Mezzi ta’ Trasport elettriċi, pubbliċi jew privati
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17708 u jgħid kemm hemm mezzi ta' trasport elettriċi, pubbliċi jew privati, li jiċċirkolaw fit-toroq Maltin sal-jum li fih tiġi mwieġba din id-domanda? Peress li dawn il-mezzi jaħdmu b'mod silenzjuż, jista' jgħid xi prekawzjonijiet ħa jew qed jieħu biex dawn il-mezzi ta' trasport ma jkunux ta' xkiel jew periklu għall-persuni neqsin mid-dawl mexjin fit-triq minħabba li kif inhu ovvju ma jistgħux jisimgħu l-ħoss tagħhom?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa ‘ l-aħħar ta’ Novembru 2020 kien hawn dawn il-mezzi ta’ transport li jaħdmu bl-elettriku.
Għamla
Ammont
Vetturi li jahdmu bl-elettriku
3,099
Muturi li jahdmu bl-eletriku
421
Pedelecs
104
Escooter
182
Moped
811
Vetturi Plug In hybrid
683
Fir-rigward ta’ xi prekawzjonijiet li qegħdin jittieħdu sabiex dawn il-mezzi ta' trasport ma jkunux ta' xkiel jew periklu għall-persuni neqsin mid-dawl waqt li jkunu mexjin fit-triq jiena ninsab infurmat li hemm obbligu fuq il-manifatturi ta’ dawn it-tipi ta’ vetturi li jiġu mgħammra b’ħoss artifiċjali magħruf bħala Acoustic Vehicle Alert Systems (AVAS) u dan sa Lulju 2021. B’dan il-mezz il-vetturi jkunu jridu jagħmlu ħoss meta dawn it-tip ta’ vetturi jkunu qegħdin jinstaqu b’veloċita ta’ anqas min 20 km/h, jew meta tkun qiegħed tirriversja l-vettura.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14059, jista’ l-Ministru jgħid min kien fuq is-selection board u x’kienu s-selection criteria? Jekk ma kienx hemm kriterji ta’ għażla, fuq liema bażi saret l-għażla?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Il-bord tal-għażla maħtur kien kompost miċ-Chief Justice Emeritus Joseph Azzopardi, l-Imħallef Lino Farrugia Sacco u s-Sur Vincent Muscat, Segretarju Permanenti. L-kriterji tal-għażla kienu stabbiliti mill-Bord tal-Għażla maqsuma kif ġej:
Kriterji tal-għażlaIl-massimu tal-marka stabilita għall-kull kriterju:
Related Knowledge15
Relevant Experience15
Additional Qualifications5
Communication Skills15
Organisational Skills15
Teamwork10
Aptitude & Motivation 15
Work Ethics10
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14059, jista’ l-Ministru jgħid min intgħażel bħala Avukat Kap tal-Aġenzija għall-Għajnuna Legali, u meta? Min huwa s-CEO ta’ din l-Aġenzija u meta ntgħażel?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Mis-sejħa maħruġa f’Marzu 2020 ħadd ma kien idoneju li jgħaddi mill-intervisti li saru fid-29 ta’ Lulju 2020 għal din il-kariga w għalhekk l-posizzjoni għadha vakanti. Minn matul ix-xhur tal-bidu tal-pandemija u ċjoe minn April 2020 ‘l hawn, il-proġetti tal-Aġenzija baqgħu għaddejja b’ritmu stabbli bid-direzzjoni tal-uffiċjali anżjani adetti mal-Aġenzija. Fil-fatt l-uffiċini tal-Għajnuna Legali Malta ġew trasferiti fil-binja ġdida mit-3 ta’ Lulju 2020 b’avviż numru 738 maħruġ fil-Gazzetta tal-Gvern u saret l-inawgurazzjoni fl-1 ta’ Diċembru 2020. Proġett inizjattiva oħra li bdiet mill-aħħar t’April 2020 huwa s-servizz tal-assenjar ta’ avukat għall-pariri lill-vittmi ta’ vjolenza domestika – proġett suċċess u filfatt sar MoU ma’ entitajiet oħra dwaru. Fl-aħħar kwart tas-sena inħarġet wkoll is-sejħa tal-avukati u prokuraturi għall-għajnuna legali li n-nomina tagħhom bdiet mill-1 ta’ Jannar 2021.
Intant ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għal din il-pożizzjoni ser terġa tinħareġ fil-ġimgħat li ġejjin.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14059, jista’ l-Ministru jgħid min kien qed jeżerċita d-dmirijiet ta’ Avukat Kap u CEO tal-Aġenzija għall-Għajnuna Legali fil-frattemp sakemm saret l-għażla ta’ Avukat Kap/CEO fl-2020? Xi ħlasijiet saru lil persuna/i li imlew dan il-post fl-2020 sakemm saret l-għażla finali?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li preżentament l-amministrazzjoni tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali qed titmexxa mill-uffiċjali addetti magħha fil-karigi rispettivi tagħhom, u ma jsiru ebda ħlasijiet aktar mill-pagi dovuti lilhom, taħt is-superviżjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja. L-aspett legali, fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Aġenzija, qed jitmexxa bl-assistenza tal-Avukati tal-Għajnuna Legali fuq il-lista uffiċjali u jitħallsu remunerazzjoni li bejnithom hija ekwivalenti ta’ paga ta’ Avukat Kap u cioe:
Tip ta’ xogħol legali
Remunerazzjoni fix-xahar
Numru ta’ Persuni appuntati
Għall-ġurijiet, patteġjamenti, laqgħat mal-klijenti, kull kitba ta’ atti legali, rappreżentanza u sottomissjonijiet orali fil-Qorti.
€1,000
1
Appelli Kriminali: laqgħat mal-klijenti, kitba tal-appelli u kitba t’atti legali kollha u rappreżentanza fil-Qorti u assistenza lill-avukat tal-għajnuna legali li jirrapreżenta klijenti fil-ġurijiet.
€800
2
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14059, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ħlasijiet kollha li għamlet l-Aġenzija għall-Għajnuna Legali bejn l-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li r-rummerazzjonijiet li tħallsu t -22 avukat tal-għajnuna legali għas-sena 2020 jammontaw għal €167,600.
Avukati – assistenza lill-vittmi ta’ vjolenza domestika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif intgħażlu l-avukati biex jassistu l-vittmi ta’ vjolenza domestika u kemm huwa ħlas tagħhom? Kemm kien il-ħlas lilhom fl-2020?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
It-tliet (3) avukati tal-għajnuna legali biex jassistu l-vittmi ta’ vjolenza domestika ġew appuntati mill-24 t’April 2020, a tenur ta’ Artikolu 89 tal-Kap 12 tal-Liġijiet ta’ Malta. Huma jitħallsu €650 fix-xahar għax-xogħol ta’ pariri kollha li jgħatu lill-vittmi assenjati lilhom.
Peress li l-Ministru fil-ftuħ tal-Uffiċċju tal-Aġenzija għall-Għajnuna Legali qal li sar investiment ta’ €1.4 miljun, jistax ġentilment jagħti spjegazzjoni dettaljata fuq xiex intefqu dawn il-flus?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din ċ-ċifra tinkludi l- kera għall-post minn fejn tiffunzjona l-għajnuna Legali fuq medda ta’ għaxar snin, l-pagi tal-impjegati fl-Aġenzija u rimunerazzjoni tal-Avukati tal-għajnuna legali u prokuraturi legali appuntanti, għamara ġdida għall-uffiċini ġodda kif ukoll spejjeż rikorrenti essenzjali għall-funzjoni tal-Aġenzija.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17221 u tgħid kemm ġew approvati proġetti f'Għawdex minn Malta Enterprise fl-2017, 2018 u 2019 u kemm hi l-ispiża kapitali proġettata ta' dawn il-proġetti u n-numru ta' impjiegi proġettati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise approvat 43 proġett li jinkludu total ta’ 187 f’impjiegi ġodda b’valur ta’ €7,166,117 f’investimenti, proġetti ġodda u espansjonijiet f’Għawdex mill-2016 sal-2020*. Fl-istess perjodu ġew approvati wkoll 1,281 proġett taħt l-iskema Micro-Invest b’valur ta’ investimenti f’Għawdex ta’ €11,326,441.
* Informazzjoni proviżjonali sa Q3 tal-2020.
Reċipjenti ta’ ilma għall-annimali li jgħixu barra
Question
Jista' l-Ministeru jara li f'postijiet pubbliċi madwar il-gżejjer Maltin ikun hemm biżżejjed reċipjenti għall-ilma għall-annimali li jgħixu barra bħalma fil-passat kien ikun hemm barra l-Għases tal-Pulizija sabiex l-ebda annimal ma jsoffri l-għatx?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull Kunsill Lokali għandu Kunsillier responsabbli għall-Ħarsien tal-Annimali u għalhekk ser inkunu qed nissoliċitaw lid-Dipartiment responsabbli mill-Kunsilli Lokali sabiex isegwi dan.
In-Nadur Għawdex – Triq l-Imġarr – studju u testijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16951 u ċjoè: B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Ministeru għal Għawdex fit-18 ta' April 2019 fi Triq l-Imġarr fin-Nadur Għawdex, tenut kont tal-fatt li f'din il-konferenza kien hemm preżenti fost l-oħrajn l-ex Ministru għal Għawdex, nies tekniċi mill-Ministeru għal Għawdex kif ukoll il-perit/Geotechnical Engineer li tqabbdu flimkien ma' esperti barranin biex jagħmlu l-istudji u testijiet meħtieġa bħala testijiet fuq il-kwalità tat-tafal u testijiet oħra u jħejju l-pjanti u d-disinni meħtieġa ta' xogħol li hemm bżonn issir f'din it-triq, jista' l-Ministru jgħid x'ħejjew dawn in-nies (pjanti/disinni) li kienu preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha, kif ukoll id-dati meta tħejjew dawn l-istudji/pjanti/disinni tax-xogħol li għandu jsir f'din it-triq? Jista’ jgħid kemm tħallsu dawn id-ditti u n-nies tekniċi kemm barranin kif ukoll lokali? Jista’ jikkonferma jekk il-Ministeru għal Għawdex għadux juża s-servizzi ta’ dawn id-ditti u n-nies tekniċi kemm barranin kif ukoll lokali u jekk hux qiegħed juża l-pjanti u disinni tagħhom fuq dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn in-nies tekniċi tħallsu € 49,451.50 (Vat eskluż).
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16950 u jgħid kemm, f'liema lokalitajiet ġewwa Għawdex, jagħti l-isem tat-triq u kemm kien it-tul u wisa’ fejn saru 'Farm Roads' bil-konkos mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2020 biex jitjieb l-aċċess għall-bdiewa u għan-nies li jiffrekwentaw dawn it-toroq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-sena 2020 saru sitt farm roads. Dawn huma Ħondoq ir-Rummien fil-Qala b’tul ta’ 24.3 metru u wisa ta’ żewġ metri, Ħabel it-Twil fiż-Żebbuġ b’tul ta’ 221 metru u wisa ta’ tmien metri, Ta’ Kanġla l-Għasri b’tul ta’ 32 metru u erba’ metri wisa, Triq il-Kunċizzjoni l-Qala b’tul ta’ 72.2 metru u tlett metri wisa, Għajn Abdun Kerċem b’tul ta’ 210 metru u sitt metri wisa u Triq il-Buskett fin-Nadur b’tul ta’ 212 metru u wisa ta’ 4.5 metri.
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema taħt il-Community Scheme Workers
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16997 u jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema tal-Iskema (Community Scheme Workers) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid taħt liema Direttorat jiffurmaw parti dawn il-ħaddiema, kif ukoll jgħid x'inhu xogħolhom, kif ukoll jgħid x'korsijiet sarulhom sa issa lil dawn il-ħaddiema u x'korsijiet hemm ippjanati li jsirilhom matul is-sena 2021 mill-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Proġetti u programmi/inizjattivi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16776 u jagħti dettalji dwar il-proġetti u programmi/inizjattivi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom jew għadhom għaddejjin? Jista' jagħti l-valur totali, għal kull proġett jew programm/inizjattiva, ta’ kemm se jiġi jiswa u kemm minnu hu kofinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid meta hu maħsub (xahar u sena) li jispiċċa kull proġett jew programm/inizjattiva?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill Onor. Interpellant sabiex jirreffieri l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Triq li mir-Rabat twassal għall-Bajja ta’ Marsalforn – xogħol
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16536 li ngħatat fit-28 ta' Ottubru 2020 rigward meta ser jibda x-xogħol ta' bini mill-ġdid tat-triq li mir-Rabat twassal għall-Bajja ta’ Marsalforn fejn ingħad fit-tweġiba 'li x-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin' jista’ l-Ministru jgħid kif għaddew iktar min xahrejn u bdiet sena ġdida u fuq din l-imsemmija triq għadu ma nbeda ebda xogħol infrastrutturali fuqha?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar ġimgħat beda x-xogħol preparatorju ta’ kif ser isiru l-fazijiet ta’ din it-triq sabiex l-impatt fuq ir-residenti ikun minimu kif ukoll pjan ta’ traffic management. Fi Frar ser jibda l-mobilization tal-makkinarju fuq il-post sabiex sussegwement jibdew ix-xogħlijiet.
Marsalforn – Triq il-Qbajjar – problema ta’ drenaġġ
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta ser isolvi b'mod permanenti l-problema ta' drenaġġ jew ilma maħmuġ u jinten li qed jiskula u ilu jiskula għal żmien twil, fi Triq il-Qbajjar ġewwa Marsalforn b'inkonvenjent qawwi għar-residenti u l-pubbliku? Tista' tispjega wkoll meta din l-istess triq ser titnaddaf mill-ħmieġ ta' kull xorta li fiha, mhux lanqas mill-ħafna żrar u trabijiet li jirriżultaw minn patching mhux adekwat kaġun ta' dan id-drenaġġ jew ilma maħmuġ u jinten li qed jiskula?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-iskular mhux joriġina mill-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li hemm fil-madwar. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadmet u kkolaborat diversi drabi ma’ entitajiet oħra fejn qatt ma nstab li dan kien ġej minn xi sistema tal-Korporazzjoni.
Il-patching tat-triq ma jaqax taħt ir-responsabbilta tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il immigrant irregolari ġie ripatrijat tul is-sena li għaddiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi matul l-2020, minkejja diversi sfidi relatati mal-COVID-19 u l-għeluq tal-ajruporti, kien hemm total ta’ 381 persuna li ġew ripatrijati bi proċeduri stabbiliti.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il immigrant irregolari ġie rilokat is-sena li għaddiet u lejn liema pajjiżi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi matul l-2020 Membri Stati oħra kkommettew ruħhom li jirrilokaw 497 immigrant minn Malta li daħlu rregolarment bid-dgħajsa. Minkejja diversi sfidi relatati mal-COVID-19 u l-għeluq tal-ajruporti, sal-aħħar tas-sena ġew rilokati 273 immigrant. Dawn l-immigranti ġew rilokati lejn Franza (106), Ġermanja (125), Portugal (6), Lussemburgu (7), Finlandja (25) u Rumanija (4). It-trasferimenti ta’ dawn il-persuni ser jitkomplew fl-2021.