Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xewkija Għawdex – area tal-Ħofra – allokazzjoni ta’ spazju għal SMEs

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fl-area tal-Ħofra ġewwa x-Xewkija Għawdex fiex wasal il-proċess tal-allokazzjoni ta' spazju għall-SMEs f'dan il-park u min huma d-ditti jew kumpaniji li ntgħażlu s'issa biex jingħataw spazju f'din l-area u kemm minnhom huma kumpaniji lokali u kemm minnhom huma barranin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-kumpless tal-Ħofra t’Għawdex hemm 15 il-fabbrika zgħira li 13 minnhom huma allokati. Ammont ta’ inkwilini ġodda diġa bdew joperaw waqt li oħrajn qegħdin fil-proċess ta’ relokazzjoni jew fil-proċess li jiffirmaw il-kuntratt ma’ INDIS Ltd. L-iskop prinċipali tal-Malta Enterprise għal dan il-kumpless kien li jakkomoda l-aktar intrapriżi Għawdxin li kienu qegħdin jaħdmu fil-qalba tal-villaġġi Għawdxin. Wieħed mill-operturi ser ikun investiment barrani. Id-dettalji tal-individwi ma jistgħux jingħataw peress li l-Malta Enterprise hija koperta bil-kunfidenzjalita' imposta skont l-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta u l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji.

Produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u Riċerka – letter of Intent

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm intrapriżi li applikaw, u meta, mal-Malta Enterprise biex tinħarġilhom Letter of Intent għall-produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u Riċerka? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn ġew approvati u nħarġitilhom il-Letter of Intent?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise bejn is-sena 2017 sa l-aħħar tas-sena 2020 irċeviet 53 applikazzjoni għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali li minn dawn 33 ġew approvati. Il-kumpaniji li l-ismijiet tagħhom huma pubbliċi huma; Aurora, Aphria, Alvit, Alta Flora, Materia, MERA, Canapar, MPXI, Emmac Lifesciences, ZenPharm u MGC.

Produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u Riċerka – letter of Intent

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm intrapriżi li applikaw mal-Malta Enterprise biex tinħarġilhom Letter of Intent għall-produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u Riċerka u fil-każ ta’ dawk li huma diġà pubbliċi tgħid għal kemm talbu spazju f’metri kwadri ta’ art għall-operat tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise approvat 33 proġett għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali. L-ammont ta’ spazju mitlub huwa ta’ 23,626 metri kwadri. Il-kumpaniji li l-ismijiet tagħhom huma pubbliċi huma Aurora; Aphria; Alvit; Alta Flora; Materia; MERA; Canapar; MPXI; Emmac Lifesciences; ZenPharm u MGC

Applikazzjonijiet għal Skemi ta’ għajnuna tal-COVID-19

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tan-numru ta’ applikazzjonijiet u numru ta’ impjegati benefiċjarji li rċieviet il-Malta Enterprise sal-lum b’rabta mal-iskemi ta’ għajnuna tal-COVID-19 u tagħti l-informazzjoni maqsuma skont l-iskemi rispettivi? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew milqugħa, kemm ġew miċħuda u kemm għad fadal pendenti? Fil-każ tal-Wage Supplement tista’ tagħti l-informazzjoni mitluba għal dawk li jaqgħu f’Annex A u f’Annex B separatament?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; Numru ta’ Applikazzjonijiet: 21,855 - Annex A: 14,987 - Annex B: 3,465 - Ineliġibbli: 3,403 Applikazzjonijiet Approvati: 17,083 Numru ta’ Ħaddiema: 92,443 - Annex A: 54,101 full-time u 10,662 part-time - Annex B: 25,020 full-time u 2,660 part-time Pagamenti Approvati: €345,942,993 N.B: data as at end of January 2021

Black cabs — Transport Malta – dewmien għall-Operating Licence

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għalkemm hemm min ilu jistenna l-Operating Licence xahrejn biex ikun jista’ jopera l-black cabs, dawn l-operating licences għadhom ma ħarġux bir-raġuni li qiegħda tingħata minn Transport Malta tkun li għadhom jistennew il-kondotta tal-individwu mingħand il-Pulizija? Jista’ jara li jittieħdu dawk il-passi kollha neċessarji biex dan id-dewmien jonqos ħalli titnaqqas it-tbatija ta’ dawn l-individwi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li wieħed mir-rekwiżiti sabiex wieħed jottjeni l-Liċenzja ta’ Operaturi għas-servizz ta’ ġarr ta’ passiġġieri b’vetturi żgħar, huwa li jinġab ċertifikat maħruġ mill-Pulizija li juri kull reat kriminali tal-applikant magħruf bħala l-Fedina Penali. Bil-kunsens tal-applikant, l-Awtorita’ għat-Trasport tapplika għal dan iċ-ċertifikat mingħand il-Pulizija. L-Awtorita’ għat-Trasport m’għadiex kontroll fuq id-dewmien għall-ħruġ tal-Fedina Penali. Ladarba l-Awtorita’ tirċievi ċ-ċertifikat u dan ikun jissodisfa l-kriterji li l-persuna hija ta’ reputazzjoni u kondotta tajba, skont id-dispożizzjonijiet fil-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.68, tgħaddi minnufih biex toħroġ il-Liċenzja tal-Operatur.

Black cabs — Operating Licence - dewmien fil-proċess tal-kondotta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm hemm min ilu jistenna xahrejn l-Operating Licence biex ikun jista’ jopera l-black cabs, dawn l-operating licences għadhom ma ħarġux bir-raġuni li qiegħda tingħata minn Transport Malta tkun li għadhom jistennew il-kondotta tal-individwu mingħand il-pulizija peress li hemm persuna waħda biss li tipproċessa l-kondotta tal-individwu? Jista’ jara li jittieħdu dawk il-passi kollha neċessarji, fosthom li jiżdiedu n-nies li jipproċessaw il-kondotta, biex dan id-dewmien jonqos?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li t-talbiet għal ċertifikati ta’ kondotta mingħand il-pulizija għal skopijiet diversi, inkluż dak imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, żdied konsiderevolment. Madankollu infurmat ukoll illi qed isir dak kollu possibli biex jiġu pproċessati it-talbiet kollha u ttieħdu passi biex dewmien li seta kien hemm qed jiġi indirizzat.

Transport Malta – tiġdid tat-tag tax-xufiera

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17374, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li għalkemm ix-xufiera li skaditilhom it-tag jew li ser tiskadilhom it-tag fil-futur qarib, jistgħu jkomplu jsuqu karozzi tal-linja bit-tag skaduta flimkien mal-irċevuta li turi li sar il-ħlas biex tiġi rrinnovata t-tag, l-operatur tat-Trasport Pubbliku mhux jimxi ma dawn il-linji gwida u għalhekk qiegħed iwaqqaf mix-xogħol ħaddiema li ma jkollhomx it-tag imġedda? Jista’ l-jara li dan l-atteġġjament jieqaf minnufih?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17374, ninsab infurmat li l-pendenzi li kien hemm għall-ħruġ tat-tags fil-perjodu li l-Awtorita’ għat-Trasport kienet sofriet s-Cyber Attack ġew rinnovati u rregolati kollha. Għalhekk m’għadx hemm iċ-ċirkostanzi li wieħed isuq vetturi għall-ġarr tal-passiġġieri bit-tag skaduta. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li xahrejn qabel ma tiskadi t-tag, l-Awtorita’ tibgħat ittra lil kull persuna li tkun ser tiskadilha t-tag u tħeġġiġa biex iġeddidha mill-aktar fis possibbli. Ġialadarba l-Awtorita’ jkollha d-dokumenti u l-applikazzjoni neċessarji biex tiġi mġedda t-Tag, tkun qiegħda f’pożizzjoni li tgħaddi biex tipproċessaha minnufih.

Wied iż-Żurrieq — multi-level parking

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17947, jista’ l-Ministru jikkonferma li bl-upgrading li sar tal-parkeġġ eżistenti f'Wied iż-Żurrieq, żdied il-parkeġġ għal coaches però naqas drastikament il-parking għall-vetturi żgħar fi żmien meta minħabba l-pandemija ftit turisti li jagħmlu użu mill-coaches qed iżuru din iż-żona? Jista’ jgħid xahar b’xahar minn meta beda jopera dan is-servizz sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm individwi li użaw is-servizz ċirkulari b’vetturi tat-trasport pubbliku minn u lejn Wied iż-Żurrieq peress li fir-risposta tiegħu qalli li dan is-servizz qed jintuża minn eluf ta’ ċittadini u turisti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport l- priority parking għal coaches inżamm kif kien oriġinarjament u nżebgħu l-parkeġġi tal-vetturi ż-żgħar, kif għandu jkun għal kull parkeġġ organizzat. Tajjeb li jingħadd ukoll li s-servizz ċirkulat li qiegħed jaċċenna għalih l-Onorevoli Interpellant kien operat bejn 4 ta’ Lulju u l-5 ta’ Ottubru 2020 fejn inġarru l’fuq minn ħamest elef passiġġier.

Wied iż-Żurrieq — multi-level parking

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17948, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet ambjentali li jirristrinġu milli jsir multi-level parking fil-parkeġġ eżisteni ta’ Wied iż-Żurrieq, meta dan il-parkeġġ ilu asfaltat is-snin? Jista’ jgħid ukoll xahar b'xahar minn meta beda jopera dan is-servizz sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm individwi li użaw is-servizz ċirkulari b'vetturi tat-trasport pubbliku minn u lejn Wied iż-Żurrieq peress li fir-risposta tiegħu qalli li dan is-servizz qed jintuża minn eluf ta' ċittadini u turisti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sabiex isir multi-level parking fil-parkeġġ eżistenti ta’ Wied iż-Żurrieq ikollu jsir skavar biex l-impatt viżwali fuq iż-żona jkun limitat. Apparti minn hekk, skavar f’żona li hija ambjentalment sensittiva, u li għandha importanza nazzjonali, kif ukoll kulturali, huwa kemm projbit, kif ukoll ta’ riskju għaliex jista’ jkollu impatt fuq il-ġeoloġija, il-flora u l-fawna ta’ din iż-żona. L-aħħar iżda mhux l-inqas, din l-art tinstab f’żona ODZ, u b’hekk mhux permess żvilupp ta’ dan it-tip. Rigward is-servizz ċirkolari Destinazzjoni Wied iż-Żurrieq, dan kien proġett pilota li sar bejn Lulju u Settembru 2020 u li minnu gawdew aktar minn 5500 persuna.

Proġetti fuq in-naħa t'isfel ta' Malta

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17949, peress li fir-risposta tiegħu l-Ministru qal li bħala embellishment taż-żona ta' Wied iż-Żurrieq diġà twaħħlu bankijiet u railings ġodda kif wkoll manutenzjoni ta' bankijiet u mwejjed eżistenti u tibdil ta' bozoz maqtugħa, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol huwiex l-unika xogħol ta' embellishment li ser isir fiż-żona? Jista’ jgħid ukoll jekk servizzi infrastrutturali oħra li huma neqsin minn din iż-żona, bħad-drenaġġ, humiex ser isiru mill-Gvern fil-ġranet u xhur li ġejjin? Jista’ jgħid jekk din iż-żona, bħala waħda miż-żoni turistiċi prinċipali tan-naħa t'isfel ta' Malta, hux ser isir fiha investiment qawwi bħal ma sar f'żoni oħra turistiċi, biex jingħata 'facelift' ġenerali taż-żona u b'hekk tibda tattira aktar turisti u ċittadini lejha?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b’referenza għall-ewwel u t-tielet mistoqsija, il-Ministeru, bl-għajnuna tal-FTZD, l-MTA u d-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni, jaħdem b’mod kontinwu matul is-sena fuq il-manutenzjoni ta’ żoni turistiċi bħal ma huwa Wied iż-Żurrieq, fost bosta oħrajn. Minn dak inhar tlesta wkoll ir-restawr tat-taraġ li huwa mqatta` fil-blat u ingħata wkoll servizz ta’ first aid għall-għawwiema għall-ewwel darba fis-Sajf 2020. Dawn l-entitajiet fil-Ministeru, huma f’kuntatt kontinwu mal-istakeholders taż-żona u ser jibqgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom. Nemmnu bis-sħiħ fir-riġenerazzjoni taż-żoni turistiċi u qed naħdmu fuq dan l-aspett fuq iż-żoni turistiċi kollha. Meta jasal il-mument opportun se nkunu qed inħabbru inizjattivi f’dan ir-rigward. B’referenza għat-tieni mistoqsija, is-servizzi tad-drenaġġ huma parti mil-mandat tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma (WSC) u b’hekk ġentilment nitolbok sabiex tagħmel il-mistoqsija tiegħek lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #18617 Sitting 424 2021-02-03 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ministeru għall-Edukazzjoni- Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 16461 u tgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjoni Marigold Foundation u/jew il-fondazzjoni National Alliance for Rare Diseases Support u/jew lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tagħha jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tagħha sena b’sena mill-2014 sad-data ta’ meta tingħata r-risposta, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellanta li l-informazzjoni mitluba qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16460 u jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjoni Marigold Foundation u/jew il-fondazzjoni National Alliance for Rare Diseases Support u/jew lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu sena b’sena mill-2014 sad-data ta’ meta tingħata r-risposta, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Wage Supplement — Pensjonanti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li pensjonanti li għadhom jaħdmu mhumiex jitħallew jibbenefikaw mill-iskema tal-wage supplement?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pensjonanti ħaddiema kienu eliġibbli li jibdew jirċievu il-wage supplement minn Lulju tas-sena 2020. Filfatt min iħaddem għadu qed jirċievi il-wage supplement tagħhom. Pensjonanti self employed kienu eliġġibli għal wage supplement sa mill-bidu nett.
Leg 13 PQ #18634 Sitting 424 2021-02-03 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Recovery Funds li tpoġġew mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti sabiex jiġu użati r-Recovery Funds li tpoġġew għad-dispożizzjoni ta' Malta mill-Unjoni Ewropea? Meta qed jippjana li jibda juża dawn il-fondi?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li bdew l il-preparamenti meħtieġa sabiex jintu¿aw l-għotjiet ta’ fondi taħt ir-Recovery and Resilience Programme. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mall-Kummissjoni Ewropeja dwar dan. Hu mistenni li bħal pajji¿i oħra, Malta se tkun qed tibda tibbenifika minn dawn il-fondi aktar tard din is-sena.

L-Imdina – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18358, 18169 u 17902 u jgħid: a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq tal-Imdina, triq b’triq; b. kemm minn dawn għadhom attivi; c. quddiem liema proprjetà; d. għal liema skop huma riservati; u e. meta saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar minħabba li tirrikjedi ammont kbir ta’ xogħol.

Ħ’Attard – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18359, 17899 u 18170 u jgħid: a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Ħ’Attard, triq b’triq; b. kemm minn dawn għadhom attivi; c. quddiem liema proprjetà; d. għal liema skop huma riservati; u e. meta saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar minħabba li tirrikjedi ammont kbir ta’ xogħol.
Leg 13 PQ #18647 Sitting 424 2021-02-03 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

MFSA — persuni li kellhom poteri li jikkanċellaw liċenzji

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18360, jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri tal-Kumitat Eżekuttiv fi ħdan l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) li minn Marzu 2019 sal-lum ħadu deċiżjonijiet li jikkanċellaw jew jagħtu liċenzja jew li jiġġudikaw persuni bħala fit and proper? X’inhuma l-karigi li jokkupaw dawn il-persuni fi ħdan l-Awtorità?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mid- 29 ta’ Marzu ta’ 2019 il-Kumitat Ezekuttiv fi ħdan l-Awtoria’ kien magħmul minn Marianne Scicluna (fil-kapacita’ tagħha ta’ Chief Officer – Supervision ta’ l-Awtorita), Reuben Fenech (fil-kapaċita’ tiegħu ta’ Chief Operations Officer ta’ l-Awtorita), Joseph Cuschieri (fil-kapaċita’ tiegħu ta’ Chief Executive Officer ta’ l-Awtorita), u Edwina Licari (fil-kapaċita’ tagħha ta’ General Counsel ta’ l-Awtorita). Marianne Scicluna kienet tifforma parti tal-Kumitat Eżekuttiv sal-15 ta’ April 2020 filwaqt li Reuben Fenech kien parti mill- Kumitat Eżekuttiv sal- 10 ta’ Settembru 2019. Joseph Cuschieri kien parti mill- Kumitat Ezekuttiv sal-25 ta’ Novembru 2020 pero huwa ssospenda lilu nnifsu mill-kariga tiegħu fit-30 ta’ Ottubru 2020 u baqa’ sospiz sal-25 ta’ Novembru 2020. Edwina Licari ssospendiet lilha nfisha mit-30 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Novembru 2020. Christopher Buttigieg (fil-kapaċita’ tiegħu ta Chief Officer Strategy, Policy and Innovation ta’ l-Awtorita’) sar parti tal- Kumitat Eżekuttiv mit- 8 April 2019. Wara l-ħatra tiegħu bħala Chief Operations Officer ta’ l-Awtorita’, Ivan Zammit sar membru tal-Kumitat Ezekuttiv mill- 1 Jannar 2020. Michelle Mizzi Buontempo (fil-kapaċita’ tagħha ta’ Chief Officer – Enforcement ta’ l-Awtorita’) u Michael Xuereb (fil-kapaċita’ tiegħu ta Chief Officer – Strategy and Policy ta’ l-Awtorita’) saru jgħamlu parti mill- Kumitat Ezekuttiv mill-1 ta’ Marzu 2020. Deċizjonijiet relatati ma ċertu kategoriji ta’ liċenzji ġew delegati liċ-Chief Officer Supervision li huwa assistit min kumitat regolatorju fil kapaċita tiegħu ta’ korp konsultattiv
Leg 13 PQ #18648 Sitting 424 2021-02-03 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

FIAU – multi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, ġaladarba l-Qrati Maltin f'kawża bejn Sata Bank versus il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU), iddeċidew li multi mogħtija mill-FIAU għandhom ikunu skont ma’ titlob il-liġi, ċjoè sa massimu ta' 10% tat-turnover tal-istituzzjoni (b'massimu ta' €5 miljun), jekk l-FIAU hux se tibqa' tagħti multi ta' iktar minn 10% tat-turnover tal-istituzzjoni konċernata?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Korp għall-Analizi ta’ Informazzjoni Finanzjarja dejjem mexa ma dak li tistipula l-liġi u aġixxa dejjem fl-ambitu ta’ dik id-diskrezzjoni mogħtija lilu mill-istess liġi, b’attenzjoni għaċ-ċirkostanzi tal-kaz li jkun qiegħed iqis. Fl-istess waqt, il-Korp huwa wkoll marbut b’obbligi internazzjonali u Europej sabiex is-sanzjonijiet pekunjarji li jimponi jkunu mhux biss proporzjonali għaċ-ċirkostanzi tal-każ, iżda wkoll effettivi u dizwasivi. Is-sentenza msemmija tirrigwarda każ u ċirkostanzi partikolari u allura mhuwiex il-kaz illi l-konklu¿jonijiet li waslu għalihom il-Qrati f’dan il-kaz għandhom jitqiesu bħala applikabbli għal kull sanzjoni li timponi l-Korp. Il-Korp qatt ma ġie gwidat li jirrevedi multi jew il-metidoloġija tal-applikazzjoni tal-multi. Ta’ min isemmi illi kien hemm diversi deċiżjonijiet meħuda mill-Qrati kemm qabel u kif ukoll wara id-deċiżjoni meħuda fil-ka¿ Satabank fejn saħansitra kien hemm qbil mill-Qorti fuq l-ammont sanzjonat mill-Korp, anki fejn ġie eċċedut 10% tat-turnover. Kull deċiżjoni meħuda mill-Qorti dejjem ġiet rispettata mill-Korp. Barra minn hekk, kif dejjem għamel, il-Korp qiegħed isegwi mill-qrib kull żvilupp u ser ikun qiegħed jieħu kull deċiżjoni neċessarja meta din tkun mitluba.

Ġnien l-Għarusa tal-Mosta

Question

Tista’ l-Ministru tara li l-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta jingħata l-attenzjoni li tixraqlu mill-entitajiet responsabbli li jistgħu jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha? Dan peress li partijiet minnu jinsabu fi stat mitluq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta jaqa` taħt ir-responsabilta` tal-Kunsill Lokali tal-Mosta. Madanakollu Parks Malta wettqet proġett ta` tisbiħ f`dan il- Ġnien f`Mejju tas-sena 2019, fejn fost l-oħrajn saru xogħolijiet ta` formazzjoni ta` passaġġi ġodda, installazzjoni ta` sistemi ta` tisqija, installazzjoni ta` bankijiet u dwal ġodda u tħawwil ta` siġar. Parks Malta kompliet tassisti lill-Kunsill Lokali tal- Mosta f`dan il-Ġnien , fit-tisqija, żbir u kura oħra tas-siġar. Parks Malta, fi’ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, hija kommessa li tassisti lill-Kunsill Lokali meta jeħtieġu l-għajnuna sabiex tassigura li l-Ġonna kollha jkunu fi stat tajjeb u li jistaw ikomplu jitgawdew mill-kommunitajiet u l-pubbliku nġenerali.

Ġnien l-Għarusa tal-Mosta

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta jingħata l-attenzjoni li tixraqlu mill-entitajiet responsabbli li jistgħu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Dan peress li partijiet minnu jinsabu fi stat mitluq

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.