Wage Supplement – ħaddiema li ġew impjegati dan is-sajf
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17453 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex il-ħaddiema l-ġodda li ġew impjegati matul is-sajf ma kkwalifikawx għal wage supplement? Dawn il-ħaddiema se jitħallew jitkeċċew għax min iħaddimhom ma baqagħlux xogħol u m’għandux biex iħallsilhom il-paga? Għaliex il-wage supplement japplika biss għal dawk il-ħaddiema li kienu impjegati qabel ix-xhur tas-sajf? Dawn mhux ukoll għandhom familja, loans u dritt li jkollhom dħul?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ipoteka fuq proprjetà li hi reġistrata r-Reġistru tal-Artijiet
Question
Jista' l-Ministru jindika għaliex meta jkun hemm bżonn li ssir ipoteka fuq proprjetà li hi reġistrata, ir-Reġistru tal-Artijiet jesiġi illi tali ipoteka tiġi iskritta qabel fir-Reġistru Pubbliku bir-riżultat illi tali ipoteka tiġi tiswa d-doppju? Jidhirlux il-Ministru li f'tali każijiet, din il-prattika għandha tinqata' u ssir reġistrazzjoni unika fir-Reġistru tal-Artijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi ipoteki jiġu reġistrati fir-Reġistru Pubbliku peress illi dan huwa rikjest ai termini tal-Kapitolu 55.
Ir-Registru tal-Artijiet jitlob kopja tan-nota ta’ iskrizzjoni bħala dokument addizzjonali mal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-ipoteka fir-Reġistru tal-Artijiet, kif inhi l-prassi sa mill-bidu tar-reġistrazzjoni tal-ipoteki fir-Reġistru tal-Artijiet.
Meta tingħata garanzija ipotekarja, bosta drabi, barra li tingħata l-ipoteka specjali tingħata wkoll ipoteka ġenerali, liema ipoteka ġenerali tiġi reġistrata bir-Reġistru Pubbliku biss.
Għat-tieni parti tal-mistoqsija tal-Onorevoli interpellant hija l-intenzjoni tal-Ministeru illi jinbeda’ process ta’ riforma fil-liġi li tirregola ir-Reġistrazzjoni tal-Artijiet sabiex din tkun waħda li tirrefletti ahjar ir-rejaltajiet ta’ llum.
Reġistratur tal-Artijiet – estensjoni tal-arei ta’ reġistrazzjoni f’Malta u Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jindika x'intenzjoni għandu r-Reġistratur tal-Artijiet fir-rigward tal-estensjoni tal-arei ta' reġistrazzjoni f'Malta u Għawdex u meta hemm ħsieb illi t-territorju nazzjonali kollu jkun reġistrabbli?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi peress illi qatt ma sar upgrading tas-sistema li tintuża fir-Reġistru tal-Artijiet biex tiġi reġistrata il-propjetà, liema sistema hija magħrufa bħala Land Registration Certification System u ġiet introdotta fl-1994, m’huwiex possibbli illi r-reġistrazzjoni tal-propjetà tiġi estiża għal Malta u Għawdex kollu stante illi qatt ma’ sar titjib fuq din is-sistema u llum hija meqjusa bħala outdated.
Għaldaqstant qegħda tiġi żviluppata sistema ġdida sabiex tgħin fir-reġistrazzjoni tal-propjeta li ha tkun magħrufa bħala Plotter.
Din is-sistema għandha tkun aċċessibbli onlajn fuq bażi ta 24/7 filwaqt illi kull reġistrazzjoni għandha tiġi sottomessa wkoll onlajn. Din is-sistema ser tkun lesta fis-sena 2022.
Malli din is-sistema ġdida tkun lesta, jibda t-trasferiment tad-data mis-sistema preżenti għas-sistema l-ġdida. Dan il-proċess għandu jsir fuq bażi ta’ kunsill u meta d-data tiġi trasferita kollha ta’ dak il-kunsill partikolari, dan il-kunsill jiġi iddikjarat bħala area ta’ reġistrazzjoni. Dan il-proċess huwa maħsub li jieħu madwar sentejn u nofs.
Proprjetà f’area ta’ reġistrazzjoni jew le – Form E — użu ta’ pjanta sottomessa mal-istess applikazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx il-possibilità illi meta tiġi sottomessa Form E sabiex jiġi determinat jekk proprjeta hijiex f'area ta' reġistrazzjoni jew le, tingħata l-possibilità liċ-ċittadin illi juża l-pjanta sottomessa mal-istess applikazzjoni sabiex issir reġistrazzjoni tal-proprjetà malli jsir il-kuntratt ta' bejgħ anke jekk il-proprjetà mhix f'żona ta' reġistrazzjoni u dana sabiex iċ-ċittadin jiffranka flus u ħela ta' ħin u l-proċess tar-reġistrazzjoni tal-artijiet jieħu spinta ferm meħtieġa?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru kawzjonijiet fir-Reġistru tal-Artijiet kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex sena b'sena mis-sena 2000 'l hawn u kif ġew determinati dawn il-kawzjonijiet u kemm hemm minnhom li għadhom pendenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Gozo Channel (Operations) Ltd – kuntratturi — tnaqqis ta’ pagi u problemi ta’ leave
Question
Jista' l-Ministru jindika jekk waslulux ilmenti minn ħaddiema li qed jaħdmu ma' wieħed mill-kuntratturi mqabbad mill-Gozo Channel (Operations) Ltd dwar tnaqqis arbitrarju ta' pagi dovuti lill-istess ħaddiema kif ukoll dwar problemi sabiex wieħed jieħu l-leave tiegħu u x'għamel hu u x'għamlet il-kumpanija dwar dawn l-ilmenti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilmenti wassluli u għarraft lill-kumpanija tal-Gozo Channel.
Bini tar-raba vapur għall-ħtiġijiet tat-traffiku marittimu bejn Malta u Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx il-ħsieb illi jinbena r-raba' vapur sabiex jilħaq il-ħtiġijiet tat-traffiku marittimu bejn Malta u Għawdex u jekk iva, meta ser jibda' l-proċess sabiex jingħata l-kuntratt tal-bini ta' dan il-vapur u jekk le, għala?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpallant li bil-għan li jintlaħqu l-ħtiġijiet tat-traffiku marittimu bejn iż-żewġ gżejjer, il-kumpanija Gozo Channel bdiet topera r-raba’ vapur mal-flotta eżistenti tagħha sa minn Ġunju 2019. Fil-ġranet li ġejjin il-kumpanija Gozo Channel se tkun qed toħroġ tender li jikkoncerna r-raba’ vapur.’
Ftehim tal-Gvern mas-Settur privat għall-użu tal-Isptar The Good Samaritan
Question
B’referenza għad-diskors li għamel il-Ministru nhar it-Tnejn 2 ta’ Novembru 2020, fid-diskussjoni tal-Estimi Finanzjarji 2021 fil-Parlament, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li l-Gvern għamel mas-settur privat għall-użu tal-“isptar” The Good Samaritan?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 17446.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li t-tilqima tal-influwenza li qassam il-Gvern fix-xahar ta’ Ottubru 2020 ma kinetx żieda fuq in-numru ta’ tilqimiet li s-soltu jiġu impurtati minn pajjiżna, imma l-Gvern kien ħa t-tilqim li s-soltu jingħata mis-settur privat tas-saħħa bħal kliniċi u spiżeriji?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil fatt m’hiex korretta f’dak li qed tgħid. Sabiex jilqa’ għall-imxija tal-influwenza din is-sena l-Gvern xtara u mporta lejn Malta 225,000 tilqima tal-influwenza. 25,000 minnhom huma f’forma ta’ nasal spray li ser jintużaw għat-tfal. Dawn it-tilqim kollha huma offruti mingħajr ħlas. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi s-sena l-oħra, li kienet sena rekord fl-għoti ta’ tilqim tal-influwenza, l-Gvern kien xtara 100,000 doża li minnha ngħataw 89,000.
Tilqima tal-Influwenza – tieni doża – ditta differenti
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li t-tieni tilqima tal-influwenza li se tasal Malta iktar tard f’Novembru 2020 hija ta’ ditta differenti mill-ewwel tilqima li waslet f’Ottubru 2020? Filwaqt li dan ma jfissirx li waħda hija inferjuri, il-Ministru jikkonferma li minħabba li t-tilqimiet huma ta’ żewġ ditti differenti jfisser li min ikollu jieħu iktar minn tilqima waħda (bħal trabi) fil-fatt se jkollhom jieħdu żewġ dożi tat-tilqima l-ġdida?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil fatt mhiex korretta f’dak li qed tgħid. Dawk it-tfal u trabi kollha li kienu ħadu l-ewwel doża tat-tilqima tal-influwenza f’Ottubru ngħataw it-tieni doża b’tilqima tal-istess ditta.
Tilqima tal-influwenza – persuni vulnerabbli li għadhom ma ħaduhiex
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni vulnerabbli li għadhom ma ħadux it-tilqima tal-influwenza?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sa tmiem il-ġimgħa l-oħra t-tilqima tal-influwenza kienet miftuħa biss għal persuni vulnerabbli. Mill 225,000 doża tat-tilqima tal-influwenza sa dak inhar kienu ntużaw 131,052 waħda. Bħalissa t-tilqima hija offruta lill-Maltin u l-Għawdxin kollha mingħajr ħlas.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Morning After Pill hijiex disponibbli fl-Isptar Mater Dei? Jekk iva, jista’ jgħid jekk tingħatax b’xejn? Jekk le, jista’ jgħid jekk il-Morning After Pill hijiex parti mill-protocol tar-Rape Response Team skont l-istandards tal-World Health Organisation?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-mediċina li semmiet hi, hija disponibbli mingħajr ħlas għal pazjenti in-patients f’Mater Dei skont id-deċiżjoni klinika tat-tabib kuranti.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk ir-Rape Response Team stabbilit skont l-istandards tal-World Health Organisation hux qed jiffunzjona?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizz tas-Sexual Assault Team qiegħed jingħata lill-vittmi kkonċernati.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw kotba jew ingħataw b’donazzjoni lil-librerija pubblika ta’ Marsaxlokk tul din is-sena? Jista’ jgħid kemm ġew mislufa kotba?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi il-librerija ta’ Marsaxlokk akkwistat 316 ktieb din is-sena f’xiri u donazzjonijiet. 3,159 ktieb ġew mislufa minn din il-librerija.
European Asylum Support Office — inizjattivi mill-Ministeru
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10390, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rifużjoni inkwistjoni ġietx imħallsa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat interpellant it-talba għar-rifuzjoni tinsab fl-aħħar stadju ta’pprocessar mid-Dipartiment tal-VAT qabel tintbgħat lid-Dipartiment tat-Teżor sabiex isir il-ħlas.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta’ flus li kellhom jiġu mħallsa lura f’rifużjoni fuq l-Income Tax sal-aħħar ta’ Settembru 2020 u kemm tħallsu sal-aħħar ta’ Novembru 2020?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ rifuzjoni fuq l-Income Tax, lokalment dovut, li kellu jiġi mħallas sa l-aħħar ta’ Settembru 2020, kien ta’ Ewro 85,851,724.65, li minnhom tħallsu Ewro 81,005,789.06 sa l-aħħar ta’ Novembru 2020.
Dan fid-dawl tal-ambjent diffiċli għat-
taxpayers
u għad-dħul tal-Gvern, kawza tal-pandemija COVID-19.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti reġistrati fl-Iskejjel Primarji fil-Fgura għas-sena akkademika 2020/2021 u kemm kien hemm għalliema fl-istess skola?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li fl-Iskejjel Primarji A u B tal-Fgura hemm 39 Għalliema u 21 Kindergarten Educators. In-numru ta’ studenti huwa 579 fil-Primarji u 235 fil-Kinder.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti reġistrati fl-Iskola Primarja fil-Gudja għas-sena akkademika 2020/2021 u kemm kien hemm għalliema fl-istess skola?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li fl-Iskola Primarja tal-Gudja hemm 8 Għalliema u 5 Kindergarten Educators. In-numru ta’ studenti huwa 89 fil-Primarja u 51 fil-Kinder.
Tista’ l-Ministru tgħid fejn żviluppat il-ħsara fl-interconnector, jekk hux in-naħa ta' Malta jew ta' Sqallija, u x'kienet il-kawża tal-qtugħ tal-provvista tal-elettriku nhar is-Sibt 28 ta' Novembru 2020?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kawża tal-qtugħ tal-provvista tal-elettriku nhar is-Sibt 28 ta’ Novembru 2020, kienet ikawżata minn ħsara f’wieħed mis-circuit breakers tal-interconnector. Dan is-circuit breaker qiegħed Ragusa u jappartjeni lil Terna li huma l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni Taljana. Mill-istħarriġ li sar mill-esperti ta’ Terna, irriżulta li l-ħsara ġiet ikkaġunata mill-maltemp qawwi li għadda minn fuq Sqallija dakinhar stess.