Jista’ l-Ministru jikkonferma li fix-xahar ta’ Diċembru 2020 l-Avukat Ġenerali rċeviet il-proċess verbal mill-Maġistrat Inkwirenti dwar l-Inkjesta Maġisterjali fuq il-Bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, liema inkjesta kienet inbdiet fl-2018? Jista’ jikkonferma li l-Maġistrat Inkwirenti rrakkomanda:
(a) passi kriminali għall-ħasil ta’ flus kontra l-Bank qua Bank;
(b) passi kriminali għall-ħasil ta’ flus kontra s-sidien tal-Bank;
(c) passi kriminali fuq ħasil ta’ flus kontra d-Diretturi tal-Bank u kontra l-Money Laundering Reporting Officer;
(d) li jiġi investigat l-operat tal-FIAU u tal-MFSA għal possibbli ksur ta’ liġi fl-għoti tal-liċenzja lill-Bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u kompliċità kriminali għal ħabi ta’ ksur tal-liġi kriminali da parti tal-Bank?
Jista’ jgħid għaliex il-Gvern għadu ma għamel xejn sal-lum biex jitlob l-estradizzjoni lejn Malta ta’ dawk kollha indikati mill-Maġistrat Inkwirenti li għandhom jitressqu l-Qorti fuq money laundering?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Waqt li huwa magħruf li inkjesti maġisterjali huma kunfidenzjali fin-natura tagħhom, l-Onorevoli interpellant imissu jaf aħjar kif, bħala professjonist legali u eks-Ministru, m’għandux jidħol f’din il-materja, irrispettivament mill-fatt jekk hux inkjesta pendenti jew konkluż.
Ilkoll nafu tajjeb li parti mill-proċess ta’ saltna tad-dritt b’saħħitha hu li l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu mingħajr indħil politiku, kif jien u dan il-Gvern ninsabu determinati li nkomplu nagħmlu.
Irrid nissoleċita lill-Onorevoli interpellant biex jagħti spjega ta’ minn fejn ġab din l-informazzjoni, li fin-natura tagħha hi sigrieta skont il-Liġi. Tali informazzjoni fil-pussess tiegħu, dejjem jekk hi waħda fattwali, tista’ tippreġudika l-eventwali proċess kriminali u mandati li jistgħu jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti għall-buon amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Għaldaqstant intenni lill-Onorevoli interpellant biex jieqaf jinqeda bil-vesti tiegħu ta’ avukat ħalli jikseb xi kapital politiku. Nistenna li mġieba simili tiġi wkoll sindakata mill-organi kollha kompetenti.
Qorti ta’ Għawdex u Vapur Nikolaos – passi mis-CRPD biex ikunu aċċessibbli għal kulħadd
Question
B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 17476, tista' l-Ministru tgħidilna meta l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità ġiet infurmata li ser toħroġ is-sejħa għall-offerti għar-raba' vapur tal-flotta tal-Gozo Channel sabiex jissostitwixxi lil M.V. Nikolaos illi għandu problemi kbar ta' nuqqas ta' aċċessibilità għall-persuni b’diżabbilità u anzjani? Tista' tgħidilna wkoll hiex sodisfatta bid-dewmien sabiex issir din is-sejħa għall-offerti?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull dewmien f’dan is-sens qatt mhu mixtieq. Wieħed, iżda, irid jifhem ukoll li hemm proċeduri ta’ procurement li jridu jiġu segwiti.
Jista’ l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' uffiċjali reviżuri tal-atti nutarili fl-aħħar ħames snin, il-proċedura kif jiġu assenjati lin-nutara pubbliċi partikulari u jekk hemmx xi forma ta' rotazzjoni ta' dawn l-uffiċjali reviżuri bejn nutara differenti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li l-uffiċjali reviżuri jiġu assenjati lin-nutara pubbliċi partikolari mill-Kunsill Nutarili u għal dan il-għan jinħareġ avviż fil-Gazzetta tal-Gvern darba f’sena, normalment lejn il-bidu tas-sena. F’dawn l-aħħar ħames snin in-numru ta’ reviżuri għal kull sena kien ġeneralment qed ikun ta’ erbgħa, għalkemm kien hemm xi perjodu fejn kienu tlieta. Rigward ir-rotazzjoni tar-reviżuri din tiġi determinata mill-Kunsill Nutarili.
Hawnhekk qed nitkellmu dwar reviżuri ta’ atti
inter vivos
peress illi r-reviżjoni tat-testmenti ssir mill-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jelenka l-faċilitajiet sportivi li hu ppjanat li ser ikunu jistgħu jiġu pprattikati fis-sit tal-Gozo Sports Complex meta jitlesta l-proġett li għaddej bħalissa? X’inhi l-istima tan-nefqa li se ssir fuq dawn il-faċilitajiet u mil-liema vot, ser issir din in-nefqa? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti approvati tal-faċilitajiet sportivi li qed isiru f’dan is-sit?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hekk kif jitlesta l-Kumpless Sportiv ser ikun jospita diversi dixxiplini sportivi fosthom l-għawm fiċ-Ċentru Akwatiku, basketball, squash, badminton, gymnastics, żfin, wall climbing, acrobatics, weightlifting, aerobics, yoga, martial arts, u dixxiplini oħra li jintlagħbu fuq ġewwa. Barra minhekk ser ikun hemm ukoll żewġ multi-purpose courts fuq barra.
Intant, il-pjanti diġà ġew ippubblikati mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jindika meta l-aħħar inbidel il-parquet fl-art tal-Gozo Sports Complex u kemm kienet l-ispiża totali sabiex sar dan ix-xogħol? X'sar mill-parquet li nqala' fix-xogħlijiet riċenti u x'inhu l-ħsieb li jsir minn dan il-parquet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-parquet inbidel fi Frar 2016 u ġie jiswa’ €59,994 (Vat Eskluż). Parti minn dan il-parquet ġie mogħti lill-Iskola Sir Mikelang Refalo biex jitpoġġa ġo sala li bħalissa qed tintuza’ mill-klijenti tal-Isport Complex għal aerobics, gymnastics, yoga u anke għal Sports on the Move. Parti minnu tpoġġa fil-korsa ta’ Xħajma fl-istand fejn ipoġġu bil-qegħda n-nies u li kien baqa’ ġie storjat fil-korsa ta’ Xħajma biex jintuża aktar ‘il quddiem skont fejn ikun hemm bżonn.
Gvernijiet barranin li għandhom Ambaxxati f’Malta – għajnuna lill-NGOs jew Media Houses
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Gvern Malti għandux informazzjoni dwar jekk u b'liema mod Gvernijiet barranin permezz ta' Ambaxxati tagħhom f'Malta jagħtux għajnuna finanzjarja lill-NGOs u/jew Media Houses? Jekk għandu din it-tip ta' informazzjoni, jista' jgħid liema huma l-Gvernijiet barranin li permezz tal-Ambaxxati tagħhom f'Malta jiffinanzjaw NGOs jew Media Houses? Jekk għandu din it-tip ta' informazzjoni, jista' jgħid liema huma l-NGOs u/jew Media Houses li jirċievu din l-għajnuna finanzjarja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ma jiġborx informazzjoni ta’ din ix-xorta.
Ministeru għas-Saħħa — Ħaddiema li ħarġi bil-kwarantina
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li ħarġu bi kwarantina minħabba kuntatt ma’ persuni bil-COVID-19?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-11 ta’ Dicembru kien hemm 47 persuni li jaħdmu fid-dipartimenti u l-entitajiet tal-Ministeru għas-Saħħa li kienu fi kwarantina minħabba kuntatt ma’ persuni bil-COVID-19.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — ħaddiema li ħarġu bil-kwarantina
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16859, peress li mhux qed tintalab ebda informazzjoni personali li tista' twassal biex ħaddiema jew individwi jiġu identifikati minħabba li din hija biss statistika, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari u jgħid mill-1 ta' Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu li ħarġu bi kwarantina minħabba kuntatt ma' persuni bil-Covid-19?
Ministeru għal Għawdex — ħaddiema li ħarġu bil-kwarantina
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16860, jista' l-Ministru jikkonferma li fil-Gozo Channel kien hemm persuna waħda infettata bil-Covid-19 u persuna waħda biss ħarġet bil-kwarantina? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm persuni infettati bil-Covid-19 u persuni li ħarġu bil-kwarantina li jaħdmu f'dipartimenti tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sad-data u l-ħin li ġiet imwieġba l-mistoqsija parlamentari numru 16860, fil-Gozo Channel kien hemm biss persuna waħda li ttestjat pożittiv għall-COVID-19 mill-1 ta’ Marzu 2020. Sussegwenti mill-mistoqsija parlamentari 16860 kien sar random swabbing lill-ħaddiema kollha u mill-aħħar testijiet li saru rriżulta li tlett ħaddiema - addizzjonali ma’ dak irrapurtat fil-mistoqsija parlamentari 16860 - instabu pożittivi għall-COVID-19. Dawn il-ħaddiema tpoġġew taħt kwarantina mandatorja. Barra minn hekk dawn il-każijiet ġew investigati mill-awtoritajiet tas-saħħa u sar il-contact tracing neċessarju, fejn ukoll tpoġġew f’kwarantina mandatorja numru ta’ ħaddiema li setgħa kellhom xi tip ta’ kuntatt ma’ dawn il-ħaddiema li nstabu pożittivi għall-COVID-19.
Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal — Ħaddiema li ħarġu bil-kwarantina
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16861 u jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li ħarġu bi kwarantina minħabba kuntatt ma’ persuni bil-COVID-19?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor Interpellanta li n-numru ta’ persuni li kienu kwarantina minħabba li kienu f’kuntatt ma persuni infettati bil-COVID-19 kien ta’ ħamsa u sittin (65).
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Ħaddiema li huma minn skala 6 ’l fuq
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16870, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu fi skala 6 jew aktar 'il fuq skond Appendix 'N' tal-Estimi finanzjarji 2021 (Pg 407)? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bil-maqlub għal dak li ntalab fl-ewwel mistoqsija parlamentari li speċifikat għall-ħaddiema fi Skala 6 jew ogħla fis-settur pubbliku, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm 884 ħaddiema li minnhom huma 453 rġiel u 431 nisa, li jaqgħu f’dik il-kategorija jew f’livell amministrattiv fl-entitajiet pubbliċi li huma regolati bil-ftehim partikolari tagħhom.
Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — Ħaddiema li huma minn skala 6 ’l fuq
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16868, tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha fi skala 6 jew aktar 'il fuq skond Appendix 'N' tal-Estimi finanzjarji 2021 (Pg 407)? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 491 ħaddiema li huma minn skala 6 ‘l fuq u li minnhom hemm 114 mara u 377 raġel.
Jista’ l-Ministru jgħid liema entità hija responsabbli sabiex twettaq is-sorveljanza, kontrol u infurzar fuq l-istat nadif u skont ir-regoli tal-iġene tal-bring in-sites li għandna f’pajjiżna?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16208.
Jista’ l-Ministru jgħid liema entità hija responsabbli sabiex twettaq is-sorveljanza, kontrol u infurzar fuq l-istat nadif u skont ir-regoli tal-iġene tal-bring in-sites li għandna f’pajjiżna?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid liema entità hija responsabbli sabiex twettaq is-sorveljanza, kontrol u infurzar fuq l-istat nadif u skont ir-regoli tal-iġene tal-bring in-sites li għandna f’pajjiżna?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta hija l-aħħar darba li nxtrat konsenja ta’ Hearing Aids u kemm kienet l-ispiża fuq dan?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant peress illi l-kundizzjonijiet mediċi tal-pazjenti huma varji, jinxtraw diversi tipi ta’ hearing aids. L-aħħar li ġew ordnati kienu d-Digital Hearing Aids for Children with severe to Profound Loss f’Marzu ta’ din is-sena u l-valur tagħhom kien Ewro33,360.00.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuma l-kriterji u r-rekwiżiti sabiex persuna tkun tista’ tikkwalifika sabiex tingħata hearing aids? Jista’ jindika kemm kien hemm benefiċċjarji tul din is-sena?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuni li jikkwalifikaw għal-hearing aids b’xejn huma dawk l-adulti li għandhom l-karta l-bajda, adulti/anzjani li huma residenti fi djar tal-gvern, San Vinċenz De Paul, l-isptar Monte Carmeli u dawk fis-Swali Ġerjatriċi li jagħmlu parti mill-Isptar Ġenerali ta ’Għawdex, membri ta' Ordnijiet Reliġjużi, membri tal-Forzi Armati, membri tal-Korp tal-Pulizija, l-Priġunieri fil-faċilità Korrettiva ta’ Kordin kif ukoll t-tfal u l-adolexxenti żgħar kollha sal-età tat-18 il-sena. Peress li s-smiegħ huwa mportanti għall-iżvilupp ta’ dawn it-tfal u adoloxxenti kemm minħabba l-ispeech development, kif ukoll matul is-snin skolastiċi tagħhom huma intitolati għal bilateral hearing aids. Matul din is-sena ngħataw 90 hearing aid lill-adulti kif ukoll 50 lill tfal/adoloxxenti.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi l-proċedura dipartimentali meta persuni jkollhom ħsara fil-hearing aids? Jista’ jiġi indikat x’servizz jingħata lill-persuni residenti f’Djar tal-Anzjani?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dawk kollha li huma ntitolati għal hearing aid b’xejn u li jkollhom il-ħsarat fiha, isir l-ispezzjonar tal-hearing aid difettuża mill-hearing aid laboratory technician. Hawnhekk issir it-tiswija neċessarja u f’każijiet li dan ma jkunx possibbli, tingħata oħra ġdida.
Il-persuni residenti fi Djar tal-Anzjani huma ntitolati għas-servizzi kollha fir-rigward ta’
hearing aids
.
Ħlas fuq vjaġġ u akkomodazzjoni ta’ persuna għal laqgħa fil-Qatar
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17505 u tgħid min ħallas il-vjaġġ u akkomodazzjoni għall-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament sabiex attenda laqgħa mal-ex Ministru li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ġewwa l-Qatar fl-2013? Kemm swew il-vjaġġ u l-akkomodazzjoni? X'ħareġ minn din il-laqgħa? Min approva dawn il-pagamenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 13636, Infurmata li l-iskop tal-laqgħa kien sabiex jiġi diskuss kollaborazzjoni bejn iz-zewġ pajjizi fil-qasam tal-Enerġija.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17506 u jgħid x'inhuma l-ammonti ta' gass li ġew maqbuda s'issa (xahar, xahar u sena, sena) mill-impjant tal-Magħtab/Għallis? X'sar minnu dan il-gass? Jista' jgħid ġiex iġġenerat xi elettriku minn dan is-sors ta' enerġija?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-gass ġie użat bħala ‘fuel’ biex ħadmu magni li jiġġeneraw l-enerġija elettrika jew bħala sors li minnha jiġi ġġenerat is-sħana f’dak magħruf bħala ‘Regenerative Thermal Oxidizer - RTO’ li jintuża għal trattament tal-gassijiet li mhumiex ta’ kompożizzjoni tajba biżżejjed għall-‘fuel’ tal-magni jew inkella finalment mgħoddi ġol-flare biex jinħaraq kompletament jekk l-anqas għal- RTO ma l-kompożizzjoni ma tkun tajba biżżejjed. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella bid-deskrizzjoni u kwantitajiet fid-dettal ta’ kif dan il-gass intuża f’kull sena kalendarja u kif gie ġġenerat.