Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xiri ta’ Charging Points ta’ Karozzi elettriċi – terms of reference

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika t-terms of reference kif ukoll kopja tal-kuntratt li nħareġ għax-xiri u installar taċ-charging points għall-karozzi elettriċi li qed jiġu installati?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.

Xiri ta’ Charging Points ta’ Karozzi elettriċi – terms of reference

Question

Tista’ l-Ministru tippubblika t-terms of reference kif ukoll kopja tal-kuntratt li nħareġ għax-xiri u installar taċ-charging points għall-karozzi elettriċi li qed jiġu installati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kopja tal-kuntratt qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Charging Points – ftehim mal-kumpanija

Question

Tista’ l-Ministru tippubblika l-ftehim li ġie ffirmat mal-kumpanija li ser tkun qed tamministra dawn iċ-charging points? Tista’ tgħid meta ħa tibda topera l-kumpanija li ħadet il-concession u x’prezzijiet ħa tkun qed toffri? Dawn il-prezzijiet ħa jiġu offruti bħala pay as you go jew fuq bażi ta’ abbonament? Ser ikun hemm rati differenti bejn fast charge u AC?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f'xi seduta oħra.

Installazzjoni ta’ Charging Points

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew installati charging points ġodda s’issa u fejn ġew installati? Meta ser ikunu installati ċ-charging points kollha u fejn huma l-postijiet fejn ser jiġu installati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa ġew installati 11-il charging pillar ġdid. Ic-charging pillars mistennija jkomplu jiġu nstallati matul din is-sena. Preżentament għaddejin diskussjonijiet mal-entitajiet konċernati biex ikunu determinati postijiet strateġiċi fejn jiġu nstallati dawn ic-charging pillars madwar Malta u Għawdex.

Żoni Industrijali tal-Ħandaq u Mosta — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li ssir il-ħidma ta’ tindif u manutenzjoni kemm fiż-Żona Industrijali tal-Ħandaq fejn hemm bankini mkissra u skart x’jinġabar, kif ukoll fiż-Żona Industrijali ta’ Tarġa Gap fil-Mosta fejn hemm ħtieġa ta’ tindif?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din id-domanda ghandha tigi imwiegba mill-Ministru ikkoncernat.

Għajnuna lil tal-coaches, trainsu passenger boats

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18776 li oriġinarjament saret lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jikkunsidra jgħin lil tal-coaches, trains u tal-passenger boats għaliex dawn ma ngħataw l-ebda għajnuna u ilhom fuq sena weqfin? Jista’ l-gvern jgħin ukoll lil dan is-settur kif għen lill-bars u setturi oħrajn? Minbarra loans u spejjeż ta’ manteniment u pagi li dawn qed joħorġu l-flus għalihom mingħajr ebda dħul, dawn issa qed jintalbu jħallsu l-liċenzja in full minn Transport Malta, meta dawn ma ħadmux u ma ngħataw ebda għajnuna? Jaħsibx li qed issir diskirminazzjoni kontra dan is-settur?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18775 tas-Seduta 425.

LESA

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar ħaddiema tal-LESA peress li jidher li hemm xi salarji li ma tħallsux u li qegħdin b’lura u peress li jidher ukoll li hemm problemi interni li jinkludu xi akkużi ta’ flus li għebu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor Interpellant li s-salarji tal-Aġenzija LESA jitħallsu kull erbgħa (4) ġimgħat, mal-pay-dates tal-ħaddiema taċ-ċivil, bl-aħħar salarju maħruġ fis-27 ta’ Jannar, u li jmiss, ser joħrog fl-24 ta’ Frar. Dan jinkludi is-salarji tal-ħaddiema kollha tal-aġenzija. Kull salarju jkun jinkludi l-overtime u allowances dovuti lill-ħaddiema, li jithallas b’erbgħa ġimgħat b’lura. Ma hemm l-ebda impjegat li, b’xi mod ieħor ma tħallasx, għandu xi salarju lura, jew ma ħax dak li huwa dovut lilu, skont il-proċeduri imsemmija. Nigbed l-attenzjoni li ma hemm l-ebda problema interna li tinkludi xi akkuzi ta’ xi flus li għebu.

Koppji li jużaw is-servizzi ta’ counselling

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18939 u 18612 u jgħid kemm hemm koppji miżżewġin, f’unjoni ċivili u f’koabitazzjoni li qed jużaw servizzi ta’ counselling offruti mill-Gvern?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, t-tagħrif mitlub minnha, dwar kemm individwi qed jużaw servizzi ta’ Counselling, offruti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali (FSWS), tinsab fit-tabella annessa. Status Numru ta’ Każijiet Żwieġ Annulat 2 Co-abitanti 13 Divorzjati 3 Miżżewġin 140 Separati 33 Single 202 Romol 6 Total 399

Testijiet tad-demm lill-anzjani u persuni b'diżabilità fi djarhom

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru testijiet tad-demm għall-anzjani u l-persuni b’diżabilità li jgħixu fid-djarhom u li minħabba xi problem ta’ saħħa ma jkunux jistgħu joħorġu minn darhom f’dawn l-aħħar sentejn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Carers għall-persuni b'nuqqas ta' saħħa mentali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx lista ta’ carers li jieħdu ħsieb persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jgħixu fil-komunità? Jek iva, qegħdin jingħataw korsijiet ta’ taħriġ biex iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod sodisfaċenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għandna careworkers li jassistu professjonisti li jaħdmu ma' persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jgħixu fil-kommunita’. Dawn il-careworkers jaħdmu taħt superviżjoni. Apparti minn hekk, b’mod regolari dawn il-careworkers jiġu mistiedna u jkollhom opportunitajiet biex jattendu sessjonijiet ta’ Continuous Professional Development (CPD) kull xahar, u jattendu seminars u konferenzi, flimkien ma’ professjonisti oħra. Bħala taħriġ, il-carewokers għandhom induction training minn professjonisti meta dawn jibdew jaħdmu fil-komunita', numru ta' careworkers ikollhom taħriġ biex imexxu sessjonijiet individwali, kif ukoll fi grupp, taħriġ u sessjonijiet ta' Telehealth waqt il-pandemija u dan l-aħħar attendew taħriġ ta' Mental Health First Aid offrut online mir-Richmond Foundation.

Każijiet ta' Abbuż sesswali fuq it-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sentenza tista’ tingħata mill-qrati f’każijiet ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal? Hemm il-ħsieb li jiġu introdotti livelli ta’ pieni ogħla sabiex jiġu protetti l-vittmi tfal?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Onorevoli Interpellant japprezza illi l-mistoqsija in kwistjoni hija waħda relattivament vaga minħabba li hemm diversi forom ta’ abbuzi sesswali fuq tfal. Jekk wieħed jieħu r-reat ta’ korruzzjoni ta’ minorenni fl-inqas forma tiegħu, il-piena stabilita hija dik ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn tlett snin, jiġifieri tista tibda minn ġurnata priġunerija u togħla sa tlett snin. F’kaz illi reat hu wieħed ta’ stupru li hu ferm iktar gravi, il-piena tista tvarja bejn sebà snin u għoxrin sena f’każ li l-ġudikant iħoss li ċ-ċirkostanzi aggravanti marbuta mal-kaz għandhom iżiedu l-piena bi grad. Din tista wkoll tvarja għal bejn tmien snin u tletin sena jekk il-ġudikant iħoss li l-piena għandha tizdied b’żewġ gradi. Dwar jekk hemmx il-ħsieb li jiġu introdotti livelli ta’ pieni ogħla sabiex jiġu protetti l-vittmi tfal, nissuġġerixxi l-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-ministeru konċernat. Żgur li jekk ikun hemm dibattitu f’dan is-sens l-entitajiet li huma parti mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi jkunu jistgħu jikkontribwixxu fid-dawl tal-expertise li għandhom.

Frontliners li rrifjutaw il-vaċċin tal-Covid-19

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu l-persentaġġ ta' front liners li ġew offruti l-Covid-19 Vacine u rrifjutawh? JIsta' jagħti in l-informazzjoni skont il-grad tagħhom, eżempju tobba, nurses, physiotherapists, carers eċċ.?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn dawk eliġibbli, 91 % ta’ frontliners mediċi aċċettaw u filfatt ħadu l-vaċċin tal-Covid 19. Hemm diversi frontliners li ma ħadux dan il-vaċċin minħabba raġunijiet mediċi u oħrajn li għadhom ma kkonfermawx jekk hux se jkunu qed jieħdu dan il-vaċċin.

Frontliners li mhux ħa jieħdu l-vaċċin tal-Covid-19

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'ħa tkun il-policy tal-Gvern rigward il-frontliners li rrifjutaw li jieħdu l-vaċċin tal-Covid-19? Dawn xorta ħa jitħallew jibqgħu b'kuntatt dirett mal-pazjenti jew ma residenti fi djar tal-anzjani sew dawk tal-Gvern kif ukoll dawk tal-privat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-gvern qiegħed joffri it-tilqima kontra l-COVID-19 fuq bażi volontarja, inkluż għall-professjonisti tas-saħħa inkluż dawk li jaħdmu mal-pazjenti jew ma residenti fi djar tal-anzjani . Huwa ta’ sodisfazzjoni li l-maġġoranza l-kbira ta dawn il-professjonisti diġa ġew biex jitlaqqmu. Dawk li s’issa ma tlaqqmux ovvjament se jkomplu jaħdmu bħal qabel għaliex il-protokolli ta infection control huwa effettivi biex jevitaw tixrid tal-infezzjoni. Madanakollu l-opportunita’ tibqa hemm għalihom biex jieħdu t-tilqima.
Leg 13 PQ #18301 Sitting 426 2021-02-09 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Persuni sidien ta’ djarhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li huma sidien ta' djarhom? Kemm minnhom għadhom iħallsu l-loan tal-bank?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont Statistika dwar id-Dħul u Kundizzjonijiet tal-Ħajja tal-2019 (EU-SILC), in-numru ta’ sidien ta’ djarhom li jgħixu fi djar privati (private householders), huwa stimat li kien ta’ 151,260 fl-2019. Minnhom, 38,786 kienu għadhom iħallsu l-loan tal-bank.

Care orders maħruġa

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm inħarġu care orders f’dawn l-aħħar tliet snin u kemm minnhom huma relatati ma’ ġenituri bil-vizzju tad-droga?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ care orders li saru fl-aħħar 3 snin b’ rabta ma’ abbuż mid-droga mill-ġenituri bijoloġiċi kien kif ġej: Sena Numru ta' Care Orders Numru ta' Care Orders b'rabta ma' abbuż mid-droga mill-ġenituri bijoloġiċi 2018 50 11 2019 39 20 2020 15 1

Marsaskala – persuni reġistrati mal-KNPD

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26154 tat-tnax-il leġislatura, tista’ l-Ministru tindika fil-preżent kemm hemm persuni reġistrati mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (KNPD) fil-lokalità ta’ Marsaskala?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont Artikolu 31 tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, l-istatistika relatata mal-persuni b’diżabilità għandha tinġabar b’mod li tippreserva d-dritt ta’ privatezza tal-persuni b’diżabilità u għandha tintuża biex tiġi assessjajta l-implimentazzjoni tal-istess Konvenzjoni. Dan l-irwol huwa esklussiv għall-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità ai termini ta’ Artikolu 22(1)(s) tal-Att Dwar Opportunitajiet Indaqs għal Persuni b’Diżabilità hekk kif mitlub minn Artikolu 33 tal-Konvenzjoni surreferita.

Rabat, Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli, Imtarfa u Imġarr – parkeġġ għall-persuni b’diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan li jiżdied il-parkeġġ għall-persuni b’diżabilità ġewwa r-Rabat, Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli, l-Imtarfa u l-Imġarr?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat

Mosta Home u Mtarfa Home – residenti li ngħataw it-tilqima tal-COVID-19

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il resident ingħata t-tilqima tal-vaċċin tal-COVID-19 fil-Mosta Home u l-Imtarfa Home u l-etajiet tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Mosta Home ingħataw 231 dożi tal-vaċċin tal-Covid-19 lill-residenti u staff filwaqt li fl-Imtarfa Home ingħataw 119. L-etajiet ta’ dawn il-persuni ivarjaw minn 25 sena sa 101.

Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Gudja, Santa Luċija u l-Fgura — persuni li jirċievu l-għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17547 u jgħid kemm kien hemm persuni li qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali sal-aħħar ta’ Ottubru 2020 li huma reġistrati li jgħixu Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, il-Gudja, Santa Luċija, u l-Fgura, kif ukoll kemm applikaw u kemm ma baqgħux jirċievu dan? Jista’ jindika dan kollettivament u skont il-lokalità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ persuni li kienu qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali sal-aħħar ta’ Ottubru 2020 u li huma reġistrati li jgħixu Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, il-Gudja, Santa Luċija, u l-Fgura huwa kif qed ikun elenkat fit-tabella t’hawn taħt: Lokalita' Benefiċċjarji - Ottubru 2020 Total SA SUP UA Raħal Ġdid 111 59 22 192 Tarxien 70 45 10 125 Gudja 11 10 4 25 Santa Luċija 40 33 3 76 Fgura 110 66 8 184 Mhux possibli li tingħata statistika ta’ kemm applikaw u kemm ma’ baqgħux jirċievu benefiċċji, sakemm ma jingħatax perjodu stabbilit.