Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ekwestri Malta — membri

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18235 u tindika jekk ġietx imwaqqfa uffiċċjalment Ekwestri Malta u allura jekk iva tistax tgħid min huma l-membri li qed jiffurmaw din l-entità?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li EquestriMalta ġiet imwaqqfa. Bħaissa għaddej il-proċess sabiex din l-entita’ tibda tiffunzjona mill iktar fis.

Naxxar – Triq tal-Labour u Triq San Pawl — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel b’urġenza l-manutenzjoni meħtieġa li għandha ssir fit-toroq u l-bankini f’partijiet minn Triq tal-Labour u Triq San Pawl fin-Naxxar peress li dewmien fix-xogħol li meħtieġ isir, ikun ifisser aktar perikli għal kull min jagħmel użu minn dawn it-toroq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li f’Diċembru, Infrastructure Malta lestiet l-aħħar fażi tal-bini mill-ġdid ta’ Triq San Pawl fin-Naxxar, li testendi 1.3 kilometri bejn ir-roundabout fl-inħawi tat-Telgħa t’Alla u Ommu (Burmarrad) u r-roundaout li hemm fuq in-naħa l-oħra u li tgħaqqadha ma’ Triq il-Parroċċa u Triq il-Wied, l-Iklin. Ix-xogħlijiet bdew kmieni s-sena l-oħra u biex l-inkonvenjent għal kull min jużaha u għar-residenti jkun l-inqas possibbli, dawn tqassmu f’erba’ fażijiet billi f’kull fażi saret parti mit-triq. L-investiment ta’ €2.3 miljun li sar f’din it-triq jinkludi bini mill-ġdid tal-bankini u oħrajn ġodda, punti għall-qsim pedonali ġodda ( pedestrian crossings ) sabiex dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi jkunu jistgħu jaqsmu għan-naħa l-oħra tat-triq b’inqas riskji t’aċċidenti, tqegħid ta’ aktar minn 3 kilometri ta’ pajpiet taħt l-art għas-servizzi tal-ilma u Internet, kif ukoll katusi tad-drenaġġ li biex saru uħud minnhom kellhom jitħaffru trinek ta’ madwar sular fond kif ukoll inbnew mill-ġdid il-manholes kollha tat-triq. Inbidlet ukoll is-sistema ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita tal-istess triq wara li nstab li din ġarrbet ħsarat waqt xogħlijiet li saru fil-passat, bil-konsegwenza li kienet qed tikkawża problemi ta’ għargħar fit-triq u f’bini li hemm fil-viċin. Qabel ma nbdew ix-xogħlijet is-sistema kollha ġiet spezzjonata b’mod komprensiv permezz ta’ cameras u rriżulta li fost ħsarat oħrajn kien hemm diversi partijiet minnha miżdudin. Kull fejn instab li din l-infrastruttura ma kenitx taħdem sew ġiet mibdula u s’intendi fejn kienet għadha tajba ma kienx jagħmel sens li tinbidel. Fl-istess waqt saru anke spezzjonijiet fit-toroq tal-madwar u fost xogħlijiet oħrajn saret estensjoni tal-culvert ma’ Triq il-Markiż Scicluna, liema żona qatt ma kellha lqugħ għall-ilma tax-xita. Saru wkoll żewġ soak aways ta’ madwar 40 metru fond biex ikomplu jtaffu l-problema tal-għargħar f’din iż-żona. Fil-każ ta’ Triq tal-Labour din ukoll tinsab fil-pjanijiet ta’ Infrasctructure Malta biex issir fiż-żmien li ġej bħalma l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid toroq oħrajn fil-lokalità tan-Naxxar li jinkludu Triq il-Kappella ta’ San Mikiel, Triq ix-Xbieki, Triq John Adye u Triq San Franġisk t’Assisi, waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq il-Forġa, Triq il-Fortizza tal-Mosta u triq bla isem fi Vjal il-Labour. Toroq oħrajn ippjanati li jsiru fiż-żmien li ġej jinkludu Triq il-Ġdida, Triq il-Magħtab, Triq il-Milizja, Triq Leli Falzon, Triq Ġdida fi Triq tat-Tarġa u Triq Santa Klara. Infrastructure Malta diġà għamlet ukoll xogħlijiet f’diversi toroq oħrajn fil-lokalità tan-Naxxar. Dawn kienu jinkludu xogħol fit-Telgha ta’ Alla u Ommu, Triq Wied Filep, Triq Santa Fawstina ta’ Kowalska, Triq Tal-Balal, roundabout junction ġdida fi Vjal il-Labour, kif ukoll titjib fir-roundabout junction bejn Triq il-Parroċċa and Triq San Pawl fost oħrajn. Sar ukoll titjib kbir fit-toroq ewlenin tal-inħawi bejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, l-Iklin u n-Naxxar, filwaqt li nbena parkeġġ ġdid ħdejn ir-Riserva Naturali tas-Salina. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl u Triq il-Mosta — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel b’urġenza l-manutenzjoni meħtieġa li għandha ssir fit-toroq u l-bankini f’partijiet minn Triq San Pawl u Triq il-Mosta f’San Pawl il-Baħar peress li dewmien fix-xogħol li meħtieġ isir, ikun ifisser aktar perikli għal kull min jagħmel użu minn dawn it-toroq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li għalkemm il-manutenzjoni tat-toroq residenzjali sakemm jinbnew mill-ġdid hija f’idejn il-Kunsilli Lokali, is-sena li għaddiet Infrastructure Malta xorta kkollaborat mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar biex Triq San Pawl sarulha tiswijiet estensivi. Qabel ma din it-triq u Triq il-Mosta jkunu jistgħu jinbew mill-ġdid mill-aġenzija, iridu jsirulhom xogħlijiet estensivi bit-tqegħid ta’ pajpijiet għas-servizz tal-ilma u katusi għas-sistema tad-drenaġġ li jridu jiġu mgħoddijin minn taħt l-art mill-entità konċernata. Apparti li qabel is-sajf tal-2019 għamlet tiswijiet estensivi fi 17-il triq oħra f’San Pawl il-Baħar sakemm dawn jinbnew mill-ġdid, f’din il-lokalità Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq il-Luzzu, Triq Għawdex, Triq it-Turisti, Triq Port Ruman, Triq l-Istamnar, Triq Nicola Ardonio, Triq Ġużeppi Despot u Triq Annetto Caruana. Waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq it-Tamar, Triq Cunningham u triq ġdida magħha. Diġà hemm ippjanati wkoll biex fiż-żmien li ġej flimkien ma’ diversi toroq residenzjali oħrajn isiru Triq il-Kaħli, Triq Ibħra, Triq il-Mistrieħ, Triq Tanti, Triq Luigi Preziosi u Triq il-Ġifen. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Manikata/Għajn Tuffieħa – manutenzjoni ta’ bus stops

Question

Jista’ l-Ministru jara li fil-Manikata/Għajn Tuffieħa isiru l-attrezzaturi/tiswijiet/tibdil meħtieġ kull fejn hemm bus stop/bus shelters mill-awtoritajiet kompetenti u dan fl-interess tar-residenti u l-persuni li jagħmlu użu minnhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onoevoli Interpellant li Transport Malta wetqet survey fuq il- bus stops ġewwa l-Manikata u Għajn Tuffieħa sabiex jiġi stabbilit x’tip ta’ manutenzjoni hemm bżonn fuq tali bus stops u bus shelters.

Family Therapy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm individwi li qed jagħmlu użu mis-servizzi tal-Family Therapy? Jista’ jgħid ukoll kemm hu n-numru totali tal-familji li ġejjin minnhom l-istess individwi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’ seduta oħra.

Koppji li jużaw is-servizzi ta’ counselling

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm koppji miżżewġin, f’unjoni ċivili u f’koabitazzjoni li qed jużaw servizzi ta’ counselling offruti mill-Gvern?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’ seduta oħra.

Persuni li applikaw għall-għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li applikaw sabiex jingħataw l-għajnuna soċjali tul is-sena 2019 u fis-sena 2020? Kemm hemm persuni li ma baqgħux jirċievu dan il-benefiċċju fl-istess żmien?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’ seduta oħra.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi qed jingħataw lir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Kemm hemm persuni li qed jagħmlu użu minn dan is-servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’ seduta oħra.

Sospensjoni tas-servizz tal-IVF minħabba l-pandemija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk is-servizz tal-IVF ġiex sospiż minħabba l-pandemija minn Marzu 2020? Jekk iva, jista' jindika meta se jitkompla u jekk iċ-ċikli li saru ntilfux, fis-sens illi min għamel ċiklu li ma tkompliex, dan iċ-ċiklu se jerġa’ jinbeda?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal kull servizz ieħor mogħti minn ġewwa Mater Dei is-servizz tal-IVF ġie sospi¿ wara li sar l-aħħar ċiklu fl-1 ta’ April 2020 minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Dan is-servizz reġa beda’ jingħata bl-ewwel ċiklu bi trasferiment ta’ embrijun krijopreservat li sar fil-25 ta’ Ġunju 2020. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ għall-Protezzjoni tal-Embrijun fi 22 ta’ Marzu 2020, ħabret li minħabba l-COVID-19, in-nisa li kienu se jilhqu l-eta’ massima sa l-aħħar ta’ Diċembru 2020 kienu qegħdin jingħataw estensjoni ta’ sitt xhur fuq l-eta’ massima sabiex ħadd ma jitlef l-opportunita li jkollu ċiklu tal-IVF.
Leg 13 PQ #18616 Sitting 423 2021-02-02 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16459 u jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjoni Marigold Foundation u/jew il-fondazzjoni National Alliance for Rare Diseases Support u/jew lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu sena b’sena mill-2014 sad-data ta’ meta tingħata r-risposta, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li la l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-ebda entita jew agenzija fid-dekasteru tal-Prim Ministru, ma ta l-ebda kuntratt, direct order, donazzjonijiet jew benefikati lill-fondazzjoni Marigold Foundation u/jew il-fondazzjoni National Alliance for Rare Diseases Support u/jew lill-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament.
Leg 13 PQ #18627 Sitting 423 2021-02-02 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissarju Speċjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Kummerċ mar-Renju Unit

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma t-termini ta' referenza tal-Kummissarju Speċcjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Kummerċ mar-Renju Unit li nħatar dan l-aħħar u x'rimunerazzjoni ser igawdi l-persuna maħtura? Kemm ser ikollu impjegati dan l-uffiċċju u fejn ser ikun ibbażat?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Varjant tal-COVID-19

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18281 sħiħa u jagħti dettalji tal-miżuri li qed jittieħdu ħalli jilqgħu għall-bosta varjanti tal-COVID-19 li hawn jiċċirkulaw bħal dak Brittaniku, Brażiljan, Sud Afrikan u Kenjan? Għala kuntrarjament għal bosta pajjiżi oħra, għadhom jitħallew jidħlu fil-pajjiż vjaġġaturi minn dawn il-pajjiżi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala parti mill-pjan t’azzjoni fir-rigward tal-varjant tal-Covid-19, mit-22 ta’ Diċembru tal-2020 l-Ingilterra mill-ewwel ġiet elenkata fil-lista tar-red zone. Apparti minn hekk kontinwament qed isir monteraġġ tas-sitwazzjoni kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, minn Diċembru 2020 ta’ kull ġimgħa beda’ jittieħed il-genetic sequencing minn kampjuni ta’ każijiet pożittivi u matul ix-xahar ta’ Jannar 2021 kien hemm żieda konsiderevoli fl-ammont ta’ kampjuni għal-genetic sequencing. Ninfurmah ukoll illi l-Brazil, l-Kenja kif ukoll l-Afrika t’isfel kienu diġa elenkati bħala red zones u dawk in nies li huma residenti f’Malta jew li għandhom permess ta' residenza biss jistgħu jirritornaw f’pajjiżna billi jagħmlu swab test qabel ma jiġu, kif ukoll mal-wasla tagħhom riedu jagħmlu 14 il-ġurnata kwaratina.

Immigranti Illegali – għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18284, jista' l-Ministru jelenka l-miżuri li ħa sabiex jipprevjeni l-wasla ta' migranti illegali fil-pajjiż li ddikjara li hi parti mill-istrateġija tal-Ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-prevenzjoni tal-wasliet hija l-ewwel prinċipju tal-istrateġija tal-Gvern biex jittaffa l-piż tal-fenomenu tal-immigrazzjoni. Dan il-prinċipju huwa msejjes fuq it-twemmin li l-Libja, bħala pajjiż ta’ tranżitu, tkun parti mis-soluzzjoni. Il-Gvern Malti qed iżomm djalogu kontinwu mal-awtoritajiet Libjani fuq l-immigrazzjoni rregolari. Minkejja r-restrizzjonijiet li ġabet magħha il-COVID-19, il-Prim Ministru, jien u Ministri oħra żorna l-Libja numru ta’ drabi sabiex insaħħu dan id-djalogu. F’waħda minn dawn iż-żjarat ġie ffirmat ftehim li permezz tiegħu twaqqaf ċentru ta’ kordinament bejn iż-żewġ pajjiżi speċifikament fuq l-immigrazzjoni rregolari. Il-kordinament bejn iż-żewġ pajjiżi huwa maħsub li jsaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ tiftix u salvataġġ, jiġu miġġielda t-traffikanti tal-bnedmin u jonqos it-telf ta’ ħajjiet fil-Mediterran. Malta qed taħdem ukoll sabiex l-Unjoni Ewropea tifhem aktar l-importanza tal-Libja u tiffaċilita l-impenn tagħha li tgħin l-awtoritajiet Libjani fil-ħarsien tal-fruntieri tagħhom. L-Onorevoli Interpellant jifhem li din il-ħidma qed issir f’settur fejn l-isfidi huma kbar u huma affetwati minn ċirkostanzi internazzjonali li huma kumplessi. Filwaqt li bħalissa din il-ħidma qed tħalli l-frott, dan ma jfissirx li l-pajjiż ma jistax jiffaċċja pressjonijiet ġodda fil-futur. Il-ħidma li qed nagħmel referenza għaliha tixhed u tikkonferma li t-tnaqqis tal-wasliet hija l-aktar soluzzjoni effettiva għal pajjiżi bħal Malta li ilhom snin jaffaċċjaw pressjoni disproporzjonata minħabba l-immigrazzjoni rregolari.

Għawdex – Għases tal-Pulizija

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18287, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għases prinċipali f'Għawdex li huma miftuħin 24 siegħa u hemm għases sekondarji li jinżammu magħluqin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi f'Għawdex l-għases prinċipali li huma miftuħin 24 siegħa kuljum huma dawk tar-Rabat, l-Imġarr, ix-Xlendi u Marsalforn. Għases oħra jinfetħu skont il-ħtieġa tas-servizz, filwaqt li kontiwament isiru rondi minn uffiċjali b’vetturi tal-patrol fil-lokalitajiet kollha Kif kelli ċans nispjega għal iktar minn darba l-viżjoni tal-Korp tal-Pulizija hi li jkun hemm preżenza ikbar ta’ pulizija fit-toroq. Kien għalhekk li fl-aħħar xhur estendejna l-proġett tal-pulizija tal-komunità u fil-baġit għal din is-sena ħabbarna li se nkomplu nestenduh. Fil-fatt f’Għawdex ukoll se jibda jitħaddem il-proġett tal-pulizija tal-komunità. Irrid infakkar ukoll li mal-għases qegħdin inwaħħlu ‘intercom’ li jkunu mqabbdin direttament mal-control room tal-Korp tal-Pulizija u li r-rapporti jistgħu jsiru wkoll online jew bit-telephone.

Immigranti Illegali – għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18284, jista' l-Ministru jgħid kif intefqu €13,148,659.26 li Malta rċeviet mill-Asylum, Migration and Integration Fund tal-Unjoni Ewropea bejn l-2014 u l-2020?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Bi tweġiba għal din il-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Wage Supplement — għal ristoranti li fetħu reċentement

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li ristoranti li fetħu reċentement mhumiex jitħallew jibbenefikaw mill-iskema tal-wage supplement minkejja li huma ukoll ikollhom inaqqsu l-imwejjed li jistgħu jservu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-wage supplement kienet inħolqot biex tissalvagwardja l-impjiegi reġistrati ma’ min iħaddem sa Marzu tal-2020, u ma setgħux jipprevedu l-eventwalità u l-impatt tal-pandemija. Il-Gvern għaddej b’diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali biex dawn ir-ristoranti jingħataw għajnuna.

Aġġudikazzjoni tal-għoti tal-kuntratt tal-bini tal-powerstation tal-Electrogas – membri u konsulenti ingaġġati

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18179 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ħlasijiet kollha li saru lill-membri u jew konsulenti li b'xi mod jew ieħor kienu ingaġġati b'rabta mal-aġġudikazzjoni tal-għoti tal-kuntratt tal-bini tal-powerstation tal-Electrogas, inkluż u mhux limitat għall-membri tal-EoIC Committee, RfP Evaluation Committees Stage 1, Stage 2, Stage 3, Stage 4, Stage 5 u l-Programme Sponsoring Group, bl-ammont inkluż separat mogħti lil kull individwu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba diġa ġiet ippublikata fir-rapport tal-Awditur Ġenerali intitolat; “An Investigation of Matters Relating to the Contracts awarded to Electrogas Malta Ltd. by Enemalta Corporation”.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – Is-Siġġiewi – Trejqa tal-Providenza — katusi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jitpoġġew il-katusi l-ġodda tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fi Trejqa tal-Providenza mill-Istatwa tal-Madonna ta’ Ħax-Xluq sar-roundabout ta’ quddiem il-Kappella tal-Providenza fil-limiti tas-Siġġiewi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol minn Triq Lapsi fid-direzzjoni lejn it-Trejqa tal-Providenza ser jibda’ fil-ġranet li ġejjin.

Residenza San Vinċenz de Paule – waiting list

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani jistennew fuq il-waiting list biex jidħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant li San Vinċenz de Paule addotta sistema ta’ prijorita’ bbażata fuq urġenza medika u fuq livell ta’ dipendenza u għaldaqstant hemm tliet kategoriji maqsuma skont l-urġenza, bl-ewwel kategorija klassifikata bħala l-aktar urġenti. Fl-ewwel kategorija hemm 22 persuna, fit-tieni kategorija hemm 55 persuna u fit-tielet kategorija hemm 846 persuna li qedgħin jistennew biex jidħlu f’San Vinċenz de Paule.
Leg 13 PQ #18702 Sitting 423 2021-02-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Lokalitajiet fejn jgħixu l-barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) għandux informazzjoni fejn qegħdin jgħixu l-madwar 67,000 barrani li jinsabu f’pajjiżna? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ xogħol qegħdin iwettqu u minn liema pajjiżi ġejjin dawn il-barranin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Tabella A turi r-regjun fejn qegħdin jgħixu l-barranin li jaħdmu f’Malta, waqt li Tabella B turi x’tip ta’ xogħol qegħdin iwettqu, L-aħħar ċifri ppublikati huma ta’ Mejju 2020.