B’referenza għall-konferenza stampa mogħtija fid-19 ta’ Diċembru 2020 minn numru ta’ bdiewa, jista’ l-Ministru jgħid x’ser isir mill-bdiewa tal-inħawi jekk jinbena l-pont bejn l-Imrieħel u Ħal Qormi? Se jitilfu l-art? Hemm pjanijiet biex dawn jiġu akkomodati u biex jinqered l-anqas ammont ta’ raba’ saqwi possibbli? Il-bdiewa ġew ittrattati b’mod ġust u xieraq minn Infrastructure Malta?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 17873 tal-istess Seduta li saret mill-istess Onorevoli Membru.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk jaqbilx mad-deċiżjoni tas-Sindku tas-Siġġiewi li fi skeda ta' laqgħat mar-residenti fil-binja tal-Kunsill Lokali, liema skeda (li qed tingħata separatament) is-Sindku ppubblikaha fuq is-social media (li qed tingħata separatament), inkluda biss kunsilliera tal-grupp politiku tiegħu waqt li b'intenzjoni partiġġjana, ħalla barra tliet kunsilliera (ta' fehma politika differenti minn tiegħu) minn din l-iskeda; u peress li s-Sindku vvotta wkoll kontra mozzjoni li talbet li tiġi rranġata l-iskeda u ppubblikata bl-ismijiet tal-kunsilliera kollha, sabiex ir-residenti jkollhom l-lista sħiħa ta' kunsilliera mxandra fuq il-mezzi ta' kommunikazzjoni tal-Kunsill Lokali, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tiegħu fuq dan il-każ bħal dan fejn Sindku wera b'mod ċar li qed juża riżorsi tal-Kunsill Lokali biex jaġevola interessi politiċi qabel dawk tal-lokalitá?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja hi waħda ta’ natura suġġettiva fi ħdan il-Gvern Lokali rispettiv u għaldaqstant kemm il-Ministeru kif ukoll id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali ma jarawx il-ħtieġa li jittieħdu xi passi jew azzjonijiet partrikolari rigward il-każ imsemmi.
Gozo Channel – flus lura lill-operaturi għal xiri bil-quddiem tal-biljetti
Question
In vista li operaturi lokali xtraw biljetti bil-quddiem tal-vapur għal Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-Gozo Channel ma tridx tagħti l-flus lura bħalma għamlu kumpaniji mad-dinja kollha?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija Gozo Channel infurmat lit-Tour Operators li l-ammonti ta’ biljetti li ma ġewx użati minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19, ser jerġgħu jingħataw lura lilhom meta dawn jinfurmaw lill-kumpanija Gozo Channel li ser jerġgħu jibdew joperaw JEW meta dawn jagħmlu t-talba tagħhom biex jinbiddlu l-biljetti li ma wżawx.
Jista’ l-Ministru jieħu l-pariri meħtieġa biex jara li f’xogħol li qed isir fl-inħawi tad-Dwejra (limiti tar-Rabat) fejn qed isir xogħol ta’ għoti ta’ tarmac, isir xogħol ukoll ta’ tibdil tal-water supply ladarba l-kanen huma antiki u msadda? Din it-talba qed titressaq sabiex ladarba jsir ix-xogħol fit-triq bl-għoti ta’ tarmac, l-istess triq ma tispiċċax terġa’tinqala’ minħabba l-bdil tal-kanen tal-water supply.
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż.
Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq.
Fejn jidħlu żoni rurali kif huma l-inħawi indikati fil-mistoqsija, sa mill-2019 l-aġenzija bniet mill-ġdid jew għamlet xogħlijiet ta’ titjib f’aktar minn 230 triq rurali li fihom ġew mgħoddijin kilometri ta’ servizzi partikolarment dak tal-ilma. Billi ż-żona li qed issir referenza għaliha hija waħda arkeoloġikament sensittiva nħass li jkun aħjar jiġi evitat tħaffir ta’ trinek. Minflok, saru arranġamenti sabiex permezz ta’ pajp mirdum mal-ġenb tat-triq, l-entitajiet kompetenti jkunu jistgħu jtejbu s-sistema tat-tqassim tal-ilma tal-inħawi mingħajr il-bżonn li jinqala’ l-asfalt ġdid.
Jista’ l-Ministru jgħid peress li anzjani li jużaw it-trasport pubbliku huwa b’xejn (bla ħlas) għal-liema raġuni anzjani li ma jkollhomx il-card fuqhom, qed jintalbu biex iħallsu għall-użu ta’ trasport pubbliku?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-miżura fejn persuni li għandhom bejn l-erbatax u l-għoxrin sena, studenti li għandhom 21 u aktar, persuni b’diżabilità kif ukoll persuni li għandhom 70 sena u aktar jivjaġġaw b’xejn meta jużaw it-trasport pubbliku bi skeda, taħdem fuq sistema ta’ refund fejn dak li jkun intefaq f’nollijiet tal-karozza tal-linja f’xahar jiġi miżjud lura bħala kreditu fuq it-Tallinja Card ix-xahar ta’ wara. Għaldaqstant hemm il-bżonn li persuna biex tibbennifika għandha tagħmel użu min din il-card. L-użu tal-card huwa wkoll meħtieġ sabiex tinżamm statistika ta’ kemm persuni qegħdin jibennefikaw kif ukoll kemm qegħdin isiru vjaġġi taħt din il-miżura.
Bdiewa li applikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-xiri ta’ inġenji
Question
Jista’ l-Prim Ministru jara x’inhi r-raġuni għaliex bdiewa li applikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea biex jagħmlu tajjeb għax-xiri ta’ inġenji tar-raba’, taħt miżura 4.1 li l-applikazzjonijiet ilhom magħluqa minn Ġunju tal-2020?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li s-sejħa li qed issir referenza għaliha taħt il-Miżura 4.1 tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali għalqet fl-24 ta’ Lulju 2020. Din kienet l-ahhar sejħa minħabba li l-Programm wasal lejn it-tmiem tiegħu.
Ninsab nfurmat ukoll li l-Awtorità ta’ Ġestjoni avżat lill-applikanti kollha bl-eżitu tal-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet rispettivi tagħhom.
Korp tal-Pulizija – membri li preżentament jinsabu fl-20 sena ta’ servizz
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija li preżentament jinsabu fl-20 sena ta’ servizz tagħhom fl-istess Korp?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi fil-31 ta’ Diċembru 2020 kien hemm tmienja u sittin (68) membru fil-Korp tal-Pulizija li għalqu l-għoxrin sena ta’ servizz tagħhom fil-Korp.
Korp tal-Pulizija – membri li preżentament jinsabu fl-24 sena ta’ servizz
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija li preżentament jinsabu fl-24 sena ta’ servizz tagħhom fl-istess Korp?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi fil-31 ta’ Diċembru 2020 kien hemm tmienja u disgħin (98) membru fil-Korp tal-Pulizija li għalaq l-erbgħa u għoxrin sena servizz fil-Korp.
Korp tal-Pulizija – membri li preżentament jinsabu fil-25 sena ta’ servizz
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija li preżentament jinsabu fil-25 sena ta’ servizz tagħhom fl-istess Korp?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi fil-31 ta’ Diċembru 2020 kien hemm disgħa u sittin (69) membru fil-Korp tal-Pulizija li għalaq il-ħamsa u għoxrin sena servizz fil-Korp.
Birkirkara – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid:
a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Birkirkara, triq b’triq;
b. kemm minn dawn għadhom attivi;
c. quddiem liema proprjetà;
d. għal liema skop huma riservati; u
e. meta saru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Birkirkara – Triq il-Passju – tneħħija ta’ arbli tad-dawl
Question
Tista’ l-Ministru tordna li l-arbli tad-dawl li hemm fi Triq il-Passju kantuniera ma’ Triq l-Arkati, Fleur de Lys, Birkirkara, li jinsabu fi stat perikoluż, u li ġew irrappurtati aktar minn darba, jitneħħew biex jiġi evitat xi inċident serju?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-arblu msemmi fi Triq il-Passju kien diġà tneħħa minn Enemalta u tpoġġa ieħor minfloku.
L-arblu l-ġdid huwa bżonnjuż f’din it-triq peress li qed iżomm l-infrastruttura u mhuwiex ta’ periklu għall-pubbliku.
Birkirkara – Triq il-Passju – tneħħija ta’ arbli tad-dawl
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-arbli tad-dawl li hemm fi Triq il-Passju kantuniera ma’ Triq l-Arkati, Fleur de Lys, Birkirkara, li jinsabu fi stat perikoluż, u li ġew irrappurtati aktar minn darba, jitneħħew biex jiġi evitat xi inċident serju?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.
Ħal Balzan – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid:
a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Ħal Balzan, triq b’triq;
b. kemm minn dawn għadhom attivi;
c. quddiem liema proprjetà;
d. għal liema skop huma riservati; u
e. meta saru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
L-Iklin – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid:
a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq tal-Iklin, triq b’triq;
b. kemm minn dawn għadhom attivi;
c. quddiem liema proprjetà;
d. għal liema skop huma riservati; u
e. meta saru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Il-Mosta – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid:
a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din l-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq tal-Mosta, triq b’triq;
b. kemm minn dawn għadhom attivi;
c. quddiem liema proprjetà;
d. għal liema skop huma riservati; u
e. meta saru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
1970 UNESCO Convention on the Illict Import, Export and Transfer of Ownership of Cultural Property — firmatarji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta hijiex firmatarja tal-1970 UNESCO Convention on the Illicit Import, Export and Transfer of Ownership of Cultural Property? Jekk iva, meta saret firmatarja u jekk le, jista’ jgħid jekk jaqbilx li Malta ssir firmatarja?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Malta mhix firmatarja tal-1970 UNESCO Convention on the Illicit Import, Export and Transfer of Ownership of Cultural Property. Madankollu dak rikjest mill-Konvenzjoni diġa jinsab fil-Liġijiet ta Malta Kap 445.
Jista’ l-Ministru jgħid fl-2016, l-2017 u l-2018 kemm-il Home Ownership Plot ġew akkwistati/mixtrija/imħallsa mill-Awtorità tal-Artijiet u fejn, sena b’sena?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.