Legislature:
Category:
Reset
Active:

Environmental Rangers – kundizzjonijiet tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol (pagi inklużi)li għandhom illum l-Environmental Rangers f’pajjiżna?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni ngaġġati sabiex jagħmlu xogħol ta’ Environmental Rangers huma Uffiċjali Pubbliċi u għaldaqstant il-kundizzjonijiet tagħhom huma dawk stabbiliti fil-Public Service Management Code. Kif anke kienet tindika s-sejħa pubblika li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern tal-10 ta’ Lulju 2020, il-paga ta’ dawn l-uffiċjali tibda minn Skala 16 tal-iskali ta’ salarju tas-Servizz Pubbliku u, jekk persuna tkun qdiet dmirha b’mod sodisfaċenti, din tavvanza għal skala 15 wara ħames (5) snin u għal skala 14 wara għaxar (10) snin servizz fil-grad.
Leg 13 PQ #18783 Sitting 426 2021-02-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Mitħna tax-Xewkija – nefqa fuq restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali fuq ir-restawr tal-Mitħna tax-Xewkija? Jista’ jgħid minn din in-nefqa kemm minnhom kienu minn fondi Ewropej? Jista’ jgħid x’inhuma l-ġranet u ħinijiet tal-ftuħ ta’ din il-Mitħna għall-pubbliku? Jisa’ jgħid f’idejn min ġie fdat l-amministrazzjoni ta’ dan is-sit? Jista’ jgħid jekk id-dħul fil-Mitħna hux b’xejn?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa totali fuq ir-restawr tal-Mitħna tax-Xewkija kien ta’ €454,463.82, li minnhom €267,502.66 kienu minn fondi Ewropej. Id-dħul fil-Mitħna se jkun b’xejn.
Leg 13 PQ #18788 Sitting 426 2021-02-09 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Advisory Cost Limit għal tweġibiet ta’ mistoqsijiet parlamentari

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'inhu l-limitu massimu ta' infiq fuq spejjeż (advisory cost limit) biex jiġu mwieġba mistoqsijiet parlamentari? Kif u meta ġie stabbilit u ppubblikat dan il-limitu u minn min u meta l-aħħar li ġie rivedut?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-rulings li ngħataw mis-Sedja fis-Seduti 365 tas-7 ta’ Marzu 2016 u 419 tal-25 ta’Jannar 2021.

Qorti tal-Appell (L-Ewwel Sezzjoni) – kawżi pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell (L-Ewwel Sezzjoni)?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor Interpellant li quddiem l-Ewwel Sessjoni tal-Qorti tal-Appell hemm 1211 appell pendenti. Ninsab infurmat illi kull appell li jidħol jiġi assenjat lill-Ewwel Sezzjoni u huwa meta l-appell ikun ser jiġi appuntat li jiġi assenjat lil dik is-Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell li tkun ser tisimghu. Tajjeb ukoll illi jingħad illi 19-il appell oħra huma pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell komposta minn Imħallfin oħra li normalment ma jiffurmawx parti mit-tliet Sezzjonijiet tal-Qorti tal-Appell u dan peress li jkunu ġew surrogati minflok Imħallfin tal-Appell li astjenew milli jkomplu jisimgħu tali appelli.

Qorti tal-Appell (L-Ewwel Sezzjoni) – appelli assenjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il appell ġie assenjat li jinstema' mill-Qorti tal-Appell (L-Ewwel Sezzjoni) minħabba li prima facie deher li huwa ta' natura komplessa jew komplikata jew li kien jeħtieġ trattazzjoni li teħtieġ aktar minn seduta waħda?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar kemm-il appell jiġi assenjat biex jinstema' mill-Qorti tal-Appell (L-Ewwel Sezzjoni) minħabba li prima facie jidher li jkun ta' natura komplessa jew komplikata jew li kien jeħtieġ trattazzjoni li teħtieġ aktar minn seduta waħda.

Qorti – persuni kkundanati dwar ksur ta’ bon ordni

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena, mis-sena 2010 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna ġiet ikkundannata dwar ksur tal-bon ordni fil-Qorti skont dak li jipprovdi l-artikolu 990 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap 12 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid għal liema piena ġiet ikkundannata kull persuna?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li meta fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex ikun hemm persuni akkużati bi ksur tal bon ordni fil-Qorti dawn il-kawżi jiġu prezentati bħala kawżi tad-Distrett u għalhekk ma jkollniex records ta’ dawn il-kawżi partikolari.

Rikorsi preżentati fuq l-ispejjez ġudizzjarji li jkunu ġew intaxxati jew likwidati mir-reġistratur

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2010 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il rikors ġie ppreżentat sabiex jattakka l-ispejjeż ġudizzjarji li jkunu ġew intaxxati u likwidati mir-reġistratur skont dak li jipprovdi l-artikolu 64 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap 12 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn ir-rikorsi ġew milqugħa u kemm ġew miċħuda?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 2 tabelli li juru, kemm-il rikors ġie ppreżentat sabiex jattakka l-ispejje¿ ġudizzjarji li jkunu ġew intaxxati u likwidati mir-reġistratur skont dak li jipprovdi l-artikolu 64 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap 12 tal-Liġijiet ta' Malta) mis-sena 2010 sat-2 ta’ Frar, 2021 . F’din it-tabella qed ikun indikat wkoll kemm minn dawn ir-rikorsi ġew milqugħa u kemm ġew miċħuda.

Fomm ir-Riħ – konċessjoni rigward il-bajja u l-madwar

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi kopji ta' kull kuntratt ta’ bejgħ/ċens/kera/encroachment u/jew konċessjoni oħra li hemm rigward il-Bajja ta’ Fomm ir-Riħ u d-dintorni sa żona ta’ elf metru kwadru madwar il-bajja? Jista' jispeċifika x'passi ħa tieħu l-Awtorità tal-Artijiet sabiex ikunu mħarsa d-dritt ta’ passaġġ u aċċess għall-bajja għall-pubbliku u dan skont l-obbligi naxxenti mill-Kodiċi Ċivili peress li l-bajja hi fid-demanju pubbliku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Infakkar l-Onorevoli Interpellant li l-Awtoritá tal-Artijiet taqa' taħt ir-responsabbiltà ta’ Ministeru ieħor u b’hekk huwa mitlub jirreferi d-domandi tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Infakkru ukoll li l-Gvern ikkommetta li mhux se jċedi d-dritt għal aċċess għall-bajja.

Tapering of Benefits Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18605 u jgħid kemm kien hemm persuni li bbenefikaw mit-Tapering of Benefits Scheme mill-2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid ukoll: (1) kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel? (2) kemm kienu full time u kemm parti time? F'din l-iskema x'inhi d-differenza? (3) kemm hemm persuni li daħlu fl-iskema fl-2016 u baqgħu fl-iskema sal-2020? Kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel? (4) kemm kien hemm nisa li qalbu minn xogħol part-time għal xogħol full time taħt l-iskema tat-Tapering of Benefits?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, t-tabella ta’ hawn taħt twieġeb il-mistoqsijiet ta’ kemm bbenefikaw mill-iskema ta’ Tapering ta’ Benefiċċji mis-sena 2014 sa Jannar tas-sena 2021 u kif ukoll kemm minnhom kienu nisa’ u kemm irġiel: Sena Irġiel Nisa Total 2014 307 281 588 2015 752 1,349 2,101 2016 988 2,072 3,060 2017 1,102 2,499 3,601 2018 891 2,583 3,474 2019 600 2,108 2,708 2020 358 1,647 2,005 2021 162 942 1,104 Fir-rigward tal-mistoqsija dwar kemm minnhom kienu full-time jew part-time, it-tabella t’hawn taħt tirreferi għal dawk li bdew jaħdmu part-time. Dawk f’impjieg full-time jammontaw għad-differenza (bejn t-total kwotati fit-tabella t’hawn fuq, u l-istatisika ta’ kemm hemm f’impjieg part time). Fl-2014, il-benefiċċjarji kollha, kienu f’impjieg full-time. Sena Part-Timers 2015 251 2016 609 2017 605 2018 593 2019 500 2020 330 2021 168 Fl-skema tat-Tapering tal-Benefiċċji ir-rati li jitħallsu ma jagħmlux distinzjoni bejn min jaħdem full-time jew part-time ‘l għaliex ir-rata titħallas permezz ta’ persentaġġ mir-rata ta’ benefiċċju soċjali. Barra minn hekk, din l-iskema tħalli biss lill-ommijiet xebbiet (single mothers) jibbenefikaw waqt li ikunu f’impjieg part-time (hekk kif kull benefiċċjarju eleġġibbli ieħor irid ikun bilfors f’impjieg full-time sabiex jibbenefika mit-tapering). Fir-rigward tal-mistoqsija numru 3, ninforma lill-Onor. Interpellanta li, l-ewwel studju ta’ kemm persuni baqgħu jaħdmu wara li għaddielhom it-3 snin perijodu ta’ ħlas tat-Tapering tal-benefiċċji, sar fis-sena 2018 u dan sabiex ikunu għaddew l-ewwel 3 snin ta’ ħlas. Dan l-istudju kien wera illi bejn 80% u 85% tal-benefiċċjarji baqgħu fid-dinja tax-xogħol anke wara li waqaf il-ħlas tat-Tapering tal-Benefiċċji. Studju ieħor ser ikun qiegħed jerġa jsir matul is-sena 2021 sabiex tingħata l-possibilità li jgħaddi perijodu ieħor ta’ 3 snin ta’ ħlas. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, ir-raba mistoqsija tagħha ma’ tistax tiġi mwieġba ‘l għaliex il-ħlas tat-Tapering tal-Benefiċċji huwa bbażat fuq persentaġġ ta’ 65% tal-benefiċċju soċjali fl-ewwel sena, 45% tal-benefiċċju soċjali fit-tieni sena u 25% tal-benefiċċju soċjali fit-tielet sena. L-employer jitħallas 25% tal-benefiċċju soċjali għal perijodu ta’ 3 snin f’każ ta’ full-time u 12.5% f’każ ta’ part-time.

Home Study Report – familji li ma komplewx

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm familji li ma komplewx biex jibdew il-Home Study Report f’dawn is-snin: a. Next of Kin: 2017 – 2018 – 2019 – 2020; b. Mhux Next of Kin: 2017 – 2018 – 2019 – 2020.?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-għadd ta’ individwi li ma komplewx bil-Home Study Report wara li avviċinaw lis-Servizz tal-Fostering fi ħdan id-Direttorat għall-Kura (Ħarsien) Alternattiv, taħt il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) kien kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt. Persuni li ma komplewx bil-Home Study Report tal-Fostering 2017 Ma jiġux minnhom (non-related) Jiġu Minnhom (Next of kin) 8 6 2018 Ma jiġux minnhom (non-related) Jiġu Minnhom (Next of kin) 16 8 2019 Ma jiġux minnhom (non-related) Jiġu Minnhom (Next of kin) 9 0 2020 Ma jiġux minnhom (non-related) Jiġu Minnhom (Next of kin) 8 1

Home Study Reports

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru Home Study Reports f’dawn is-snin: a. Next of Kin: 2017 – 2018 – 2019 – 2020; b. Mhux Next of Kin: 2017 – 2018 – 2019 – 2020?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ Home Study Reports li saru wara li persuni interessati avviċinaw lis-Servizz tal-Fostering fi ħdan id-Direttorat għall-Kura (Ħarsien) Alternattiv, taħt il-Fondazzjoni għas-Servizzi għal Ħarsien Soċjali (FSWS) kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Persuni li komplew bil-Home Study Report tal-Fostering 2017 Ma jiġux minnhom (non-related) Jiġu Minnhom (Next of kin) 11 5 2018 Ma jiġux minnhom (non-related) Jiġu Minnhom (Next of kin) 20 11 2019 Ma jiġux minnhom (non-related) Jiġu Minnhom (Next of kin) 12 12 2020 Ma jiġux minnhom (non-related) Jiġu Minnhom (Next of kin) 21 8

Foster Carers Approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew approvati foster carers f’dawn is-snin: a. Next of Kin: 2017 – 2018 – 2019 – 2020; b. Mhux Next of Kin: 2017 – 2018 – 2019 – 2020?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-foster carers approvati mill-Bord rispettiv kostitwit ai termini ta’ Kap 602 tal-Liġijiet ta’ Malta huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Persuni li ġew approvati bħala Foster Carers 2017 Ma jiġux minnhom (non-related) Jiġu Minnhom (Next of kin) 10 6 2018 Ma jiġux minnhom (non-related) Jiġu Minnhom (Next of kin) 19 10 2019 Ma jiġux minnhom (non-related) Jiġu Minnhom (Next of kin) 11 10 2020 Ma jiġux minnhom (non-related) Jiġu Minnhom (Next of kin) 20 8

Foster Carers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm foster carers ġodda li kienu approvati u li laqgħu għandhom tfal biex jitrabbew taħt il-kura tagħhom. a. Next of Kin: 2017 – 2018 – 2019 – 2020; b. Mhux Next of Kin: 2017 – 2018 – 2019 – 2020 ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraff lill-Onor. Interpellant li l-foster carers approvati mill-Bord rispettiv kostitwit ai termini ta’ Kap 602 tal-Liġijiet ta’ Malta u li laqgħu għandhom tfal skont id-dispożizzjonijiet relattivi tal-istess att huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Persuni li ġew approvati bħala Foster Carers u li laqgħu tfal 2017 Ma jiġux minnhom (non-related) Jiġu Minnhom (Next of kin) 9 6 2018 Ma jiġux minnhom (non-related) Jiġu Minnhom (Next of kin) 15 11 2019 Ma jiġux minnhom (non-related) Jiġu Minnhom (Next of kin) 10 10 2020 Ma jiġux minnhom (non-related) Jiġu Minnhom (Next of kin) 12 7

Tfal li reġgħu lura mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li marru lura mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom wara li kienu qed jittrabbew ma’ Foster Carers matul dawn is-snin: 2013 – 2014 – 2015 – 2016 – 2017 – 2018 – 2019 – 2020 u 2021 sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnhu, bdiet tinġabar mill-2017 ’il quddiem. Għaldaqstant, it-tagħrif mitlub huwa kif jidher fil-tabella t’hawn taħt. Minuri li marru lura mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom Sena Numru ta’ Minuri 2017 16 2018 12 2019 12 2020 10 2021 1

Tfal li ma baqgħux mal-foster carers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li ma baqgħux jiġu mrobbija mill-foster carers tagħhom, li ma marrux lura id-dar mal-familji bijoloġiċi tagħhom imma tpoġġew ġo djar residenzjali tat-tfal matul dawn is-snin: 2013 – 2014 – 2015 – 2016 – 2017 – 2018 – 2019 – 2020 u 2021 sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnhu, bdiet tinġabar mill-2017 ’il quddiem. Għaldaqstant, it-tagħrif mitlub minnu huwa kif jidher fil-tabella t’hawn taħt. Minuri li ma baqgħux fil-fostering u marru fi djar residenzjali Sena Numru ta’ Minuri 2017 2 2018 6 2019 5 2020 5 2021 0
Leg 13 PQ #18892 Sitting 426 2021-02-09 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Il-Menqa – ftuħ ta’ Latrina

Question

Jista' l-Ministru jara li l-latrina fil-Menqa titlesta u tinfetaħ mingħajr aktar dewmien?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-disinji ta’ din il-latrina tlestew u x-xogħlijiet se jkunu qegħdin jibdew fil-jiem li ġejjin.
Leg 13 PQ #18893 Sitting 426 2021-02-09 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Wied l-Infern – ħitan tas-sejjiegħ

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ħitan imġarrfa kemm tas-sejjiegħ kif ukoll tal-kantun li hemm f'Wied l-Infern jerġgħu jinbnew mill-ġdid?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-ħitan li qegħdin iżommu l-ħamrija u li huma fi stat ħażin, se jkunu qegħdin jinbnew mill-ġdid meta jitnaddaf l-istess wied.

Rural Policy and Design Guidance 2020

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 17218 fis-seduta tas-17 ta' Novembru 2020, jista' l-Ministru jgħid meta ser jiġi konkluż l-analiżi tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar is-sottomissjonijiet tal-pubbliku wara l-ewwel abbozz tar-Rural Policy and Design Guidance u meta ser issir il-konsultazzjoni pubblika finali? Ngħid sew illi l-proċess ta' reviżjoni ta' din il-policy jinsab wieqaf?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-proċess ta’ reviżjoni tar-Rural Policy and Design Guidance 2020 qatt ma’ waqaf. Wara l-ewwel abbozz, l-analiżi tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar is-sottomissjonijiet tal-pubbliku ġie konkluż u qed jiġu ppreparati emendi għall-abbozz biex jindirizzaw punti mqajjma mill-pubbliku.