzija Sapport għandhom lista ta’ stennija kif ġej:
Servizz
Lista ta’ Stennija
Sharing Lives
14
People Assistance Schemes:
§Empowerment Scheme
§Eżenzjoni mill-ħlas tal-Liċenzja tat-Triqtal-Vetturi
§Eżenzjoni mit-Taxxa tar-Registrazzjoni fuq Vetturi
8
Independent Community Living Monitoring Service (ICLM):
§Direct Payment
§Independent Community Living
§Personal Assistance Fund
17
Servizzi fil-Komunità
49
Servizzi ta’ Matul il-Jum
110
Sonia Tanti Independent Living Centre (STILC)
112
Servizz ta’ Assessjar u Interventi ta’ Ħidma Soċjali
200
Servizzi Residenzjali / NGOs
315
ACTU
150
Interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali
0
Nota: Persuna tista’ tkun qed tapplika għal aktar aktar minn servizz wieħed fl-istess ħin.
Bini ta’ Xelter ġdid għall-vittmi tal-vjolenza domestika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex se jinbena xelter ġdid għall-vittmi tal-vjolenza domestika billi f’pajjiżna qed ikun hemm bejn ħames u sitt każi ġodda ta’ vjolenza domestika kuljum?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tinghata f’seduta oħra.
Ċimiterju tal-Addolorata — restawr tal-Monument Sir Adrian Dingli
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid hemmx xi ħsieb li l-monument lil Sir Adrian Dingli li hemm fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata u li fil-preżent hu abbandunat, jiġi restawrat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kappella fejn hemm midfun Sir Adrian Dingli hija proprjetà privata u mhux tal-gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jsir ix-xogħol fuq Triq John Adye fin-Naxxar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż.
Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 120 triq residenzjali.
It-triq indikata li hi twila madwar 1.2 kilometri u li kienet fi stat ħażin ħafna ilha li tlestiet minn Novembru tal-2019, aktar minn sena ilu. Il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq kien jinkludi tqegħid ta’ servizzi ġodda taħt l-art għall-provvista tal-ilma, tisħiħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid bl-asfalt.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal — Ħaddiema infettati bil-Covid 19
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16843 u jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16839 u jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn Marzu tal-2020 sal-lum kien hemm 267 persuni li jaħdmu fid-dipartimenti u l-entitajiet tal-Ministeru għas-Saħħa li kienu pożittivi għall-Covid-19.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — ħaddiema infettati bil-COVID-19
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16840, jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ħarġet fuq kwarantina minħabba dawn l-infezzjonijiet?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni miġbura jirriżulta li erbatax (14)-il impjegat tas-settur pubbliku ħarġet fuq kwarantina minħabba kuntatt ma’ kollegi li ġew infettati bil-CoVid-19.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — ħaddiema infettati bil-Covid-19
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16841, il-Ministru jaf li Ministeri oħrajn wieġbu għal din il-mistoqsija għaliex mhux qed tintalab informazzjoni personali fuq ebda ħaddiem imma statistika ġenerali? Jistà jpoġġi l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija 16841 fuq il-Mejda tal-Kamra?
Ministeru għal Għawdex — ħaddiema infettati bil-Covid-19
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16842, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema li ħarġu fuq kwarantina minħabba dan il-każ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija ma ngħatat ebda direzzjoni mill-Awtorita tas-saħħa biex jitpoġġa u/jew jitpoġġew persuni fuq kwarantina minħabba l-każ mmsemmi f’din il-mistoqsija parlamentari.
Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza– nefqa fuq reklamar u marketing
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-ispiża ta' marketing u reklamar li ntefqet mill-2013 sal-lum, ma’ liema media houses jew production houses intefqu, bl-ammonti għal kull sena u jekk kenux reklamar fuq TV, print, stampar, internet jew radju jew stampar ta' materjal ta’ marketing?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Waqt li nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġibiet li ngħataw diġà għall-PQs 8260, 8731, 01246 u 11986, ngħarrfu li tlabt biex jinġabar il-bqija tat-tagħrif. Appena dan ikun disponibbbli, inkun nista’ npoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ dawk il-kawżi tal-Qorti kemm kriminali u kif ukoll ċivili li tneħħew mill-website tal-Qorti - ecourts - bid-dati tas-sentenzi, partijiet u ismijiet involuti, referenza tal-Qorti, raġuni għalfejn tneħħew, data ta’ meta ntalbu jitneħħew u isem min talab li jitneħħew?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2014 sal-lum kien hemm 316 (tlett mija u sittax) talba biex sentenzi jitnehhew mill-website tal-Qorti - ecourts. Meta jkun hemm talba biex sentenza ma tibqax tidher online, dan ma jfissirx li kawża titneħħa mis-sistema tal-Qorti. Infatti, il-professjoni legali xorta jibqa’ jkollha aċċess għas-sentenzi minn fuq il-Lecam. (Il-pubbliku għandu aċċess għas-servizzi mill-Arkivju).
Saret talba waħda fit-2014. Kien hemm 21 (wieħed u għoxrin) talba fit-2017, 121 (mija u wieħed u għoxrin) talba fit-2018, 100 (mija) talba fit-2019 u 73 (tlieta u sebgħin) fit-2020.
Mit -316 (tlett mija u sittax) talba li saret, 254 (mitejn, erbġħa u ħamsin) sentenza ġew anonimizzati jew qegħdin fi stadju li jiġu anonimizzati, jiġifieri jitneħħew id-dettalji personali tal-individwi, kien hemm 56 (sitta u ħamsin) talba fejn ġew miċħuda, 2 (żewġ) talbiet kienu invalidi 3, (tlieta) irtirati u talba qed tiġi ikkunsidrata.
Fid-dawl tad-deċizjoni li ttieħdet mid-‘
Data Controllor’
biex dawn is-sentenzi ma jibqgħux jidhru
online
għall-pubbliku in ġenerali, wara li ġew meħudha nkonsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fid-dawl
tad-Data Protection Act, tad-Data Protection Directive (95/46/EC) tal-1995 u aktar riċenti tad-Data Protection Regulation (EU 2016/679) b’mod partikolari Art. 17 tal-istess, ma jkunx opportun li dawn is-sentenzi jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra sabiex jigu rispettati l-prinċipji tar-Regolamenti u Direttivi appena ċitati.
Illum hemm Kumitat adhoc kompost mill-Kap E¿ekuttiv tal-Aġenzija, Direttur Ġenerali tal-Qorti ta’ Għawdex, Reġistratur/Direttur - Qrati Ċivili, Reġistratur/Direttur – Qrati Kriminali u d-Direttur inkarigat mit-Taqsima dwar il-Protezzjoni tad-Data fi ħdan il-Ministeru għal-Ġustizzja, L-Ugwaljanza u l-Governanza, li jiddeċiedu t-talbiet li jsiru għat-tneħħija ta’ Data Personali.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – ħaddiema tal-kuntrattur
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta l-aħħar li ġew impjegati ħaddiema tal-kuntrattur fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Kemm hu n-numru ta' dawn il-ħaddiema? X'tip ta' xogħol qed jagħmlu dawn il-ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Kemm minnhom huma barranin u kemm minnhom huma ta' ċittadinanza Maltija? Jista jgħid mit-8 ta' Marzu 2013, xahar b'xahar, kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda tal-kuntrattur biex jaħdmu ġewwa l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Kemm hu n-numru totali ta' ħaddiema tal-kuntrattur li fil-preżent qed jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u x'tip ta’ xogħlijiet qed jagħmlu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Intepellant illi l-aħħar li ġew impjegati ħaddiema tal-kuntrattur fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex kien f’Novembru ta’ din is-sena u ġew impjegati 7. Fil-preżent hemm 177 ħaddiema tal-kuntrattur li qed jaħdmu fl-istess sptar, li minnhom 21 huma barranin. Dawn il-ħaddiema huma carers, clerks u cleaners.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li Triq Sant' Antnin ġewwa Għajnsielem Għawdex li ġiet inawgurata mill-Prim Ministru fit-12 ta' Novembru 2020 u li intqal li 'sar investiment fuqha ta' madwar 2 miljun euro' meta għamlet l-ewwel ftit xita wara li ġiet inawgurata, spiċċat mgħarrqa bl-ilma?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq Sant’Antnin kienet ilha għexieren ta’ snin fi stat diżastruż u l-ebda Ministru fil-leġiżlaturi tal-imgħoddi ma għamel xejn sabiex jirranġaha, minkejja li kellna żewġ ministri minn Nadur li jgħaddu minnha ta’ kuljum. Illum, wara għexieren ta’ snin, in-Nadurin, Qalin u Għajnslemiżi għandhom aċċess dirett lejn il-Port tal-Imġarr bi triq li ġiet rikostruwita mill-qiegħ bis-servizzi kollha. Meta żviluppaw ħsarat minuri, dawn ġew irranġati f’temp ta’ 24 siegħa bi spejjeż il-kuntrattur. Dan huwa għall-kuntrarju ta’ proġetti substandard li saru f’amministrazzjoni Nazzjonalista, li għadna qed inbagħtu l-konsegwenzi tax-xogħol ħażin li sar sal-ġurnata tal-lum.
Ministeru għal Għawdex – persuni ingaġġati bħala Gardener u Farmer
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu nies mas-Servizz Pubbliku fil-grad ta' ‘Gardener’ u ‘Farmer’ mal-Ministeru għal Għawdex sena b'sena u xahar b'xahar mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid kemm hemm ippjanati li jiddaħħlu ħaddiema ġodda fil-grad ta’ ‘Gardener’ u ‘Farmer’ fil-ġimgħat u xhur li ġejjin? Jista’ jgħid ukoll jekk f’dawn l-aħħar ġimgħat kienx hemm xi sejħiet biex jiddaħħlu ħaddiema mas-Servizz Pubbliku mal-Ministeru għal Għawdex fil-grad ta' ‘Gardener’ u ‘Farmer’?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mid-data indikata fil-mistoqsija, mas-Servizz Pubbliku daħlu sitt Gardeners. Dawn il-Gardeners ġew ingaġġati bejn Frar 2015 u Frar 2016. Minn naħa l-oħra, ma kienx hemm nies li daħlu mas-Servizz Pubbliku bħala Farmers.
F’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm sejħa għal applikazzjonijiet għall-post ta’ Gardener fil-Ministeru għal Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet u min hu responsabbli li Triq il-Pitkalija ġewwa x-Xewkija Għawdex, li saret ftit inqas minn sena ilu b'għaġġla kbira peress li kien ħa jiġi inawgurat il-Gozo Innovation Hub, eżatt minn ġa nofs it-triq u fejn hemm parti kbira minnha b'żewġ kisjiet tarmac (base course u wearing course) f'dawn l-aħħar ġranet għaddew trinka minnha? Jista’ jgħid għaliex din it-trinka ma saritx meta kienet qed issir it-triq? Jista’ jgħid ukoll jekk il-parti l-kbira tat-triq fejn hemm żewġ kisjiet tarmac hux ħa tingħata kollha kemm hi bit-tarmac jew inkella hux se tingħata tarmac fejn saret it-trinka biss?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet qiegħdin isiru minn l-Enemalta. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur – proċedimenti ġudizzjarji
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14005, jista’ l-Ministru jgħid sussegwenti għat-tweġiba mogħtija fis-seduta tat-13 ta’ Mejju 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, ittieħdux xi proċedimenti ġudizzjarji mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) a tenur tal-artikolu 12(5) tal-Kap. 378? Jekk ittieħdu, jista’ l-Ministru jgħid f’kull każ dwar liema materjal kien jittratta r-rikors magħmul mid-Direttur Ġenerali quddiem il-Qorti Ċivili? B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14005, jista’ l-Ministru jgħid sussegwenti għat-tweġiba mogħtija fis-seduta tat-13 ta’ Mejju 2020 sa meta tiġi mwiegba din il-mistoqsija kemm-il rikors sar mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) a tenur tal-artikolu 12E tal-Kap. 378 għall-ħruġ ta’ miżuri intermedji mill-Qorti? F’kull każ dwar liema materjal kien jittratta r-rikors magħmul mid-Direttur Ġenerali quddiem il-Qorti Ċivili f’dan ir-rigward?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14005 ma ġewx istitwiti proċeduri ġudizzjarji skont l-Artikolu 12(5) tal-Kap 378 u skont l-artikolu 12E tal-istess Kap. 378.
Ħruġ ta’ permessi ta’ xogħol għall-persuni ta’ nazzjonalità Indjana
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi ta’ xogħol għal nies ta’ nazzjonalità Indjana mill-2013 sal-lum?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nixtieq nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt, li skont l-informazzjoni miġbura n-numru ta’ permessi ġodda ta’ residenza u xogħol maħruġa liċ-ċittadini mill-Indja bejn l-2013 u l-2019 kien jammonta għal:
Sena
Persuni
2013
73
2014
81
2015
117
2016
230
2017
619
2018
1776
2019
2130
Dawn il-permessi huma ta’ natura temporanja u jiddependu fuq l-impjieg.
Ħruġ ta’ permessi ta’ xogħol għall-persuni ta’ Nazzjonalità min-Nepal
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi ta’ xogħol għal nies ta’ nazzjonalità min-Nepal mill-2013 sal-lum?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nixtieq nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt, li skont l-informazzjoni miġbura n-numru ta’ permessi ġodda ta’ residenza u xogħol maħruġa liċ-ċittadini minn Nepal bejn l-2013 u l-2019 kien jammonta għal:
Sena
Persuni
2013
3
2014
1
2015
3
2016
19
2017
242
2018
1135
2019
1402
Dawn il-permessi huma ta’ natura temporanja u jiddependu fuq l-impjieg.