Legislature:
Category:
Reset
Active:

Immigranti Illegali f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm waslu immigranti illegali f'pajjiżna, sena b'sena mill-2010 'l hawn? Kemm minnhom ġew ripatrijati lejn il-pajjiż tal-oriġini u kemm minnhom ġew rilokati f'pajjiżi oħra sena b'sena fl-istess perjodu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
Leg 13 PQ #18330 Sitting 420 2021-01-26 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Sports Complex – għamara u attrezzatura sportiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'sar mill-għamara u l-attrezzatura sportiva kollha li kien hemm fil-Gozo Sports Complex qabel dan twaqqa’? Jista' jassigura lill-Kamra li l-għamara u l-attrezzatura kollha ġiet salvata qabel mal-bini twaqqa'?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-għamara u t-tagħmir kollu sportiv tmexxa fis-sular t’isfel tal-iskola Sir Mikelang Refalo li bħalissa qed jintuża bħala swali sportivi. Apparat ieħor ta’ ċertu daqs ġie miġbur fil-Korsa tax-Xhajma.

L-Imdina – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18169 u 17902 u jgħid: a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq tal-Imdina, triq b’triq; b. kemm minn dawn għadhom attivi; c. quddiem liema proprjetà; d. għal liema skop huma riservati; u e. meta saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar minħabba li tirrikjedi ammont kbir ta’ xogħol.

Ħ’Attard – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17899 u 18170 u jgħid: a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Ħ’Attard, triq b’triq; b. kemm minn dawn għadhom attivi; c. quddiem liema proprjetà; d. għal liema skop huma riservati; u e. meta saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar minħabba li tirrikjedi ammont kbir ta’ xogħol.
Leg 13 PQ #18360 Sitting 420 2021-01-26 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

MFSA — persuni li kellhom poteri li jikkanċellaw liċenzji

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18223, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-erba’ membri l-oħra tal-Kumitat Eżekuttiv fi ħdan l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) li flimkien mad-Direttur Eżekuttiv jieħdu d-deċiżjonijiet li jikkanċellaw liċenzja jew li jiġġudikaw persuni bħala fit and proper? X’inhuma l-karigi li jokkupaw dawn il-persuni fi ħdan l-Awtorità?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #18361 Sitting 420 2021-01-26 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

MFSA – Kumitat Eżekuttiv li jieħu deċiżjonijiet dwar kanċellazzjoni ta’ liċenzji – kunflitt ta’ interess

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn u meta l-Kumitat Eżekuttiv fi ħdan l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) meta jieħu deċiżjoni dwar kanċellazjoni ta' liċenzji u dwar jekk persuna hijiex fit and proper, jiddikjaraw jekk għandhomx kunflitt ta' interess fid-dmirijiet tagħhom? Kif jiġi assigurat li tali kunflitt ta' interess ma jeżistix?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 18226.
Leg 13 PQ #18362 Sitting 420 2021-01-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – nefqa globali fuq l-overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali fuq overtime f’kull Diviżjoni, Dipartiment, Awtorità jew fil-Ministeru stess mill-1 ta' Jannar 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda, maqsuma xahar xahar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #18363 Sitting 420 2021-01-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġetti u programmi/inizjattivi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18106 u 16776 li oriġinarjament saru lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u issa ġiet riferuta lilu u jagħti dettalji dwar il-proġetti u programmi/inizjattivi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea ġewwa Malta u Għawdex separatament li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom jew għadhom għaddejjin? Jista' jagħti l-valur totali, għal kull proġett jew programm/inizjattiva, ta’ kemm se jiġi jiswa u kemm minnu hu kofinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid meta hu maħsub (xahar u sena) li jispiċċa kull proġett jew programm/inizjattiva?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

MCCAA – investigazzjoni dwar l-aġir tal-HSBC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur)fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) tistax tinvestiga jekk l-aġir tal-HSBC fejn pensjonanti qed jintalbu jiddepożitaw €1,200 fi żmien tliet xhur jew inkella jinkorru tariffa ta’ ħames euros fix-xahar tikkonstitwix unfair commercial practice taħt l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur Kap. 378?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttur Ġenerali jinvestiga kull unfair commercial practice taħt l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378). L-aġir tal-HSBC imsemmi f’din il-mistoqsija parlamentari ma jikkonstitwix ksur taħt l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378).
Leg 13 PQ #18365 Sitting 420 2021-01-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija Għawdex – proġett għal SME Hub

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett propost fid-diversi baġits passati għal SME Hub ġewwa x-Xewkija Għawdex u jgħid liema hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2021 għal dan l-imsemmi proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onoroevoli Interpellant li fil-preżent għadhom għaddejjin diskussjonijiet mal-Awtorita’ tal-Ippjanar. Il-Vot li jirrigwarda lil dan il-proġett hu 7370.

Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data – passi kontra entitajiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-2020 s’issa jekk kienx hemm xi istanzi fejn il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data ħa passi kontra xi entità pubblika minħabba ksur ta’ xi regoli dwar il-ħarsien tad-data? Jekk kien hemm, jista’ jgħid fil-front ta’ liema entitajiet pubbliċi u x’kienu l-passi li ttieħdu?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data (Kap. 586 tal-Liġijiet ta’ Malta) ma jobbligax lill-Kummissarju sabiex jippubblika d-deċiżjonijiet li jkun ħa, b’mod partikolari, li jiżvela l-ismijiet tal-kontrolluri tad-data, sia jekk dawn ikunu kumpaniji privati u sia jekk ikunu entitajiet pubbliċi. Madankollu, minn Jannar tal-2020, l-Uffiċċju tal-Kummissarju beda jippubblika ċerta informazzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jittieħdu kemm fil-każijiet ta’ ilmenti mressqa minn suġġetti tad- data u kif ukoll f’każijiet fejn il-kontrolluri stess jinnotifikaw lill-Kummissarju li jkun hemm ksur ta’ data personali. Din l-informazzjoni tinsab disponibbli fuq dan il- hyperlink : https://idpc.org.mt/decisions/ (kopja tal-iscreenshot qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra). Mill-istatistika miġbura mill-Uffiċċju tal-Kummissarju, minn Jannar 2020 sa llum, il-Kummissarju rċieva total ta’ 480 ilment li huma meqjusa bħala ammissibbli minn suġġetti ta’ data ai termini tal-artikolu 77(1) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), u minn dawn l-ilmenti, 35 minnhom saru kontra entitajiet pubbliċi. Fir-rigward ta’ notifiki li saru mill-kontrolluri tad- data skont l-obbligu tagħhom li jemerġi mill-artikolu 33 tar-Regolament, il-Kummissarju rċieva 101 notifika, u li 18 minnhom saru minn entitajiet pubbliċi. Illi a bażi tal-investigazzjoni kondotta mill-Kummissarju, jekk jirriżulta li l-ipproċessar ta’ data personali jikser il-provvedimenti tal-GDPR jew tal-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad- Data, il-Kummissarju jieħu l-azzjoni korrettiva neċessarja li jidhirlu li hi xierqa a bażi tal-artikolu 58(2) tal-GDPR.
Leg 13 PQ #18367 Sitting 420 2021-01-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għarb Għawdex – Triq Sdieri – ftuħ tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu jagħmel il-Ministeru tiegħu biex Triq Sdieri, li ilha magħluqa diversi ġimgħat ġewwa l-Għarb Għawdex, terġa’ tinfetaħ għall-pubbliku? Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent, x’tip ta’ studji u monitoraġġ qed isiru dwar l-arkati li hemm taħt din l-imsemmija triq kif ukoll dwar il-ħitan ta’ din l-imsemmija triq biex jiddeterminaw x’tip ta’ xogħlijiet iridu jsiru u min qed jagħmilhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sar ix-xogħol neċessarju sabiex ma titkompliex il-ħsara fuq l-istruttura tat-triq u l-imsemmija arkati. Bħalissa għaddejjin diskuzzjonijiet interni dwar x’tip ta’ intervent ser isir biex terġa tinbena t-triq.

Carers – ingaġġ ta’ barranin

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-kumpanija li tipprovdi l-carers fir-Residenza San Vinċenz de Paule Health Care qed timpjega l-barranin minflok il-Maltin? Jista’ jgħid għalfejn il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament marret għall-interview ma’ kandidati barranin u ġew impjegati l-barranin minflokha? Fil-fatt l-istess persuni barranin li għamlu l-kors magħha, ġew mibgħuta jagħmlu interview mill-Health Care u hi anqas biss issejħet għall-interview u dan meta l-JobsPlus qed tirreklama li hemm vakanzi ta’ carers u fil-fatt din il-persuna ġiet riferuta għand il-Health Care mill-JobsPlus stess u dan meta din il-persuna għamlet kors ta’ erba’ xhur għal carer u għaddiet mill-eżami finali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-reġistrazzjoni tal-carers mal-Kumpanija li tipprovdi s-servizz tal-carers huwa kompletament f’idejn il-Kumpanija.
Leg 13 PQ #18401 Sitting 420 2021-01-26 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Korrispondenza bejn il-Gvern Malti u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar nomina

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza u d-dokumenti kollha li għaddew bejn il-Gvern Malti u l-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) dwar in-nomina tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull korrispondenza mal-Bank Ċentrali Ewropew hi strettament kunfidenzjali. Minkejja dan, nista’ nserraħ ras l-interpellant li l-Bank Ċentrali Ewropew jirrikonoxxi li n-nomina tal-Gvern Malti saret fuq il-bażi tal-kwalifiċi li tħaddan l-istess persuna nnominata.
Leg 13 PQ #18402 Sitting 420 2021-01-26 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Korrispondenza bejn il-Gvern Malti u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar nomina

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza u d-dokumenti kollha li għaddew bejn il-Gvern Malti u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar in-nomina tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-Misoqsija Parlamentari 18401.
Leg 13 PQ #18403 Sitting 420 2021-01-26 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Multi imposti fuq bank

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, ġaladarba l-Qrati Maltin f'kawża bejn Sata Bank versus il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU), iddeċidew li multi mogħtija mill-FIAU għandhom ikunu skont ma’ titlob il-liġi, ċjoè sa massimu ta' 10% tat-turnover tal-istituzzjoni (b'massimu ta' €5 miljun), x'qed iżomm lill-istess FIAU sabiex timxi mal-liġi u tirrevedi l-multi li tat sabiex tiġi konformi mal-liġi u mad-deċiżjoni tal-Qrati Maltin kif konkluż kawża msemmieha?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja dejjem mexa ma dak li tistipula l-liġi u aġixxa dejjem fl-ambitu ta’ dik id-diskrezzjoni mogħtija lilu mill-istess liġi, b’attenzjoni għaċ-ċirkostanzi tal-kaz li jkun qiegħed iqis. Fl-istess waqt, il-Korp huwa wkoll marbut b’obbligi internazzjonali u Ewropej sabiex is-sanzjonijiet pekunjarji li jimponu jkunu mhux biss proporzjonali għaċ-ċirkostanzi tal-kaz, izda wkoll effettivi u biex jiġi evitat repetizzjoni tal-istess kontravenzjoni . Is-sentenza msemmija tirrigwarda kaz u ċirkostanzi partikolari u allura mhuwiex il-kaz illi l-konkluzjonijiet li waslu għalihom il-Qrati għandhom jitqiesu bħala applikabbli għal kull sanzjoni li impona l-Korp sa issa. Ta’ min isemmi illi kien hemm diversi deċizjonijiet meħuda mill-Qrati kemm qabel u kif ukoll wara d-deċizjoni meħuda fil-kaz Satabank fejn saħansitra kien hemm qbil mill-Qorti fuq l-ammont sanzjonat mill-Korp, anki fejn ġie eċċedut 10% tat-turnover. Illi għalhekk il-Korp ma jħossx il-ħtieġa li ssir tali revizjoni.
Leg 13 PQ #18404 Sitting 420 2021-01-26 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Multi imposti fuq bank

Question

Jista l-Ministru jgħid, ġaladarba l-Qrati Maltin f'kawża bejn Sata Bank versus il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU), iddeċidew li multi mogħtija mill-FIAU għandhom ikunu skont ma titlob il-liġi, ċjoè sa massimu ta' 10% tat-turnover tal-istituzzjoni (sa massimu ta' €5 miljun), il-FIAU kif se tikkumpensa għad-danni sofferti lil dawk l-istituzzjonijiet li ngħataw multa iktar minn kemm tistipula l-liġi u minn kemm ordnat il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Korp dejjem aġixxa fl-ambitu tal-liġi f’kull kaz partikolari fejn tiġi mogħtija sanzjoni pekunjarja. L-impozizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja da parti mill-Korp tkun saret wara konsiderazzjoni tal-fatti kollha tal-kaz partikolari sabiex tali sanzjoni tkun kemm proporzjonali għal tali ċirkostanzi izda wkoll effettiva u biex jiġi evitat repetizzjoni tal-istess kontravenzjoni, hekk kif mitlub kemm mill-istandards internazzjonali kif ukoll mill-istess Direttiva kontra l-ħasil tal-flus. Ta’ min isemmi illi kien hemm diversi deċizjonijiet meħuda mill-Qrati ta’ Malta kemm qabel u kif ukoll wara d-deċizjoni meħuda fil-kaz Satabank fejn saħansitra kien hemm qbil mill-Qorti fuq l-ammont sanzjonat mill-Korp, anki fejn ġie eċċedut 10% tat-turnover. Kull deċizjoni meħuda mill-Qorti dejjem ġiet rispettata mill-Korp. Ta’ min issemmi li l-Korp qatt ma ġie gwidat li jirrevedi multi jew li jikkonsidra danni. Barra minn hekk, kif dejjem għamel, il-Korp qiegħed isegwi mill-qrib kull zvilupp u ser ikun qiegħed jieħu kull deċizjoni neċessarja meta din tkun mitluba.

Stair Lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-rekwiżiti biex persuna li għandha bżonn tinstalla stair lift f’darha tikkwalifika għas-sussidju tal-Gvern? Jista’ jgħid kif jiġi kkalkulat l-ammont ta’ sussidju li jingħata lill-applikant? Jista’ jgħid jekk hux mandatorju li kull min japplika għal stair lift irid jibgħat tliet quotations mal-applikazzjoni tiegħu għal stair lift?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Vetturi li jaħdmu bl-elettriku – charging stations

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn charging stations għal vetturi li jaħdmu bl-elettriku madwar Malta u Għawdex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi preżentament il-Ministeru għandu total ta’ sitta u ħamsin (56) charging pillar installati madwar Malta u Għawdex. Sitta u erbgħin (46) minn dawn ic-charging pillars għandhom żewġ charging points kull wieħed, filwaqt li l-għaxar (10) charging pillars l-oħra għandhom charging point kull wieħed. Dan iwassal għal total ta’ mija u żewġ (102) charging points li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħi.

Vetturi li jaħdmu bl-elettriku li huma proprjetà tal-Gvern

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm vetturi li jaħdmu bl-elettriku li huma proprjetà tal-Gvern jew ta' entitajiet li jaqgħu taħt il-Gvern? Tista' l-Ministru tagħti lista taħt liema ministeru jaqgħu u x'tip ta' vettura huma?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt il-Ministeru tal-Enerġija,l-intrapriza u l-izvilupp sostenibbli, b’kollox qed jintużaw sitt (6) vetturi. Tlett (3) vetturi huma tal-għamla Nissan Leaf, waħda (1) Peugeot Ion, (1) Fiat Forklifter u (1) Reddot Forklifter. (Korrezzjoni: Ara dokument PL 5964 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 420, nhar it-Tlieta, 26 ta' Jannar 2021)