Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qtugħ tal-provvista tal-elettriku — Load totali f’megawatt fit-28 ta’ Novembru 2020

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien il-load totali f'megawatt fil-pajjiż fil-mument li nqatgħet il-provvista tad-dawl nhar is-Sibt 28 ta' Novembru 2020?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-mument li nqata’ d-dawl nhar is-Sibt 28 ta’ Novembru 2020, il-load totali fil-pajjiż kien ta’ 307 megawatt.

Qtugħ tal-provvista tal-elettriku — Impjant tal-Electrogas – Load f’megawatt fit-28 ta’ Novembru 2020

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien il-load f'megawatt fuq l-impjant tal-Electrogas fil-mument li nqatgħet il-provvista tad-dawl nhar is-Sibt 28 ta' Novembru 2020?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-mument li nqata’ d-dawl nhar is-Sibt 28 ta’ Novembru 2020, il-load fuq l-impjant tal-Electrogas kien ta’ 123 megawatt.

Profiling/Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-profiling tal-applikanti? Jista’ jgħid kemm hija l-waiting list għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi l-eżerċizzju ta’ profiling wasal fl-aħħar stadju u fix-xhur li ġejjin se jkunu qegħdin jiġu ppubblikati r-riżultati li jinkludu l-aspett kwantitattiv u kwalittativ. Eżerċizzju ta’ profiling li huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu għaliex huwa bbażat fuq l-esperjenzi tal-applikanti kollha għall-housing soċjali. Tajjeb li wieħed jinnota ukoll li s- social workers tal-Awtorità tad-Djar qegħdin iwettqu social assessment lill-familji/individwi li japplikaw għall-housing soċjali. Ninsab infurmat ukoll li l-lista ta’ stennija qegħda l-inqas li qatt kienet fl-aħħar snin, filfatt il-lista hija ta’ 2,420. Bit-tnaqqis fil-lista huwa indikazzjoni li l-politika li qegħdin naddottaw f’dan is-settur qegħda tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.

Reklami tal-junk food

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17450 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk huwiex il-waqt li jintroduċi leġiżlatura biex tirrestrinġi l-użu tar-reklami tal-junk food f’pajjiżna biex innaqsu mill-problema serja tal-obeżità?

Response (ABELA, CARMELO)

Kif naħseb jaf l-Onor. Interpellant din il-materja ġiet diskussa fil-Parlament xi ftit tal-ġimgħat ilu meta tressqu emendi għall-Att dwar ix-Xandir biex issir traspozizzjoni ta’ Direttiva Ewropea li tirregola s-servizzi tal-mezzi awdjoviżivi.

Sptar Mater Dei – għeluq tas-Psychiatric Ward

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għalfejn ingħalqet il-Psychiatric Ward fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minħabba il-pandemija tal-Covid-19, l-isptar Mater Dei aċċellera l-pjanijiet tiegħu billi beda’ juża kull spazju possibbli fosthom dik li qabel kienet s-Psychiatric Ward u għalhekk issa qed tintuża għal kura tal-pazjenti bil-Covid-19. Ninfurmah ukoll fejn ikun hemm bżonn ta’ kura akuta lill-pazjenti b’mard mentali għall-kundizzjonijiet oħra, din qed tingħata fi swali oħra ta’ Mater Dei.

Enemalta – każijiet li rċeviet minħabba ħsarat bil-qtugħ tal-provvista tad-dawl

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17507, tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa tal-Enemalta f'kumpens lil min ressaq każ kawża ta' ħsarat fil-provvista tad-dawl xahar b'xahar mis-sena 2017? Kemm hi t-talba pendenti li għandha bħalissa quddiemha l-Enemalta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #17659 Sitting 411 2020-12-15 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

MFSA – pagamenti lill-kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17495 u jgħid kemm ħarġu pagamenti, meta u ta’ xiex mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) lill-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament matul l-2018, 2019 u l-2020?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra li tiġbor il-ħlasijiet lill-kumpaniji fl-ordni kif indikati minnu.
Leg 13 PQ #17678 Sitting 411 2020-12-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Skemi u proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea – Proġett tal-Gozo Museum

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17266, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għalfejn il-proġett tal-Gozo Museum ġewwa r-Rabat Għawdex, li fit-18 ta' Ġunju 2020 tqiegħdet l-ewwel ġebla tiegħu, mhuwiex inkluż fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra tal-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif bdew l-ewwel xogħlijiet tal-iskavar fis-sit, taħt is-supervizzjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, instagħbu fdalijiet arkaeoloġiċi. Wara xhur sħaħ ta’ konsultazzjonijiet mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, ġie deċiż li dawn il-fdalijiet huma ta’ xorta unika u għaldaqstant iridu jiġu integrati fid-disinn tal-Mużew ta’ Għawdex. B’konsegwenza ta’ dan, il-massimu ta’ budget allokat skont ir-regoli tal-applikazzjoni ta’ l-OP1 – ERDF 2014-2020 kien se jigi maqbuż. Għalhekk lura fl-2019 ġie deċiż li biex tiġi ssalvagwardjata din is-sejba arkaeologika kellu ukoll jinbidel il-pjan oriġinali ta’ dan il-progett fejn sussegwament il-Ministeru għal Għawdex alloka fondi oħrajn.
Leg 13 PQ #17681 Sitting 411 2020-12-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ċentru tal-Università ta’ Għawdex – korsijiet li jwasslu degree jew dottorat

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'korsijiet li jwasslu għal degree jew dottorat saru fiċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex matul is-snin 2018 u 2019? Kemm kien in-numru ta' studenti li kien hemm f'kull kors u kemm minnhom iggradwaw? Tista' tgħid preżentement kemm hu n-numru ta' korsijiet li hemm fiċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex u kemm hu n-numru ta' studenti f'kull kors? Tista' tgħid ukoll kemm kienet l-ispiża rikorrenti għas-snin 2018, 2019 u 2020 tal-Università ta' Malta fuq iċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-lista tal-korsijiet li jwasslu għal degree li saru fiċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex matul is-snin 2018 u 2019. Infurmata wkoll li l-ispiża tal-Università ta' Malta fuq iċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex kienet kif ġej: 2018: €150,598 2019: €181,134 2020 (sal-11 ta’ Diċembru): €112,663
Leg 13 PQ #17682 Sitting 411 2020-12-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex — Proġett tal-Gozo Musuem

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw s'issa direct orders fuq il-proġett tal-Gozo Museum fir-Rabat Għawdex? Kemm kien il-valur tagħhom, lil min ingħataw u ta' xiex ingħataw? Min talab għalihom u min approvahom dawn id-direct orders? Kemm hemm ippjanati li jingħataw direct orders fuq dan il-proġett fil-ġimgħat li ġejjin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-direct order mogħtija fuq il-Mużew ta’ Għawdex huma skont it-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din id-direct order ġiet mitluba mill-Ministeru għal Għawdex u sussegwentament approvata mid-Direct Orders Office jew mill-General Contracts Committee fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi rispettivament, skont kif jitolbu r-regoli tal-procurment tas-Sevizz Pubbliku.
Leg 13 PQ #17683 Sitting 411 2020-12-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Tenders Negotiated without prior publication

Question

Jista' l-Ministru jispjega fid-dettal il-kunċett ta' tenders Negotiated without prior publication (one stage) u jgħid fejn tiġi ppubblikata din it-tip ta' tender? kemm idumu miftuħin tenders ta' dan it-tip kif ukoll jgħid f'liema każijiet jintużaw dawn it-tip ta' tenders

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-“proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel” hi waħda mill-proċeduri ta’ akkwist li jistgħu jintuzaw skont il-liġi li tirregola l-akkwisti pubbliċi. Din hija proċedura li biha l-Awtoritajiet Kontraenti jikkonsultaw mal-operaturi ekonomiċi tal-għazla tagħhom u jinnegozjaw it-termini ta’ kuntratt ma’ wieħed jew aktar minn dawn. Hekk kif inhu spjegat fl-isem ta din il-proċedura, m’hemm l-ebda rekwizit ta’ pubblikazzjoni għal sejħiet ta’ dan it-tip. Il-liġi ma tiddefinixxix it-tul tal-perjodu għas-sottomissjoni tal-offerti peress li dan huwa ddeterminat mill-Awtorità Kontraenti. Meta mitlub mill-awtorità kontraenti, id-Direttur tal-Kuntratti jista’, bla ħsara għal kull kundizzjoni li jidhirlu xieraq li jimponi, japprova l-uzu ta’ proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel għal kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet, kuntratti pubbliċi ta’ provvisti u kuntratti pubbliċi ta’ servizzi fil-kazijiet speċifikati fir-regolamenti 151 sa 154 tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (Avviz Legali 352 tal-2016.

Għaqdiet tal-Konsumaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hawn għaqdiet tal-konsumaturi li huma reġistrati skont ir-rekwiżiti tal-Kap.378? Jekk hawn xi għaqdiet hekk reġistrati, qed tingħata xi forma ta’ għajnuna mill-Gvern lil dawn l-għaqdiet u jekk iva fiex tikkonsisti din l-għajnuna?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt infurmat li hawn żewġ għaqdiet tal-konsumatur li huma reġistrati skont ir-rekwiżit tal-Kap 378. Min-naħa tal-Awtorità tingħata għajnuna lil waħda mill-għaqdiet permezz ta’ użu ta’ uffiċċju, servizz tal-internet u linja tat-telefon mingħajr ħlas kif ukoll il-ħlas ta’ servizzi ta’ dawl, ilma u indafa. L-għaqda l-oħra qatt ma għamlu xi tip ta’ talbiet għall-għajnuna.

Low Carbon Development

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' fejn waslet l-istrateġija ta' low carbon development għal Malta? Jista' jgħid min huma l-konsulenti li qed jaħdmu fuq din l-istrateġija u jagħti rendikont ta' ħlashom sal-jum li fih titwieġeb din id-domanda?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interepllant li l-ħsieb tagħna hu li noħorġu l-abbozz tal-istrateġija fl-ewwel kwart tal-2021. Il-konsulenti li qed jaħdmu fuq l-istrateġija, u li ntagħżlu wara sejħa għall-offerti, huma Ernest & Young b’kollaborazzjoni mal-esperti Ingliżi Eunomia. L-ammont li sa issa tħallas lill-konsulenti jammonta għall-€164,079.

Foundation for Social Welfare Services – servizzi f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jelenka s-servizzi li l-Foundation for Social Welfare Services (FSWS) qed toffri ġewwa Għawdex? Jista' jispjega wkoll kemm persuni qed jirċievu kull wieħed minn dawn is-servizzi? Jista' jgħid ukoll kemm hemm persuni f'Għawdex li qed jirċievu xi wieħed mis-servizzi msemmija, maqsuma lokalità b'lokalità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Leg 13 PQ #17716 Sitting 411 2020-12-15 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ta’ Sannat Special Unit — studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-età li fiha t-tfal jew studenti b'diżabilità li jattendu l-ispecial unit ġewwa Ta' Sannat Għawdex iħallu din l-iskola? Tista' tispjega kemm hemm tfal jew studenti b'diżabilità li laħqu din l-età u għadhom jattendu l-ispecial unit imsemmiha? F'każ li hemm tfal jew studenti f'din is-sitwazzjoni, tista' tgħid għala qed jiġri dan u x'qed jagħmel biex jirremedja s-sitwazzjoni?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-istudenti b'diżabilità jattendu programm minn età bikrija ta' tliet (3) snin sa tnejn u għoxrin (22) sena. Infurmata li f’dawn l-aħħar seba’ snin qatt ma kellna studenti li għalqu t-tnejn u għoxrin (22) sena u baqgħu jattendu Ta’ Sannat Special Unit . Minn sena għall-oħra dejjem issir transizzjoni xierqa tal-istudenti mis- Sannat Special Unit, bis-sapport tad-Dipartiment Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel flimkien mal-Aġenzija Sapport. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, m’aħniex inħallu li tinqala’ din is-sitwazzjoni għax sa minn meta jagħlqu l-wieħed u għoxrin (21) sena nikkoordinaw tajjeb u fi żmien stipulat mal-Aġenzija Sapport biex issir din it-transizzjoni xierqa. S’issa dejjem ikkollaborajna flimkien.
Leg 13 PQ #17717 Sitting 411 2020-12-15 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Learning Support Educators

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17438, tista’ l-Ministru tgħid minn min hu kompost il-bord li jiddeċiedi fuq każijiet umanitarji? Tista' tispjega wkoll xi proċedura jew kriterji jsegwi dan il-bord biex jistabbilixxi jekk Learning Support Educator b'każ umanitarju timmeritax li taqbeż il-waiting list u tmur taħdem direttament f'Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li dan il-bord ma jaqax taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni. Għaldaqstant, ġentilment nitlob lill-Onorevoli interpellant sabiex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Binjiet u siti storiċi – mudelli għall-persuni nieqsa mid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16785 u jgħid kemm mill-binjiet, siti jew strutturi oħra li għandna f'pajjiżna u li jiffurmaw parti mill-wirt storiku tagħna, jinkorporaw fihom mudelli li jippermettu li persuni nieqsa mid-dawl ikunu jistgħu jħossu b'idejhom ħalli jifhmu d-dehra ta' dawn il-binjiet, siti jew strutturi? F'każ ta' risposta fl-affermattiv, jista' l-Ministru jindika liema huma dawn il-binjiet, siti jew strutturi u għal kull wieħed jgħid fejn jinsab il-mudell? In oltre, f'każ ta' risposta fl-affermattiv, jista' l-Ministru jindika xi spiża ġiet jew ser tiġi ddedikata f'dan ir-rigward tul din il-leġiżlatura u wkoll imnejn oriġinaw il-fondi? F'każ ta' risposta fin-negattiv, jista' l-Ministru jindika jekk għandux ħsieb li jinstalla faċilitajiet ta' dan it-tip għall-persuni nieqsa mid-dawl?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Heritage Malta installat faċilitajiet simili ta’ dawk deskritti mill-Onor Interpellant li jistabu kif ġej: · Sitt (6) mudelli fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra; · Fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija; · Fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-Ġgantija; · Fil-Forti Sant’ Iermu; · Fil-wirja dwar il-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar fiċ-Ċittadella. Bħalissa qed jinħadem mudell simili tat-Tempji ta’ Ħal Tarxien. Huwa stmat li dawn il-mudelli jiswew madwar €1,000, li ġew iffinanzjati minn fondi nazzjonali, minbarra dak ta Sant’ Iermu, li kien ko-finanzjat mill-Fondi Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Is-sena li għaddiet Heritage Malta tellgħu attivita speċifika għal persuni neqsin mid-dawl rigward il-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar. Il-Kontkattidral ta’ San Gwann joffri audio guides li jistgħu ukoll jgħinu sabiex tiżdied l-aċċessibilita tal-partimonju Malti għal persuni neqsin mid-dawl.
Leg 13 PQ #17723 Sitting 411 2020-12-15 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex – Pjazza San Franġisk — culverts

Question

Jista' l-Ministru jindika għaliex fil-proġett ta’ ripavimentazzjoni ta' Pjazza San Franġisk, Rabat, Għawdex li tlesta dan l-aħħar, ma sarx culvert fil-parti ta' Pjazza San Franġisk, Victoria fil-parti li tmiss ma' Triq Vajringa biex jilqa' l-ilma tax-xita tal-istess triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet marbuta mal-ilquħ tal-ilma saru b’tali mod li ma kienx hemm bżonn culverts ġodda fuq pariri tas-Sovrentendenza tal-Partimonju Kulturali.
Leg 13 PQ #17724 Sitting 411 2020-12-15 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Ta’ Sannat – Triq Marżiena — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jindika meta ngħalqet Triq Marżiena kantuniera ma' Triq Sannat, Sannat u għala dan id-dewmien sabiex jitlestew ix-xogħlijiet f'din it-triq? Meta hemm il-ħsieb li jitlesta x-xogħol fuq il-kumplament ta' Triq Sannat u kemm ser jiswew dawn ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li s-superviżjoni u l-immaniġġjar ta’ dan il-proġett qed isir mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat, ix-xogħol ser jitlesta fil-jiem li ġejjin.
Leg 13 PQ #17725 Sitting 411 2020-12-15 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex – Pjazza San Franġisk – Ċertifikazzjoni tal-Pavimentar

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk u minn min ġiet iċċertifikata l-pavimentazzjoni fi Pjazza San Franġisk, Rabat, Għawdex u għala tħalla l-użu ta' ħafna madum tal-lava bid-daqqiet ta' sega f'din il-pjazza? Jista' jindika jekk hemmx xi ħsieb li dan il-madum ta' kwalità inferjuri jinbidel fil-futur qarib?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Perit li qed jiċċertifika x-xogħol qiegħed jassigura li l-madum huwa kollu skont it-termini tal-kuntratt.