Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru talbiet għall-benefiċċju tal-Parole s-sena li għaddiet u kemm talbiet ġew milqugħa? Jista’ jindika wkoll kemm kien l-ammont komplessiv ta’ applikazzjonijiet sena b’sena, minn meta bdiet topera din il-liġi u kemm ġew effettivament milqugħa?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li fl-2020 saru tnejn u sebgħin (72) talbiet għal beneficcju tal-Parole. Uħud minn dawk għadhom qed jiġu proċessati. Waqt li s’issa minn dawn it-talbiet li saru fl-2020, ħdax (11) minnhom ġew milqugħa.
Fl-2013 kien hemm ħamsa u disgħin (95) applikazzjoni għall-parole.
Fl-2014 kien hemm mija u tnejn (102) applikazzjoni għall-Parole
Fl-2015 kien hemm mija u disgħa (109) applikazzjoni għall-Parole.
Fl-2016 kien hemm tmienja u disgħin (98) applikazzjoni għall-Parole
Fl-2017 kien hemm tlieta u sebgħin (73) applikazzjoni għall-Parole. Dawn jinkludu każ li kien ġie referrit lil Bord tal-Parole mill-Qorti Kostituzzjonali
Fl-2018 kien hemm sitta u sittin (66) applikazzjoni għall-Parole
Fl-2019 kien hemm disgha u sebgħin (79) applikazzjoni għall-Parole
Fl-2020 kien hemm tnejn u sebgħin (72) applikazzjoni għall-Parole.
Mill-2013 sal-2020 kien hemm total ta’ mija u erbgħa u erbgħin (144) li ġew milqugħa.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sal-aħħar ta’ Diċembru 2020? Jista’ jindika s-sess u kemm huma jiskuntaw piena u kemm qed jistennew il-proċess tagħhom jiġi konkluż?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li r-residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sal-aħħar ta’ Diċembru 2020 kienu jlaħħqu t-864, li minnhom 808 huma rġiel u 56 nisa. Inżid li kien hemm 260 resident jistenna l-proċess tiegħu jiġi konkluż, waqt li 604 qed jiskuntaw piena.
Bidu tal-iskola u l-mid term – żieda fl-infezzjonijiet
Question
B’referenza għall-istrajk tal-edukaturi nhar is-7 u t-8 ta’ Jannar u d-dikjarazzjoni tal-Ministru u tal-Gvern li l-iskola hija essenzjali biex tikkontjeni l-pandemija, tista’ l-Ministru tagħti spjegazzjoni kif bejn Settembru meta bdiet l-iskola u l-mid-term kien hemm l-għola żieda fl-infezzjonijiet?
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm studenti li f’din is-sena skolastika kellhom dritt għal stipendju minn Ottubru li għadda u ma ħaduhx fil-ħin? Meta ħadu l-istipendju dawn l-istudenti? Għad baqa’ pagamenti b’lura xi jsiru? Ta’ kemm student u ta’ kemm-il xahar?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għotjiet ta’ manteniment jitħallsu b’lura kull erba’ ġimgħat. Sabiex l-istudenti jirċevu l-għotjiet ta’ manteniment iridu:
· jkunu applikaw għall-Għotjiet ta’ Manteniment skont il-provvedimenti tal-Avviż Legali 308 tal-2016;
· jinstabu eliġibbli għall-Għotjiet tal-Manteniment mill-istituzzjoni rispettiva fejn ikunu qegħdin isegwu programm ta’ studju magħha skont il-kriterji indikati fl-istess Avviż Legali 308 tal-2016;
· jkunu kkonfermaw l-applikazzjoni tagħhom.
Dawk l-istudenti li l-applikazzjoni tagħhom għall-Għotjiet tal-Manteniment tkun ġiet aċċettata jiġu mitluba jikkonfermaw l-applikazzjoni tagħhom permezz ta’ ijmejl. Hekk kif jikkonfermaw, dawn l-istudenti jidħlu awtomatikament fil-proċess tal-ħlas.
Dan ifisser li dawk l-istudenti li kkonfermaw l-applikazzjoni tagħhom sal-15 ta’ Diċembru 2020, irċevew il-ħlas tal-istipendju għax-xhur ta’ Ottubru u Novembru 2020. Infurmata li dawn kienu jammontaw għal 13,306.
Bejn Ottubru 2020 u Jannar 2021, il-Ministeru għall-Edukazzjoni rċieva ‘l fuq minn 17,193 applikazzjoni għall-Għotjiet ta’ Manteniment.
Sal-15 ta’ Jannar 2021 kien hemm:-
- 15,073 applikazzjonijiet li diġà ġew ikkonfermati;
- 649 student li reġgħet infetħitilhom l-applikazzjoni biex jaġġornaw l-applikazzjoni tagħhom, bħal pereżempju l-isem tal-kors jew in-numru tal-IBAN relatat mal-kont bankarju tagħhom li jkunu indikaw biex fih jirċevu l-Għotjiet tal-Manteniment imma li sal-lum xorta baqgħu ma aġġornawx l-applikazzjoni tagħhom;
- 887 applikazzjoni ma jistgħux jiġu milqugħa minħabba li ma jissodisfawx il-kriterji elenkati fl-Avviż Legali 308 tal-2016;
- 50 applikant irtiraw l-applikazzjoni tagħhom minħabba diversi raġunijiet fosthom li jkunu bdew jattendu f’kors jew istituzzjoni edukattiva oħra jew minħabba raġunijiet ta’ natura personali;
- 367 applikant jonqoshom jipprovdu dokumenti li huma mandatorji li ma tellgħux meta ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom;
- 321 fetħu applikazzjoni imma finalment ma ssottomettewx applikazzjoni kompluta biex tiġi pproċessata.
Dan ifisser li l-għadd ta’ studenti li għadhom ma ħadux l-Għotjiet ta’ Manteniment u li ssottomettew applikazzjoni huwa 367. F’każ li dawn jinstabu eliġibbli skont il-provvediment tal-A.L. 308 tal-2016, dawn se jkunu qed jitħallsu Għotjiet tal-Manteniment dovut lilhom fi Frar li ġej minħabba li dawn l-għotjiet jitħallsu b’lura. B’hekk dawn l-istudenti jkunu qed jitħallsu erba’ stipendji f’daqqa u li jkopru l-attendenza tax-xhur ta’ Ottubru, Novembru, Diċembru u Jannar.
Wara li l-media indipendenti ħarġet rapport dwar telf kbir ta’ aktar minn 11-il miljun mill-AUM, l-hekk msejjħa Università Amerikana ta’ Malta (https://www.independent.com.mt/articles/2020-12-13/local-news/AUM-racks-up-11-2-million-in-losses-in-two-years-6736229393) tista’ l-Ministru tippubblika l-ftehim li hemm bejn il-gvern u l-grupp li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fl-integrità tiegħu u tgħid jekk din l-università hiex konformi ma’ dak il-ftehim?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim, li qed jirreferi għalih, ġie diskuss fil-Parlament fl-14 ta’ Diċembru tal-2015 fejn ukoll tpoġġiet kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra. Għad-dettalji tiegħu jista’ wkoll jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16416.
American University of Malta – kundizzjonijiet u timeline
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16416 u l-American University of Malta tista’ l-Ministru tippubblika r-rapport tal-eżerċizzju ta’ assikurazzjoni esterna tal-kwalità mill-Kummisjoni għall-Edukazzjoni Ogħla (NCFHE) hekk kif stabbilità fil-kundizzjonijiet għal-liċenzja lill-AUM?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
L-eżerċizzju ta’ assikurazzjoni esterna tal-kwalità mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) għadu għaddej. L-Onorevoli interpellant għandu jkun mgħarraf li l-Gvern hu impenjat li jara li l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt mal-AUM ikunu osservati fl-intier tagħhom.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16410 u16099 b’mod sħiħ u d-diversi domandi li saru, inkluż din l-istess domanda, li qed nitlob biex tgħid minn meta ġie fdat bid-dekasteru tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol il-Ministru Bonnici, min kienu dawk il-konsulenti kollha mingħajr ebda esklużjoni, inkluż dawk fuq position of trust, contract of service u contract for service, u li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ministeru tiegħu inkluż is-Segretarju Parlamentari, is-Segretarju Permanenti, id-direttorati u l-bordijiet, kunsilli u awtoritajiet, li spiċċaw mill-kariga u min kienu dawk li bdew, kemm kien ilu Ministru hu? Għal kull wieħed minnhom, jista’ jgħid x’tip ta’ konsulenza/xogħol qed jagħmel? Xi kwalifiċi u esperjenza għandu? X’pakkett finanzjarju, inkluż perkaċċi, ingħata? Kemm-il siegħa mistennija li jaħdmu f’kull każ? Meta bdew, meta spiċċaw u għal-liema tul ta’ żmien ġie mogħti lilhom il-kuntratt? Peress li l-Ministru ta l-impressjoni waqt id-diskors tal-budget li diġà pprovda din l-informazzjoni jista’ ġentilment jindika fejn għamel dan? Tista’ l-Ministru tgħid ukoll minn kemm ilha Ministru x’tibdiliet saru fil-konsulenzi? Min kienu dawk ġodda li bdew u liema kienu dawk li spiċċaw?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli interpellant hu kif muri fit-tabelli li qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Rapport tal-Awditur Ġenerali — nuqqasijiet fl-għoti tal-kuntratti ta’ xogħol tal-bini tal-iskola primarja ta’ Marsaskala
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17838 u r-rapport tal-Awditur Ġenerali u n-nuqqasijiet li sab fl-għoti tal-kuntratti ta’ xogħol tal-bini tal-Iskola Primarja ta’ Marsaskala tista’ l-Ministru tispeċifika liema huma “l-azzjonijiet neċessarji skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-istess rapport” li qed tieħu? Tista’ tgħid jekk hux isir tisħiħ ieħor, lil hinn mir-rapport, biex jiġi assigurat governanza tajba fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-azzjonijiet speċifiċi li qed tieħu l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) huma dawk li tindirizza u timplimenta r-rakkomandazzjoni tar-rapport. B’mod aktar wiesgħa qed jiġu addottati proċeduri standard ta’ operat (SOPs) u jsir tibdil amministrattiv li jassigura li r-regoli ta’ procurement, kif ukoll prinċipji ta’ governanza tajba, jkunu osservati.
Jista’ l-Ministru jagħti l-assigurazzjoni li l-importaturi qed jitħallew jirtiraw il-kunsinni tagħhom mill-Malta Freeport mingħajr il-ħtieġa li jqabdu burdnar u dan kif tippermetti l-liġi?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Kummissarju Speċjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Kummerċ mar-Renju Unit — remunerazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma t-termini ta' referenza tal-Kummissarju Speċjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Kummerċ mar-Renju Unit li nħatar dan l-aħħar u x'remunerazzjoni ser igawdi l-persuna maħtura?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreffieri l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 17777, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f'liema stadju waslu l-preparamenti sabiex jinbena sptar akut f'Għawdex, jekk ġiex identifikat is-sit tiegħu, meta ser jibda x-xogħol fuqu, meta hu previst li jitlesta, kemm hu mistenni li ser jiswa u kemm ser ikollu sodod? Jista' jispeċifika jekk dan l-isptar hux ser jinbena mill-Gvern u x'fondi ser jintużaw għal dan l-iskop?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-gvern qed jagħmel valutazzjoni tal-ftehim attwali mal-Konċessjonarju privat u li aktar informazzjoni ssir pubblika ladarba l-gvern iddiġerixxi b'mod eżawrjenti r-riżultat ta’ din il-valutazzjoni li qed titwettaq.
L-Imdina – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17902 u jgħid:
a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq tal-Imdina, triq b’triq;
b. kemm minn dawn għadhom attivi;
c. quddiem liema proprjetà;
d. għal liema skop huma riservati; u
e. meta saru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Ħ’Attard – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17899 u jgħid:
a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Ħ’Attard, triq b’triq;
b. kemm minn dawn għadhom attivi;
c. quddiem liema proprjetà;
d. għal liema skop huma riservati; u
e. meta saru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17684 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li l-prinċipju ta’ equal work equal pay hu magħruf u peress li Ħaddiema tax-Xatt jaħdmu tali l-pagi u l-kundizzjonijiet ivarjaw u hemm min priviliġġjat u jaħdem mat-TM, hemm min hu casual self-employed, hemm min hu part-time self-employed, hemm min jidħol b’wirt, jista' l-Ministru jgħid x'rimedji qed tieħu l-Job plus biex tara li l-mod kif qed jiġu ingaġġati l-ħaddiema fl-iskema tal-ħidma fil-Port hi konformi ma’:
A) kundizzjonijiet li huma l-istess fuq l-istess lant tax-xogħol;
B) regoli tal-Unjoni Ewropea dwar portijiet;
C) ċertifikazzjoni tal-Ħaddiema tax-Xatt biex jiddaħħlu f’dan l-impjieg hi dik uffiċjali, jiġifieri tal-MCAST?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità għat-Trasport f’Malta ma għandhiex Ħaddiema tax-Xatt impjegati magħha.
Tajjeb li jingħad li bħalissa hemm 380 Ħaddiem tax-Xatt liċenzjati, liema liċenzja tinħareġ mill-Awtorità għat-Trasport f’Malta. Dawn, kif ukoll il-liċenzja, l-kundizzjonijiet u l-ħlas tagħhom abbażi ta’ tariffi stabbiliti, huma regolati bil-liġi u huma kkunsidrati bħala impjegati sui generis bl-imgħallem tagħhom ikun dak it-terminal jew persuna li jqabbadhom sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom.
Dawk il-ħaddiema li qed jissejħu “self-employed/part-time self-employed” ma għandhom l-ebda liċenzja maħruġa mill-Awtorità imma huma għandhom kuntratt għal servizz direttament mal-Malta Dockers Union. It-terminu korrett, skont il-liġi, huwa Ħaddiema tax-Xatt Awżiljarji.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuna li tiddeċiedi li tkompli taħdem sal-65 sena, il-pensjoni tal-irtar tagħha teħodha kollha kemm hi? Hemm varzjani jekk waqt li tkun qed taħdem hi tieħu l-pensjoni jew le? X’inhuma l-vantaġġi eżatt kemm għall-persuna kif ukoll għall-familja tagħha li tibqa’ taħdem sa 65 kemm jekk hi single jew miżżewġa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tinghata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-kmamar tan-nar li għandhom liċenzja li jimmanifatturaw il-piroteknika u l-polvri skont il-Liġi tal-Esplusivi f’Malta u Għawdex? Kemm minnhom ma għandhomx liċenzja biex jimmanifatturaw il-polvri? Liema huma l-kmamar tan-nar li l-liċenzja tagħhom ma ġietx imġedda?
Jista’ jgħid ukoll kemm huma l-kmamar tan-nar li nfetħu ġodda mill-2016?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi f’ Malta u Għawdex hawn sitta u tletin (36) kamra tan-nar illiċenzjati biex jimmanifatturaw il-piroteknika skont il-Liġi tal-Esplussivi. Peress illi fil-liċenzja ma hemmx distinzjoni dwar manifattura ta’ piroteknika jew porvli, kull kamra liċenzjata tista timmanifattura kemm piroteknika kif ukoll porvli. Mis-sena 2016 ma’ kienx hemm kmamar tan-nar li kienu illiċenzjati fis-sena ta’ qabel, u li licenzja tagħhom ma’ ġietx imġedda. Fl-istess perjodu ma’ kienx hemm kmamar tan-nar mibnija mill-ġdid li ġew illiċenzjati . Madankollu f’dan il-perjodu, kien hemm liċenzjar mill-ġdid ta’ tlett kmamar tan-nar, tnejn f’Malta u wahda Għawdex . Tabella ta’ tali kmamar tan-nar qiegħda hawn taħt
Factory
Area
1
St Mary
Ras il-Wied L/o Zebbiegħ
2
St Joseph
Tal-Garda L/o Għaxaq
3
St Mary
Tal-Ħaxun L/o Għaxaq
4
St Mary
Kontrada ta' San Niklaw L/o Qrendi
5
Ta' Lourdes
Wied il-Ħofra L/o Qrendi
6
St Mary
Il-Ramlija L/o Imgarr
7
19th March
Ix-Xagħra tax-Xini L/o Rabat
8
Union
Ħal Saflieni L/o Luqa
9
SM
Ħbula ta' Mejter L/o Burmarrad
10
12th May
Tar-Ramel L/o Zebbuġ
11
St Philip
Tar-Ramel L/o Zebbuġ
12
St George
Sqaq ta' Awzara L/o Qormi
13
St Michael
Kontrada tal-Iklin, L/o Lija
14
St Catherine
Tal-Wardija L/o Zurrieq
15
La Stella
Ta' Razzat L/o Gudja
16
Independence
il-Gwejdija L/o Qrendi
17
Lily
Wied Musa L/o Siggiewi
18
St Nicholas
In-Nadura L/o Siggiewi
19
Mount Carmel
Tal-għerien L/o Zurrieq
20
Madonna Tal-Virtu
Tal-blajjiet L/o Għarb Gozo
21
15th August
It-Telleriet Dwejra L/o Rabat
22
St Joseph
Ħlantun L/o Zurrieq
23
Ta' Lourdes
Tal-Qgħadi L/o Mgħatab
24
St Leonard
ta' Ċirkiez L/o Gudja
25
St Mary
Ta' Kandja L/o Siggiewi
26
St Joseph
Wied Qierda L/o Zebbug
27
San Pawl
Tax-Xini, L/o Rabat
28
Consolation
Ta' Disinni L/o Gudja
29
San Bert
Wied id-dis L/o Għargħur
30
25 ta' Novembru
Kontrada ta' Lambordi L/o Marsaxlokk
31
St Andrew
Ħal Farruġ L/o Qormi
32
St Sebastian
Tal-Ħandaq L/o Qormi
33
St Paul
Ta' Amparell Safi
34
15th August
Tal-Boroz L/o Kerċem Gozo
35
Qalb ta' Gesu
Ta' Garrija L/o Għarab Gozo
36
Tal-Bilbli
Wied Qierda L/o Siggiewi
.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – tender jew direct order lil kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu, tawx tender jew direct order lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Meta ngħataw, ta’ kemm kienu u abbażi ta’ xiex?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika t-talba tiegħu.
Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal – tender jew direct order lil kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu, tawx tender jew direct order lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Meta ngħataw, ta’ kemm kienu u abbażi ta’ xiex?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tinghata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – tender jew direct order lil kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu, tawx tender jew direct order lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Meta ngħataw, ta’ kemm kienu u abbażi ta’ xiex?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika t-talba tiegħu.
Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva – tender jew direct order lil kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu, tawx tender jew direct order lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Meta ngħataw, ta’ kemm kienu u abbażi ta’ xiex?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal-liema perjodu qed jirreferi.