Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal — Bordijiet - attendenza ta' membri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17524 u jagħti rendikont tal-attendenzi tal-membri fil-laqgħat ta' kull bord li huwa taħt ir-responsabilità tiegħu matul din il-leġiżlatura?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tinghata f’seduta oħra.

Enemalta — Każijiet li rċeviet minħabba ħsarat bil-qtugħ tal-provvista ta' dawl

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17658 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17507, tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa tal-Enemalta f'kumpens lil min ressaq każ kawża ta' ħsarat fil-provvista tad-dawl xahar b'xahar mis-sena 2017? Kemm hi t-talba pendenti li għandha bħalissa quddiemha l-Enemalta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinstab fit-tabella t’isfel. L-informazzjoni fuq it-talbiet pendenti ma tistax tingħata peress li għadhom qed jiġu proċessati. SENA TOTAL 2017 €49,224.14 2018 €25,059.56 2019 €30,135.32 2020 €55,342.36 Il-proċess li jieħu biex jinħadem claim ivarja minn kaz għal ieħor, u dan jiddependi fuq diversi fatturi, fosthom id-dewmien li jkun hemm biex l-applikant jipprovdi l-evidenza mitluba minnu. Eżempju claim li jitħallas fis-sena 2020 ma jfissirx li jkun ġie sottomess fl-istess sena.

Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija — Bordijiet - Attendenza ta' Membri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17720 u 17511 u jagħti rendikont tal-attendenzi tal-membri fil-laqgħat ta' kull bord li huwa taħt ir-responsabilità tiegħu matul din il-leġiżlatura?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Fondi Ewropej jagħmlux parti mill-Ministeru tiegħu u jekk le, x’inhi r-raġuni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond iċ-ċirkulari nru. 21/2020 maħruġa fi 10 ta’ Diċembru, il-Fondi Ewropej jaqgħu taħt l-uffiċju tal-Prim Ministru. Ir-raġuni għal dan hija propju l-kontenut taċ-ċirkulari msemmija.
Leg 13 PQ #17915 Sitting 417 2021-01-19 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — safar, fuel u hospitality - nefqa

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15755, 16332 u 12264 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12089, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għas-safar, fuel u hospitality f'kull Dipartiment, uffiċċju, Awtorità u entitajiet oħra kwalunkwe li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, minn Jannar 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #17916 Sitting 417 2021-01-19 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Chairpersons ta' Bordijiet - spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17460 u jelenka l-ispejjeż tas-safar, mowbajls u fjuwil, miċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħtu minn mindu ġew maħtura?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija – Chairpersons ta’ Bordijiet — spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17461 u jelenka l-ispejjeż tas-safar, mowbajls u fjuwil, miċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħtu minn mindu ġew maħtura?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #17918 Sitting 417 2021-01-19 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — safar, fuel u hospitality - nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17579, 13667 u 12291 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12102, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għas-safar, fuel u hospitality f’kull Dipartiment, Awtorità jew fil-Ministeru stess minn Jannar 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Applikanti – lista ta’ stennija tal-housing

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15731 u 17581 u ċjoè: Skont dak li ġie rappurtat f’paġna 7 tar-Rapport Annwali tal-Awtorità tad-Djar 2019, fejn inqatgħu ftit inqas minn 500 applikant mil-lista ta’ stennija għall-post ta’ housing, jista’ l-Ministru jgħid mil-liema kategorija ġejjin dawn l-applikanti, kategorija b’kategorija? Fuq liema kriterju tnaqqsu dawn l-applikanti? Dawn ma kellhomx bżonn alternattiv?

Response (GALDES, RODERICK)

L-informazzjoni mitluba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Birżebbuġa — Triq San Ġorġ - Water culverts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk culverts li qed isiru fi Triq San Ġorġ Birżebbuġa biex tissolva l-problema li jitla’ l-baħar fit-triq, hux fil-fatt ser isolvu din il-problema jew le peress li l-invert levels (il-qiegħ) tal-culverts ser ikun l-istess għoli tal-livell tal-baħar bil-konsegwenza li meta jkun hemm il-frugħ (tide) dawn il-water culverts ser ikunu mimlija bl-ilma baħar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat li kemm il-culverts kif ukoll il-livelli ġodda tat-triq ġew iddisnjati biex meta jkun hemm il-frugħ, l-ilma baħar ma jfurx fit-triq.

Għammieri — xogħlijiet - spiża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża biex saru x-xogħlijiet fil-Blokk A l-Għammieri, u għaliex dan l-uffiċċju għadu ma ġiex okkupat?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-lum ix-xogħolijiet li saru fuq Blokk A fl-Għammieri kienu dawk strutturali b’mod partikolari tibdil ta’ soqfa kkundannati. Dan ix-xogħol ammonta għal EUR 90,410,40 VAT eskluż u bħalissa jinsab fil-fażi finali tiegħu. La darba jintemm ix-xogħol u l-binja tiġi ċċertifikata bħala konformi mal-istandards, jitkompla x-xogħol intern u x-xiri tal-għamara.

Imqabba — xogħol ta' pavimentar

Question

Peress li ġejt avviċinat minn bosta residenti Mqabbin li x-xogħol ta' pavimentar fil-pjazza tal-istess raħal hemm partijiet minnu li diġà għandu l-madum jiċċaqlaq b'mod speċjali bejn Triq San Bażilju u Triq Santa Katerina, jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħol riparatorju ser isir u meta ser isir dan ix-xogħol riparatorju? Jista' jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol ta' pavimentar u xogħlijiet oħra anċillari li saru fil-pjazza tal-Mqabba u t-toroq tal-madwar u jekk dan ix-xogħol hux kopert b'performance guarantee u għal kemm tul hija valida din il-garanzija?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li hemm madum tal-lava li jeħtieġ li jerġa’ jitpoġġa fis-sit imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kif ukoll fl-inħawi tal-“pedestrian crossing” li hemm bejn Triq il-Madonna tal-Ġilju u Triq Santa Katarina. Ix-xogħol riparatorju meħtieġ f’dawn il-partijiet tal-proġett ser isiru mill-kuntrattur, għas-spejjeż tiegħu, fil-ġranet li gejjin. Il-valur tal-kuntratt għal dan il-proġett kien ta’ 1,782,226.70 Euros (eskluż VAT). Ix -xogħol għadu mhux iċċertifikat kollu minħabba l-imsemmija snags, u l-valur finali tax-xogħol qed jiġi stabbilit bħalissa bit-tħejjija tal-Final Account tal-proġett. Iva, il-kuntratt hu kopert b’Performance Guarantee (10% tal-valur tal-kuntratt). Din il-garanzija tkun irrilaxxata sa mhux aktar tard minn 30 ġurnata mill-ħruġ tal- Provisional Acceptance Certificate għal dan il-proġett, u f’dak l-istadju tidħol fis-seħħ iż-żamma ta’ 5% Retention Monies tal-valur tal-proġett, li jinżammu għal tul ta’ sentejn sakemm jinħareġ il-Final Acceptance Certificate.

Burmarrad — Cycle Lane

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li cycle lanes li kien hemm, hekk kif titla' minn Burmarrad tneħħew u minflok saret linja bajda biex tgħaddi b'rota u li l-ispazju mill-bankina sa din il-linja mhux ta' aktar min 75 ċentimetri, minbarra l-fatt li f'dan li spazju hemm diversi spralli b'periklu għal dawk kollha li jippruvaw jgħaddu bir-rota minn dan l-ispazju? Xi standards ġew applikati biex saret din is-'cycle lane' ġdida, jekk fil-fatt din tista' tiġi ikkunsidrata bhala 'cycle lane'?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan prinċipali ta’ dan l-investiment ta’ €3.5 miljun minn Infrastructure Malta huwa li jnaqqas ir-riskji t’aċċidenti tul din it-triq ta’ 2.5 kilometri u l-konnessjonijiet tagħha ma’ toroq arterjali, residenzjali u rurali fil-viċin. F’diversi partijiet mit-triq u fejn jaqsmu toroq oħrajn minn ġo fiha spiss kienu jseħħu aċċidenti u tul is-snin ġraw diversi ħabtiet li kelllhom konsegwenzi serji, l-iżjed minħabba nuqqas ta’ miżuri li jiskoraġġixxu s-sewqan eċċessiv u li vettura taqbeż oħra. Filwaqt li l-proġett ma kienx jinkludi twessigħ tat-triq biex isiru korsiji ġodda għall-vetturi, il-junctions kollha tul din ir-rotta nbnew mill-ġdid b’disinn għal aktar sigurezza. Għal dan il-għan, il-proġett jinkludi l-iżvilupp ta’ diversi miżuri ta’ sigurezza fl-ispazju eżistenti tat-triq, bħalma huma crash barriers ġodda bejn il-korsiji f’direzzjonijiet opposti. Qabel it-triq ma kien fiha xejn biex jiġu evitati ħabtiet frontali bejn karozzi li jkunu ġejjin kontra xulxin. L-aġenzija għamlet crash barriers tal-konkos li huma ddisinjati apposta biex inaqqsu r-riskji li vettura tinqaleb jew li jseħħu ħabtiet frontali, u b’hekk jonqsu r-riskji ta’ ferimenti gravi u konsegwenzi oħra. Din is-sistema ta’ crash barriers ċertifikati bil-marka CE intużaw l-ewwel darba fi proġetti oħrajn li saru minn Infrastructure Malta fl-2019. Infrastructure Malta ifformat ukoll roundabout ġdida għal konnessjonijiet aktar siguri ma’ Triq Tal-Ħmieri u Triq Għajn Rihana biex tiffaċilita l-aċċess b’mod aktar sigur anke lejn inħawi rurali fil-viċin. Minbarra li tiffaċilita b’aktar sigurezza l-konnessjonijiet mat-toroq li jmissu magħha, billi issa hemm il-crash barriers li ma jippermettux li vetturi jaqsmu minn naħa għal oħra tat-triq, ir-roundabout qed tgħin ukoll biex tagħti aċċess aħjar għad-djar, negozji, postijiet tax-xogħol, art agrikola u postijiet oħra li hemm matul l-istess triq. Fl-istess ħin, ir-roundabout innifisha sservi wkoll bħala miżura oħra li tkompli trażżan sewqan eċċessiv mill-vetturi meta jkunu qed joqorbu lejn dan is-salib it-toroq. Il-proġett kollu kien iddisnjat skont speċifikazzjonijiet internazzjonali u jekk dawk li jkunu għaddejjin minn din it-triq isegwu d-direzzjonijiet tat-tabelli u jsuqu skont ir-regolamenti applikabbli, allura kif ġiet it-triq issa jkunu qed jiżguraw li jkollhom ferm inqas riskju ta’ xi ħabta jew aċċidenti oħra. Ir-roundabout innifisha għandha wkoll diversi miżuri ta’ sigurezza. Fil-fatt, qabel ma toqrob lejn ir-roundabout saru tabelli, sinjali mmarkati fuq l-asfalt, kif ukoll strippi ta’ tumbati baxxi (magħrufin bħala rumble strips) biex iġiegħlu lis-sewwieqa jindunaw li għandhom inaqqsu l-veloċità. Diversi partijiet minn din ir-rotta nksew ukoll b’materjal ta’ frizzjoni għolja (high friction) biex ikompli jnaqqas ir-riskji tal-iskiddjar, u b’hekk it-triq tkun aktar sigura anke għal vetturi kbar. B’hekk, illum it-triq hija ferm aktar sigura milli kienet sa ftit ġimgħat ilu, qabel beda dan il-proġett. Infrastructure Malta talbet lill-kuntrattur sabiex il-linja tal-ġenb tat-triq titneħħa u minflok terġa’ ssir is-cycle lane bħalma kien hemm qabel.

Imqabba — ġibjuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ġibjun li għadu kemm inbena fl-Imqabba ġiex jitlef l-ilma tax-xita li jinġabar ġo fih? Jekk dan ġie jitlef l-ilma, jista’ jgħid jekk ittieħdux il-prekawzjonijiet kollha biex ma tkunx imniġġża l-water table bl-ilma li jipperkola minn dan il-ġibjun għal ġol-blat? X'sistema ta' 'water filtering' ġiet adottata? Jista' jgħid kemm ġie jiswa dan il-proġett?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-ġibjun inbena bħala 'soakaway' biex jippermetti li l-ilma jkun jista’ jipperkola ‘l isfel fis-saffi tal-blat. Il-blat fil-post huwa tipikament intatt u ftit li xejn fih ‘fissures’, u għalhekk saru diversi 'boreholes' fil-qiegħ tal-ġibjun. Il-fond tal-'boreholes' huwa bejn wieħed u ieħor terz tad-distanza bejn il-livell tal-qiegħ tal-ġibjun u l-livell tal-water table, skont ir-rakkomandazzjoni mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi. Dan isir apposta biex tassigura filtrazzjoni adegwata u biex l-ilma li jasal fil-water table jkun ippurifikat. Barra minn hekk, il-ġibjun ser jimtela b'sistema ta' ġbir tal-ilma tax-xita diġà installata f'diversi toroq ġewwa l-Imqabba, li jibdew minn ħdejn il-Knisja Parrokjali. Din is-sistema hija magħmula minn 'gutters' u 'manholes' fejn l-ilma jibda jiġi ffiltrat permezz ta' sumps qabel ikompli ġol-pipijiet u finalment ġol-ġibjun. Hekk kif l-ilma jidħol ġol-ġibjun f'żewġ punti differenti, ser ikun qed jgħaddi minn 'sump' kbir biex jinġabar iktar ħmieġ li seta’ inqabad mal-ilma tax-xita miġbur. Finalment, il-'boreholes' għandhom forma ta 'sump' ieħor mimli żrar imħallat ta' qisien differenti u protett b' 'geotextile' biex jassigura li jekk xi ħmieġ ma jinqabadx fl-ewwel u t-tieni stadju ta' filtrazzjoni, dan ma jibqax sejjer fil-'boreholes'. Dan huwa metodu ta' konstruzzjoni ta’ kif l-ilma tax-xita jiġi ffiltratt u jintuża biex iżid l-ilma tal-pjan. Din is-sistema tintuża f'diversi pajjiżi barra minn Malta u hija waħda mill-miżuri tal-metodi sostenibbli għall-ġbir tal-ilma tax-xita (Sustainable Urban Drainage System). Huwa maħsub ukoll li parti mill-ilma li jinġabar f’dan il-ġibjun ser jintuża mill-bdiewa tal-inħawi għat-tisqija tal-għelieqi tagħhom. Fil-fatt ser tiġi installata sistema ta’ pompa u pajpijiet biex l-imsemmija bdiewa jkollhom aċċess għal dan l-ilma. L-arranġament biex il-bdiewa jkollhom dan l-aċċess ser jiġi kkordinat mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba. Il-valur tal-kuntratt li ngħata biex jinbena dan il-ġibjun hu ta’ 1,502,748.13 Euros (eskluż VAT). Ix-xogħol għadu għaddej u l-valur finali tal-progett jiġi stabbilit meta jitlesta x-xogħol kollu.

Parkeġġ ta' ħdejn il-Freeport — sular għar-residenti ta' Birżebbuġa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-parkeġġ ta' maġenb il-Freeport, li żewġ sulari minnu ser ikunu jistgħu jintużaw mill-pubbliku, jistax ikollu sular minnhom riservat għar-residenti ta' Birżebbuġa bla ħlas?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #17968 Sitting 417 2021-01-19 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Bankini f’Għawdex – Access For All Guidelines

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm jistma li hu l-persentaġġ ta' bankini f'Għawdex li jissodisfaw totalment l-Access For All Guidelines? Jista' jagħti wkoll persentaġġ għal kull lokalità f'Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex ikun aktar speċifiku fid-domanda tiegħu.

Kunsill Lokali tax-Xagħra Għawdex – impjegati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm għandu ħaddiema impjegati jew assenjati miegħu l-Kunsill Lokali tax-Xagħra Għawdex? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn il-ħaddiema jitħallsu direttament mill-Kunsill? F'każ li hemm ħaddiema li ma jitħallsux mill-Kunsill, jista' jgħid min iħallashom?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li l-Kunsill għandu tmien (8) ħaddiema assenjati miegħu mill-Community Workers Scheme Enterprise Foundation. Dawn il-ħaddiema jitħallsu mill-imsemmija fondazzjoni.

Kunsill Lokali tax-Xagħra Għawdex – implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament meta l-Kunsill Lokali tax-Xagħra Għawdex ser iwettaq u jimplimenta dawn id-deċiżjonijiet: 1) Master Plan għaż-żona ta' Pjazza l-Vittorja u t-toroq tal-madwar kif ilu mwiegħed snin; 2) Binja ġdida għall-Kunsill, moderna u aċċessibbli, li tinkorpora fiha għassa, berġa u toilets pubbliċi kif ilu mwiegħed snin; 3) Isewwi jew jinstalla mill-ġdid il-funtana fil-ġnien tal-mitħna fi Triq il-Mitħna u li ilha snin ma taħdimx?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra illi:- 1) Il-kumpanija EMDP li ġiet awarded l-offerta ( tender ) għal dan il- masterplan qed tagħmel konsultazzjonijiet mal-entitajiet konċernati u ser isiru żewġ sezzjonijiet ta' konsultazzjoni pubbliċi mar-residenti nhar is-Sibt 30 ta' Jannar 2021. 2) Il-Kunsill Lokali tax-Xagħra applika għall-permessi neċessarji mal-Awtorità tal-Ippjanar. Skont policies tal-Awtorità, id-deċiżjoni dwar tali permess għandha tingħata sat-8 ta' Marzu 2021. Sadanittant, il-Kunsill Lokali tax-Xagħra qiegħed f'diskussjonijiet mal-Ministeru għal Għawdex dwar il-possibilità li dan il-proġett jiġi ffinanzjat mill-istess Ministeru. 3) Il-Kunsill Lokali tax-Xagħra talab stima għal xogħol ta’ tiswija tal-funtana, liema stima ser tiġi diskussa fil-laqgħa tax-xahar ta' Frar.

Kunsill Lokali tax-Xagħra Għawdex — kenniesa

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm hemm kenniesa jaħdmu fi ħdan il-Kunsill Lokali tax-Xagħra Għawdex u kif wkoll ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda tal-knis u t-tindif li din il-lokalità ssegwi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li x-xogħol ta' knis fit-toroq fil-lokalità jsir minn sitt (6) ħaddiema assenjati mal-Kunsill mill-Community Workers Scheme Enterprise Foundation u minn żewġ kuntratturi mqabbda mill-istess Kunsill, wieħed biex jieħu ħsieb l-area ta' Pjazza l-Vitorja u l-ieħor biex jieħu ħsieb l-areas ta' Triq Sant' Anton, Triq Sruġ u Triq Kortoll.

Kunsilli Lokali f’Għawdex – bankini skond l-Access For All Guidelines

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm-il-bankina għamel kull Kunsill Lokali f'Għawdex tul is-sena 2020? Kemm minn dawn il-bankini saru skont l-Access For All Guidelines? Jekk hemm bankini li ma sarux skont dawn il-guidelines, jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.