Jista' l-Ministru jindika kemm hemm applikanti fil-lista ta' stennija li huma persuni b’diżabilità, lone parents, persuni b’każijiet soċjali marbuta ma' vjolenza domestika, jew anzjani li jgħixu waħedhom, sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba hija skont is-segwenti tabella:-
Kategorija
Total
Diżabilita’
183
Anzjani jgħixu waħidhom
115
Każijiet Soċjali – Vjolenza Domestika
7
Single Parents
857
1162
Jista’ jgħid kemm-il applikant hemm quddiem l-Awtorità tad-Djar minħabba li qed jgħix:
a) f'dar mimlija perikli;
b) minħabba sfida ta' mobilità;
c) jgħix f'Istituzzjoni;
d) bla indirizz, minħabba li għadu ħiereġ mill-ħabs;
e) bla indirizz minħabba li qed isegwi programm ta' rijabilitazzjoni;
f) b’nuqqas ta' faċilitajiet sanitarji;
g) f’kera għolja;
h) b’eviction orders; u
i) għax għandu każijiet soċjali riferuti minn Aġenziji?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat illi preżentament hemm 691 applikant skont l-informazzjoni mitluba mill-Interpellant.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' housing estates f'Malta u Għawdex u f'liema sena nbena kull estate? Kemm huwa n-numru ta' units f'kull housing estate? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-units huma b' kera u kemm huma proprjetà tas-sidien li jgħixu fihom, maqsuma housing estate b'housing estate?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.
Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika – rapport dwar il-qasam tas-saħħa mentali
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17824 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-qasam tas-saħħa mentali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema rapport qed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sentenza ta’ probation, jew sentenza sospiża jew b’superviżjoni ġiet mogħtija tul is-sena li għaddiet fil-Qrati ta’ pajjiżna?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Qorti ta’ Malta fl-2020 kien hemm 153 sentenza sospiza mogħtija mill-Qrati tal-Maġistrati u 45 sentenzi sospiza mogħtija mill-qrati superjuri. Ma tinzammx statistika fir-rigward ta’ probation jew supervizjoni.
Fil-Qorti ta’ Għawdex kien hemm 4 sentenzi ta’ ħabs sospizi, 3 sentenzi ta’ Probation Order u sentenza ta supervizjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sentenzi li fihom kien hemm ordni ta’ Community Order tul is-sena li għaddiet fil-Qrati tagħna?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2020 fil-Qorti ta’ Malta kien hemm tmien (8) sentenzi ta’ Community Order u fil-Qorti ta’ Għawdex kien hemm sentenza waħda (1) ta’ Community Order.
Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri – Każijiet u persuni reġistrati fir-Reġistru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet u persuni reġistrati fir-reġistru taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri fil-Qorti tagħna fl-aħħar tas-sena 2020?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li sa l-aħħar tas-sena 2020 kien hemm 85 persuna reġistrata fir-Reġistru tal-Protezzjoni tal-Minuri fil-Qorti Ċivili (Sezzjoni Ġurisdizzjoni Volontarja), għalkemm hemm 86 reġistrazzjoni mniżżla fl-istess Reġistru. Dan minħabba l-fatt li persuna waħda hija reġistrata darbtejn b’żewġ sentenzi separati.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet lill-residenti li ħarġu boroż ta’ skart ħażin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat li n-numru ta’ ċitazzjonijiet minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-ligi b’rabta ma’ dak li qed jirreferi għalih kien ta’ 797.
Tista’ l-Ministru tinforma l-Kamra x’passi ttieħdu sabiex ikun hemm iktar sigurtà fis-sub-station tal-elettriku li tinsab fil-Gudja u li reċentement kien hemm nar jaqbad fuq barra tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-investigazzjoni li għamlet Enemalta, irriżulta li xi persuna/persuni mhux magħrufa taw in-nar lil xi oġġett quddiem is-substation Gudja Olive. Madanakollu, din ma affettwatx l-operat tal-Enemalta u lanqas internament ma kien hemm xi ħsarat fuq l-apparat tas-substation.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’passi qed jittieħdu sabiex il-Batterija ta’ Rihama ġewwa l-Bajja ta’ San Tumas Wied il-Għajn tiġi restawrata?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-imsemmija Batterija hi propjetà tal-Awtorità tal-Artijiet u l-amministrazzjoni tagħha mhix delegata lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala. Għalhekk din il-Mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’tip ta’ xogħol qiegħed isir fil-Bajja ta’ San Tumas Wied il-Għajn kemm ilu għaddej u meta huwa previst li jispiċċa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid tnejn mit-tliet mollijiet twal tal-Bajja ta’ San Tumas, f’Wied il-Għajn, wara li partijiet minnhom inqerdu bit-tgħawwir tal-baħar u l-maltemp matul is-snin. L-aġenzija qed tibnihom mill-ġdid permezz ta’ proġett ta’ €3 miljun bħala parti mill-impenn tagħha biex ittejjeb il-kwalità tal-infrastruttura fil-portijiet u f’żoni oħrajn mal-kosta f’Malta u Għawdex.
Iż-żewġ mollijiet twal mal-50 metru ‘l wieħed tant kienu fi stat imwiegħer li kienu qed jipperikolaw saħħet l-għawwiema, d-dilettanti tas-sajd u tad-dgħajjes u persuni oħrajn li jżuru din il-bajja popolari. Il-periti ta’ Infrastructure Malta ddisinjaw il-mollijiet il-ġodda b’mod li jkunu aktar siguri, b’materjali ta’ kwalità ogħla biex iservu aktar fit-tul.
Ix-xogħlijiet bdew f’nofs Awwissu u l-kuntratturi tal-aġenzija bħalissa qegħdin jibnu dawn il-mollijiet bi blokki tal-konkos maħduma minn qabel u strutturi oħra tal-konkos imsaħħaħ bl-azzar li jiffurmaw fuq il-post stess. Bħalma huwa l-każ ta’ kull proġett marittimu ieħor dawn ix-xogħlijiet jiddependu ħafna mit-temp u jkun hemm ġranet fejn il-kundizzjonijiet tat-temp u tal-baħar ma jippermettux li x-xogħol ikompli. F’dawn is-sitwazzjonijiet ix-xogħol ikollu jitwaqqaf sabiex tiġi mħarsa saħħet il-ħaddiema u l-ambjent marittimu tal-inħawi. Kemm-il darba t-temp jippermetti, x-xogħlijiet kollha huma skedati li jitlestew sas-sajf. Aktar tard din is-sena, wara li jitlesta x-xogħol attwali, Infrastructur Malta ser ittejjeb ukoll it-tielet moll li tħalla miftuħ għall-użu tas-sajjieda u nies oħrajn Ii jagħmlu użu miż-żona kif ukoll strutturi oħrajn fl-istess bajja, fosthom il-mollijiet u l-iskali li hemm biswit il-mollijiet il-ġodda, li wkoll jeħtieġu tiswijiet kbar.
Infrastructure Malta bħalissa qed tlesti wkoll proġett ieħor ta’ €840,000 biex tibni mill-ġdid żewġ mollijiet fiż-żona taż-Żonqor fil-Bajja ta’ Wied il-Għajn, fl-istess lokalità. Partijiet minn dawn il-mollijiet u l-mogħdijiet għall-aċċess tagħhom kienu ċedew wara li ttieklu mill-elementi u tħallew mitluqin għal żmien twil.
It-taqsima marittima ta’ Infrastructure Malta għadha kemm lestiet il-bini ta’ breakwater ġdid fil-Ponta tal-Qrejten, investiment ta’ €4 miljun biex ikennen il-Port ta’ Marsaxlokk u x-xtajtiet tal-madwar. Bħalissa qed twettaq investimenti oħrajn kbar madwar il-kosta f’Malta u Għawdex. Fuq ix-xaqliba l-oħra tal-Port ta’ Marsaxlokk, l-aġenzija qed ittejjeb il-puntuni fl-inħawi tal-Magħluq. Qed tagħmel ukoll studji preliminari biex tagħraf l-aħjar post u t-tip ta’ struttura li tista’ ssir fl-inħawi taħt Delimara, biex tkennen din in naħa tax-xatt ta’ Marsaxlokk ukoll.
Fil-ġimgħat li ġejjin ser ikun lest ukoll il-proġett ta’ €6 miljun għall-bini mill-ġdid tal-mollijiet, l-iskali u l-puntuni li jużaw is-sajjieda fil-Menqa tal-Port tal-Imġarr, Għawdex. Proġett ieħor li għaddej bħalissa huwa l-faċilitajiet ġodda għall-passiġġieri tat-trasport bil-lanċa f’Tas-Sliema u f’Bormla. Infrastructure Malta qed tagħmel ukoll tiswijiet u tibni mill-ġdid ta’ mollijiet oħrajn f’Delimara u ċ-Ċirkewwa.
Lejn l-aħħar tal-2020, l-aġenzija bdiet ukoll il-Grand Harbour Clean Air Project, investiment ta’ €49.9 miljun li jinkludi l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa biex twassal is-servizz tal-elettriku lill-vapuri tal-passiġġieri (cruise liners) u dawk li jġorru merkanzija (Ro-Ro vessels) waqt li jkunu ankrati fil-port. Dan l-investiment se jnaqqas b’aktar minn 90% t-tniġġis tal-arja li jikkaġunaw dawn il-bastimenti f’Malta.
Proġetti marittimi oħrajn jinkludu l-bini mill-ġdid tal-mollijiet fl-inħawi tat-Toqba (Sally Port), il-Birgu, kif ukoll l-introduzzjoni t’aktar faċilitajiet ġodda għall-passiġġieri tat-trasport bil-lanċa biex testendi dan il-mezz alternattiv ta’ vjaġġar lejn lokalitajiet oħrajn mal-kosta f’Malta.
Artijiet li ser jiġu esproprjati fuq talba tal-Ministeru għal Għawdex
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18109, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Site Plan immarkata għal kull biċċa art u post fejn il-Ministeru għal Għawdex talab lill-Awtorità tal-Artijiet biex jiġu esproprjati u ċjoè dawk indikati minnu fir-risposta u li huma biċċa art fix-Xagħra, biċċa art f’Kerċem, dar ir-Rabat u biċċiet ta’ art fit-Triq ta’ Marsalforn?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għall-avviż tal-Gvern Numru 87 li deher fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tat-22 ta’ Jannar 2021 fir-rigward tal-ħatra tal-Bord tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), jista’ l-Ministru jispjega għalfejn dawn il-ħatriet, li huma għal sena, saru issa diġà la huma backdated għat-13 ta’ April 2020 u terminu tal-ħatriet jiskadi ftit xhur oħra?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-avviż li deher fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern imsemmija fir-rigward tal-ħatra tal-Bord tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), kien ippublikat biss, biex jiġi retifikat żball li kien hemm fl-avviż tal-Gvern Numru 878 li deher fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tal-31 ta Lulju 2020, u li ġie nnutat riċentament.
F’dik il-ħarġa kien hemm Membru tal-Bord li kien identifikat bħala Segretarju tal-Bord meta fil-verita` din il-persuna kienet fil-fatt maħtura bħala Membru skond il-liġi li tirregola l-ħatriet fuq dan il-Bord, jiġifieri l-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur.
Xogħlijiet fuq ħitan tas-sejjiegħ fit-triq li twassal minn Kerċem għal Għadira ta’ San Raflu
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex meta tlesta x-xogħol fuq il-ħitan tas-sejjiegħ li jagħtu għal parti mit-triq li twassal minn Kerċem għal Għadira ta' San Raflu, tħallew ħafna ħsarat u ġebel fl-għelieqi privati, tant li parti mill-għelieqi ma jistgħux jinħadmu u hemm għelieqi oħra li diffiċli li wieħed jidħol għalihom? Jista' jara li dawn jitnaddfu u jiġu rranġati kif kienu qabel sar ix-xogħol fuq il-ħitan tas-sejjiegħ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sakemm qiegħda titwieġeb din il-mistoqsija, dawn l-għelieqi qegħdin jiġu ikklerjati mill-ġebel u jsiru aċċessibbli. Dan qiegħed isir skont il-pjan tax-xogħol.
Tista' l-Ministru tgħid meta beda jaħdem l-impjant il-ġdid tal-ilma li hemm f'Ħondoq ir-Rummien fil-Qala Għawdex? Tista' tgħid kemm qed jipproduċi ilma kuljum dan l-impjant? Tista' tgħid kemm kienet l-ispiża fuq dan l-impjant u jekk kienx hemm xi parti minn din l-ispiża li kienet kofinanzjata mill-fondi tal-Unjoni Ewropea?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant imsemmi wara li kien ilu iżjed minn 30 sena abbandunat, mistenni jitlesta u jibda’ jopera matul din is-sena.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-klinika ġdida tar-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid meta din ser tibda tintuża? Jista' jagħti lista ta' servizzi li hu maħsub li se jibdew jingħataw f'dan il-post minflok fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Kemm hi l-ispiża li tħallset s’issa mill-Ministeru għas-Saħħa fuq din il-klinika
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol fl-istruttura esterna kif ukoll interna tal-binja taċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid fir-Rabat Għawdex huwa lest.
Wara li t-
tender for
mechanical, electrical works and other finishes
ingħata permezz ta’ sejħa għall-akkwist pubbliku, issa jmiss l-iffirmar ta’ dan il-kuntratt sabiex għal-aħħar ta’ Frar jibdew isiru l-
finishings
neċessarji ta’ din il-binja. L-għamara kif ukoll it-tagħmir mediku ġew ordnati. Huwa mistenni li jilqa’ l-ewwel pazjenti għal-aħħar ta’ din is-sena.
Minn dan iċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid fir-Rabat Għawdex huwa maħsub li jingħataw servizzi ta’ General Practitioner, Treatment and Emergency Room Services, Diabetes Mellitus Clinics, Tissue Viability / Leg Ulcer Clinic, Blood Letting Clinic, National Immunisation Service, Point of Care, Mental Health Services u Podiatry Service.
Xogħol infrastrutturali u ta’ restawr tal-Akwedott tar-Rabat Għawdex
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17811, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji ġeoloġiċi li saru fuq l-Akwedott tar-Rabat Għawdex? Jista' jgħid min għamel dawn l-istudji u meta bdew u spiċċaw?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudji bdew fit-22 t’Ottubru 2020 u spiċċaw fit-18 ta’ Novembru 2020. Dawn l-istudji saru mit-Terracore wara sejħa pubblika.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk il-kumpaniji kollha li ngħataw Letter of Intent mill-Malta Enterprise skont kif provdut f’Artikolu 4. (2b) tal-Att dwar il-Produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u ta’ Riċerka, Kap. 578? F’kull każ, tista’ tgħid ukoll fejn hi l-faċilità li minnha kull kumpanija se tkun qed topera?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise hi koperta bil-kunfidenzjalita' imposta skont l-Artiklu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Malta Enterprise Act) u l-Artiklu 33 tal- Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Business Promotion Act) u għalhekk ma tistax telenka l-ismijiet tal-kumpaniji li huma approvati.
Tista' l-Ministru tagħti elenku ta’ grants immirati għal kumpaniji ġodda u innovattivi, speċjalment fil-qasam tat-teknoloġija u e-commerce? Kemm intużaw/ingħataw minn tali grants wara l-2017 u x’kien il-każ għal kull tali grant?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar l-iskemi amministrati mill-Malta Enterprise immirati għal kumpaniji ġodda qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.