Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta — remunerazzjoni
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 18427, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-remunerazzjoni indikata fit-tabella ppreżentata minnu fir-risposta bdietx titħallas fid-dati hemm indikati jew jekk tħallsitx b'arretrati?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma li Onorevoli Interpellant li l-valuri indikati bdew jitħallsu fid-dati indikati u mhux b’arretrati.
Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta — remunerazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk mar-remunerazzjoni indikata fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18427, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jirċeviex ukoll remunerazzjoni talli huwa membru tal-Kunsill Governattiv tal-European Central Bank (ECB), Gvernatur Alternattiv għal Malta fl-International Monetary Fund (IMF), u/jew membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA)?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jagħti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' servizzi, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dak il-konsulent s’issa u kemm huwa l-valur ta' dak il-ħlas?
Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija — konsulenti maħtura
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jagħti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' servizzi, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dak il-konsulent s’issa u kemm huwa l-valur ta' dak il-ħlas?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jagħti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tagħha mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Tista’ tgħid ukoll x'tip ta' servizzi, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dak il-konsulent s’issa u kemm huwa l-valur ta' dak il-ħlas?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Filwaqt li ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tlabt biex jinġabar it-tagħrif mitlub, kif dan it-tagħrif ikun disponibbli nkun nista' nqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni ħdejn iċ-ċimiterju tal-Mosta fi Triq Durumblat bankina tal-konkos li saret ftit ta’ żmien ilu, qed terġa’ tiġi mkissra? Jista’ jgħid ukoll meta Transport Malta ser tieħu d-deċiżjoni u tirranġa l-parti tal-bankina li tiġi quddiem l-entratura taċ-Ċimiterju tal-Mosta, peress li minn meta saret sal-lum, kull meta tagħmel ix-xita, qed ikun hemm għadira ilma li qed toħloq periklu u inkonvenjent għal min ikun dieħel iċ-ċimiterju?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.
Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn. Fil-lokalità tal-Mosta diġà saru Triq Dawret il-Wied, Triq il-Qares, Triq is-Snajja’, Triq San Pawl tal-Qliegħa, Triq tas-Sriedek, Sqaq Madre Tereża Spinelli, Triq Rużar Briffa (Żokrija), Triq Kumbu, Triq San Silvestru, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Ballata, Triq Dun Karm Schembri, Triq il-Bdoti, Triq il-Familja Cumbo, Triq it-Taħħan, Triq ta’ Venezja, Triq il-Baqqunier u Triq tal-Wej, waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq Durumblat, Triq il-Kbira, Triq Patri Ġuże Delia u Triq il-Fortizza tal-Mosta. Saru wkoll xogħlijiet fi Triq il-Fortizza u Triq il-Kostituzzjoni waqt li diġà hemm ippjanti diversi toroq oħrajn f’din il-lokalità biex isiru fiż-żmien li ġej.
Triq Durumblat hija arterja ta' 1.8 kilometri bejn Ħ’Attard, Ta’ Qali u l-Mosta, u għaldaqstant il-bini mill-ġdid tagħha qed isir f’fażijiet biex l-inkonvenjent ikun mill-inqas possibbli. Minbarra tisħieħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid b’diversi kisjiet bl-asfalt, f’din it-triq qegħdin isiru diversi xogħlijiet ta’ servizzi taħt l-art għall-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni kif ukoll dwal tat-triq ġodda.
Barra minn hekk, Infrastructure Malta qed tintroduċi bankini maż-żewġ naħat biex tiffaċilita l-konnessjonijiet bil-mixi bejn il-lokalitajiet li semmejt u biex ittejjeb ukoll l-aċċess għall-ġonna pubbliċi u l-faċilitajiet sportivi ta’ Ta’ Qali. Il-parti tal-bankina li qed issir referenza għaliha nbniet fuq livelli ġodda iżda x-xogħol fuq il-karreġġjata nnifisha għadu ma sarx u għalhekk meta din titlesta se jiġi rraġat ukoll il-livell t-triq.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18392 u jgħid kif tinqasam ir-responsabilità tal-manutenzjoni - upkeep - taċ-Ċentru Ċiviku tal-Mosta bejn l-entitajiet kollha li qed jagħmlu użu minn din il-binja? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
a. il-kuntratt li l-Lands għandha mal-Kunsill Lokali tal-Mosta;
b. il-kuntratt tal-Lands mal-Pulizija;
c. il-kuntratt tal-Lands mad-Dipartiment tas-Saħħa;
d. il-kuntratt tal-Lands mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali; u
e. jekk hemm xi kuntratt ieħor ma' xi entità oħra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin: Regolamenti tal-Ħabs
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-priġunieri jingħatawx kopja tar-Regolamenti dwar il-Ħabs meta huma jidħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li kull persuna li tiġi ammessa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tingħata ktejjeb bir-regolamenti biex ikun gwidat kemm jekk ikun għadu arrestat u kemm jekk ikun issentenzjat.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin: Konsultazzjoni mal-Priġunieri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-priġunieri fil-prattika jingħatawx opportunità sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar kif jistgħu jitmexxew aħjar l-affarijiet fil-Faċilità u kif huma jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-prigunieri għandhom il-liberta’ kollha biex jikkomunikaw mall-Monitoring Board tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u hemm jistgħu jressqu kemm ilmenti kif ukoll suġġerimenti.
Ninsab infurmat ukoll li l-amministrazzjoni tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin iżżur id-Diviżjonijiet kollha b’mod regolari u jkun hemm il-possibilta’ li anke hawn iressqu s-suġġerimenti tagħhom.
Inżid ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm ukoll il-possibilita’ li wieħed jikteb u jagħmel suġġeriment lill-Bord ta’ Governanza tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Tista’ l-Ministru tindika kemm ġiet l-ispiża totali għas-sena skolastika (2018 -2019) minħabba li studenti m’attendewx l-iskola mingħajr ebda raġuni valida?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant jikkjarifika eżatt ir-rikjesta tiegħu.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ Ċentri ta’ Matul il-Jum li għandna mwaqqfa f’pajjiżna? Kemm minnhom kienu mwaqqfa f’dawn l-aħħar seba’ snin u fejn twaqqfu? X’inhi l-allokazzjoni finanzjarja globali sabiex jiġi operat dan is-servizz?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Aġenzija Sapport tmexxi 12-il-Ċentru ta’ Matul il-Jum (11 f’Malta u 1 f’Għawdex).
Fl-aħħar seba’ snin twaqqfu dawn iċ-Ċentri:
§ Għajnsielem Learning Hub - Għawdex, 2015
§ Skills Space – Sliema, 2017
§ Baħar iċ-Ċagħaq, 2020
L-ispiża globali finanzjarja sabiex Aġenzija Sapport topera dawn iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum hi ta’ madwar €10.3 miljun fis-sena. Dan minbarra spejjeż oħra ta’ madwar €250,000 fis-sena bħala spiża kapitali fuq għamara, apparat, proġetti ta’ ristrutturar u infrastruttura teknoloġika.
Bdil ta’ Karta tal-Identità ta’ persuna ’l fuq minn 75 sena
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura sabiex anzjana li għalqet 75 sena u ma tistax toħroġ mid-dar minħabba raġunijiet mediċi, tibdel il-karta tal-identità (ID card)?
Response (CAMILLERI, BYRON)
It-Taqsima tal-Karta tal-Identità toffri Housebound Service lill-persuni li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux joħorġu mid-dar u għandhom b¿onn jibdlu l-karta tal-identità. Hawn fejn uffiċjali tat-taqsima jżuru lill-klijent fid-dar tiegħu jew tagħha, u jaqduh hemmhekk.
Madanakollu, minħabba l-pandemija dan is-servizz bħalissa huwa sospiż u qed isiru arranġamenti oħra. Għaldaqstant persuni li għal raġuni jew oħra ma jistgħux joħorġu minn djarhom sabiex jibdlu l-karta tal-identità għandhom jagħmlu kuntatt mat-taqsima u jkunu ggwidati dwar dak li għandhom jagħmlu.
In-Naxxar – Triq Vjal il-21 ta’ Settembru – xogħlijiet ħdejn il-Playingfield
Question
Jista’ l-Ministru jikkonsidra li minkejja li mhix imniżżla mat-toroq li l-Gvern ħa jagħmel fin-Naxxar, tista’ tiġi rranġata dik il-parti ta' Vjal il-21 ta' Settembru ġewwa n-Naxxar biswit il-playing field peress li tinsab f'kundizzjoni ħażina minkejja li hija waħda mit-toroq prinċipali tan-Naxxar u waħda mill-iktar toroq traffikużi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.
Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn. Fil-lokalità tan-Naxxar diġà bniet mill-ġdid Triq il-Kappella ta’ San Mikiel, Triq ix-Xbieki, Triq John Adye, Triq San Franġisk t’Assisi u Triq San Pawl. Bħalissa qegħdin isiru Triq il-Forġa, Triq il-Fortizza tal-Mosta u triq bla isem fi Vjal il-Labour. Toroq oħrajn f’din il-lokalità li diġà huma ppjanti biex jinbnew mill-ġdid fiż-żmien li ġej jinkludu Triq il-Ġdida, Triq il-Magħtab, Triq Leli Falzon, Triq Ġdida fi Triq tat-Tarġa u Triq Santa Klara.
Waqt li t-triq indikata wkoll hija ppjanata biex isirilha titjib fiż-żmien li ġej, Infrastructure Malta diġà għamlet ukoll xogħlijiet f’diversi toroq oħrajn fin-Naxxar. Dawn kienu jinkludu xogħol fit-Telgha ta’ Alla u Ommu, Triq Wied Filep, Triq Santa Fawstina ta’ Kowalska, Triq Tal-Balal, roundabout junction ġdida fi Vjal il-Labour, kif ukoll titjib fir-roundabout junction bejn Triq il-Parroċċa u Triq San Pawl fost oħrajn. Sar ukoll titjib kbir fit-toroq ewlenin tal-inħawi bejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, l-Iklin u n-Naxxar, filwaqt li nbena parkeġġ ġdid ħdejn ir-Riserva Naturali tas-Salina.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li l-outdoor gym f’Ta’ Qali nqala’ minn postu fl-aħħar ġranet?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-outdoor gym f’Ta’ Qali ġie maqlugħ fl-aħħar ġranet minħabba li ser jiġi rinovat b’apparat ġdid. Apparti hekk qed tiġi rinovata wkoll l-art tal-istess outdoor gym u l-art tal-mini pitch li jinsab fl-istess akwata.
B’referenza għall-fatt li x-shooting range f’Ta Kandja ġie stmat €13-il miljun minflok is-€7 miljun li ġie stmat u b’referenza għar-rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur li sab li rapport ta’ The Shift News kien korrett jiġifieri li 59% tax-xogħlijiet kienu mogħtija mingħajr approvazzjoni u b’referenza għall-fatt li l-Ministru stqarret li mhemmx responsabilità politika x’tinġarr, tista’ l-Ministru tgħid min se jġorr ir-responsabilità ta’ dan il-mismanagement gross ta’ fondi pubbliċi?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li jiena infurmata li l-proġett tax-Shooting Range fl-ebda mument ma kellu stima uffċjali ta’ €7 miljun. Filfatt l-istimi li ġew ikkummissjonati minn SportMalta, saru fuq ix-xogħol tal-kostruzzjoni li kellha b¿onn ix-shooting range. Dawn saru b’mod indipendenti, u ċioe mill-uffiċjali tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura l-Proġetti Kapitali u jkopru 51% tan-nefqa totali fuq ix-Shooting Range (u ċioe €5 miljuni esklu¿ il-VAT). L-istima tgħid li n-nefqa totali mistennija fuq dawn il-kuntratti kellha tkun ta’ €5,328,295 (eskluz il-VAT), meta fil-verità, il-kuntratti kellhom valur ta’ €5,050,894 (eskluz il-VAT) u ċioe nefqa attwali ta’ €277,400 inqas milli stmat. Dan ifisser li mhux talli ma kien hemm l-ebda mismanagement ta’ fondi pubbliċi, anzi x-shooting range ġiet irħas milli ġiet stmata.
M’huwiex korrett lanqas l-Onorevoli interpellant meta jgħid li x-Shooting Range ġiet tiswa €13-il miljun, meta huwa r-rapport tal-Awditur Ġenerali stess li jikkonferma li x-shooting range ġiet tiswa €11-il miljun (inklu¿ il-VAT).
Lanqas huwa korrett l-Onorevoli interpellant meta jgħid li 59% tax-xogħol sar mingħajr approvazzjoni u dan ukoll joħroġ mir-Rapport tal-Awditur Ġenerali. Anzi r-rapport tal-Awditur Ġenerali jikkonferma li l-proċess tal-procurement kien kollu approvat mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-istruttura preżenti li tirregola u topera l-isport f’Għawdex lil hinn mill-entitajiet nazzjonali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li d-Direttorat tas-Servizzi għal Għawdex li taħtu jaqa’ l-isports jaħdem id f’id ma’ Sport Malta, filwaqt li organizazzjonijiet sportivi huma affiljati mal-Assoċazzjonijiet Nazzjonali Maltin.
Bordijiet, Kumitati u konsulenti sportivi għal Għawdex maħtura mill-Gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’bordijiet, kumitati u konsulenti sportivi għal Għawdex ħatar il-Gvern mill-2013 'l hawn? Jista' jgħid min huma l-persuni maħtura u x-inhu l-pakkett finanzjarju tagħhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mis-sena 2013 l’hawn, il-Ministeru għal Għawdex ħatar l-iSports Bord. Il-Persuni maħtura huma kif jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra. Nixtieq nirrimarka li l-membri maħtura tal-Gozo Sports Board huma bla remunerazzjoni.
Attachments:PQ18966 Bordijiet, Kumitati u konsulenti sportivi għal Għawdex maħtura mill-Gvern.pdf