Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għajn – Batterija ta’ Rihana — restawr

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18316, jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħdux passi biex il-batterija Rihana tiġi f’idejn il-Kunsill Lokali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat miIl-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li kien il-Kunsill stess li ħa d-deċiżjoni li ma japplikax għad-devoluzzjoni tal-Batterija.

Gwardjani lokali f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm gwardjani lokali joperaw f’Għawdex? Jista’ jgħid kemm sigħat ta’ servizz jagħtu l-gwardjani lokali f’kull lokalità f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm mill-gwardjani lokali li joperaw f’Għawdex huma Għawdxin? Jista’ jgħid kemm mill-gwardjani lokali li joperaw f’Għawdex huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li f’Għawdex hemm 8 Uffiċjali tal-Komunita’ minn dawn 7 huma rġiel u uffiċjal mara. Kull ħaddiem jagħti 40 siegħa xoghol fil-ġimgħa bħala impjegat full time, apparti sigħat addizzjonali (overtime), li jista’ jkun mitlub skont l-esiġenzi tal-gżira Għawdxija. Minn dawn hemm 7 uffiċjali li huma residenti ġewwa l-gżira t’Għawdex.
Leg 13 PQ #19038 Sitting 427 2021-02-15 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Ċerimonja tal-inawgurazzjoni tar-restawr tal-Mitħna tax-Xewkija

Question

Jista’ l-Ministru jispjega lill-Parlament min organizza ċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tar-restawr tal-Mitħna tax-Xewkija lejn l-aħħar ta’ Jannar? Jista’ jagħti rendikont ta’ kemm ġiet tiswa din iċ-ċerimonja?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tar-restawr tal-Mitħna tax-Xewkija ġiet organizzata mis-Sezzjoni tal-Kultura fi ħdan id-Direttorat tal-Wirt Kulturali fil-Ministeru għal Għawdex u ġiet tiswa s-somma ta’ €14,742 (VAT eskluż).

Skemi mill-Gvern għall-għaqdiet volontarji

Question

B’referenza għat-tliet skemi t’għajnuna varati mill-Gvern biex minnhom jibbenefikaw l-għaqdiet volontarji u d-diversi fażijiet ta’ kull skema, tista’ l-Ministru tispjega lill-Parlament dan li ġej: 1) Liema għaqdiet ibbenefikaw u kemm kien l-ammont f'għajnuna li kull waħda rċeviet?; 2) Taħt liema skema bbenefikat kull għaqda u f'liema fażi ta' kull skema? u 3) X'kienu l-kriterji tal-għażla?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-iskemi t’għajnuna varati mill-Gvern biex minnhom jibbenefikaw l-għaqdiet volontarji fl-2020 kienu tnejn, il-‘Voluntary Organisations Emergency Fund’ u l-‘Operational Assistance Scheme’ li kien fiha żewġ fażijiet. L-informazzjoni meħtieġ qiegħed jitpoġġa fuq l-mejda tal-Kamra.

Naxxar – Triq il-Kbira – lampa

Question

Tista’ l-Ministru tara li lampa li ritratt tagħha qed jingħata separatament li hemm imdendla f’nofs tat-triq li tinsab fi Triq il-Kbira kantuniera ma’ Triq is-Salib fin-Naxxar tiġi mbattla mill-ammont ta’ ilma li nġabar fiha, peress li din tista’ tikkawża periklu kemm għar-residenti li jgħixu fiż-żona kif ukoll għal min jgħaddi minn dawn it-toroq? Nifhem li l-manutenzjoni meħtieġa trid issir jew mill-kuntrattur tal-Kunsill Lokali inkella mill-Enemalta.

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lampa msemmija fi Triq il-Kbira Naxxar, taqa’ taħt ir-responsabbilta tal-Kunsill Lokali.

Naxxar – Triq il-Kbira – lampa

Question

Jista’ l-Ministru jara li lampa li ritratt tagħha qed jingħata separatament li hemm imdendla f’nofs tat-triq li tinsab fi Triq il-Kbira kantuniera ma’ Triq is-Salib fin-Naxxar tiġi mbattla mill-ammont ta’ ilma li nġabar fiha, peress li din tista’ tikkawża periklu kemm għar-residenti li jgħixu fiż-żona kif ukoll għal min jgħaddi minn dawn it-toroq? Nifhem li l-manutenzjoni meħtieġa trid issir jew mill-kuntrattur tal-Kunsill Lokali inkella mill-Enemalta.

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat miIl-Kunsill Lokali tan-Naxxar li dan ir-rapport ġie mgħoddi lill-Kuntrattur immedjatament kif wasal għand l-istess Kunsill.

Naxxar – Triq Andrea Debono – manutenzjoni fuq tappieri

Question

Jista’ l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq numru ta’ tappieri li qed jikkawżaw inkonvenjent għal min jgħaddi minn Triq Andrea Debono fin-Naxxar u anke min jgħix fl-istess żona?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li Infrastructure Malta qed tispezzjona l-ħsarat li hemm f’dawn it-tappieri sabiex tikkonsulta mal-entitajiet konċernati li tagħhom huma s-servizzi, ħalli jsiru t-tiswijiet u l-interventi meħtieġa mill-aktar fis. Persuni li jkollhom diffikultajiet b’xi infrastruttura relatata mat-toroq li tagħhom hija responsabbli Infrastructure Malta jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jagħmlu kuntatt permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

Enemalta – Rapport tal-awditjar dwar il-proċess tal-wind farm f’Montenegro

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-awditjar magħmul mill-Enemalta dwar il-proċess tal-wind farm f’Montenegro?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport intern li sar fuq inizjattiva tal-Enemalta ġie mgħoddi lill-Pulizija, li qed tara jekk hemmx lok ta' investigazzjoni. Għalhekk, ikun prematur li jiġi ppubblikat ladarba jista jippreġudika x-xogħol li qed tagħmel il-pulizija

COVID-19 – każijiet fl-iskejjel

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew irrapurtati każi ta' COVID-19 s'issa fl-iskejjel kollha u kemm qed idumu biex jiġu infurmati l-ġenituri tat-tfal meta jinstab xi ħadd pożittiv fil-klassi tat-tfal tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn meta fetħu l-iskejjel f’Ottubru 2020 sal-11 ta’ Frar 2021 ġew irrappurtati u investigati 2227 każ ta’ Covid-19 fl-entitajiet edukattivi kollha. Dan jinkludi childcare centres, kindergartens, skejjel primarji u sekondarji kif ukoll entitajiet edukattivi post-sekondarji. Il-persuni pożittivi jinkludu studenti, għalliema u ħaddiema oħra li għandhom x’jaqsmu mal-qasam edukattiv bħal staff klerikali, cleaners, ħaddiema tal-maintenance, bus drivers eċċ. Malli l-iSchools Contact Tracing Team ikun infurmat b’każ pożittiv għall-Covid-19 fi skola jikkomunika mal-liaison officer ta’ dik l-iskola sabiex jinfurmah bid-deċiżjoni li tkun ittieħdet ibbażata fuq ir-risk assessment li jkun sar. Il-liaison officer b’hekk ikun jista’ jinforma lill-ġenituri li kien hemm każ pożittiv fl-iskola u li l-każ ikun inħadem minn naħa tal-iSchools Contact Tracing Team. Minn naħa tiegħu l-iSchools Contact Tracing Team jikkuntattja lil dawk il-ġenituri li t-tfal tagħhom ikunu ġew identifikati li jridu jitpoġġew fi kwarantina mandatorja biex jinfurmahom b’din id-deċiżjoni. Ħafna drabi l-kuntatt mal-ġenituri kkonċernati minn naħa tal-Ischools Contact Tracing Team isir dak in-nhar jew l-għada li l-każ pożittiv ikun identifikat u tkun waslet l-informazzjoni mill-iskejjel.

Port Ħieles – twaħħil ta’ żewġ krejnijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema terminal tal-Port Ħieles ser jitwaħħlu ż-żewġ krejnijiet il-ġodda?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Kumpanija Malta Freeport Terminals hija kumpanija private pero mill-informazzjoni li il-Korporazzjoni ghandna u skond l-applikazzjoni li saret mal-Environment and Resources Authority (ERA), dawn ser jitwahhlu fuq Terminal 1.

Bajja ta’ Birżebbugia – studju dwar il-kwalità tal-arja u l-livelli tal-ħsejjes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija tal-Port Ħieles tikkummisjonax studju tal-kwalità tal-arja u l-livelli tal-ħsejjes fil-bajja ta’ Birżebbuġia minn fejn topera? Meta sar l-aħħar studju jekk sar? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tali rapporti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudju sar mill-Malta Freeport Terminals fil-passat u bhalissa ghaddej studju iehor. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-Kumpanija Malta Freeport Terminals hija kumpanija private.

Żarmar ta’ krejnijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema terminal joperaw iż-żewġ krejnijiet li ser jiġu żarmati?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-Informazzjoni li ghandna l-korporazzjoni u skond l-applikazzjoni li saret mill-Malta Freeport Terminals mal-Environment and Resources Authority (ERA) dawn iz-zewg krejnijiet qodma mhux ser joperaw aktar min Malta.

Port Ħieles – stallazzjoni ta’ żewġ krejnijiet – tnaqqis tat-tniġġis fl-arja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif iż-żewġ krejnijiet ġodda li ser jiġu installati fil-Port Ħieles ser jgħinu biex jitnaqqas it-tniġġis fl-arja fil-port, mill-vapuri li jkunu qed iħottu/jgħabbu l-containers?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li permezz ta dawn iz-zewg krejnijiet godda , il-Freeport ser jibda jilqa vapuri li joperaw bl-LNG u ghaldaqstant ser jitnaqqas drastikament it-tniggis fl-arja.

Port Ħieles – stallazzjoni ta’ żewġ krejnijiet – tnaqqis fil-livell ta’ ħsejjes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif iż-żewġ krejnijiet ġodda li ser jiġu installati fil-Port Ħieles ser jgħinu biex jitnaqqas il-livell ta’ ħsejjes mill-vapuri li jkunu qed iħottu/jgħabbu l-containers?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal applikazzjoni li Malta Freeport Terminals għamlet mal-Environment and Resources Authority (ERA) fejn fija hemm speċifikat it-tnaqqis ta’ ħsejjes ikkaw¿ati waqt li ikunu qed iħottu/jgħabbu l-containers permezz tal-installazzjoni ta’ dawn i¿-¿ewġ krejnijiet ġodda.

Residenti ta’ Birżebbugia – skema ta’ double glazing – skema għall-xiri ta’ airconditioners

Question

B’referenza għall-iskema ta’ double glazing għar-residenti ta’ Birżebbugia u peress li biex jittaffa l-istorbju ġenerat mill-Port Ħieles it-twieqi jridu jinżammu magħluqa, il-gvern qiegħed jaħseb f’xi skema li tgħin lill-poplu ta’ Birżebbugia biex jixtri airconditioners? Qed jaħseb biex il-poplu ta’ Birżebbugia jingħata sussidju fil-kontijiet tad-dawl biex ikun jista’ jixgħel l-airconditioners peress li hu kostrett iżomm it-twieqi magħluqa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din id-domanda ghanda tigi imwiegba mill-Ministru ikkoncernat.

Qorti t’Għawdex aċċessibbli għal min għandu nuqqas ta’ mobilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien sar biex il-bini tal-Qorti f’Għawdex ikun assigurat li jkun aċċessibbli għal min għandu nuqqas ta’ mobilità qabel l-2013?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li biex il-bini tal-Qorti f’Għawdex ikun assigurat li jkun aċċessibbli għal min għandu nuqqas ta’ mobilità qabel l-2013 kien qed jiġi kkunsidrat li jsir lift mill-Pjazza tal-Katidral għal veranda li fuqha jiftaħ il-bieb prinċipali tal-Qorti. Dan baqà ma sarx fil-perjodu li dwaru saret id-domanda.

Triq Sally Port u Triq ix-Xewkija, Birgu sa Triq ix-Xatt u Triq Marina, Kalkara – xogħol fuq proġett

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta ser jibda x-xogħol fuq il-proġett ippjanat li minn Triq Sally Port u Triq ix-Xewkija, Birgu jagħti sa Triq ix-Xatt u Triq Marina, Kalkara?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta ħarġet sejħa għall-offerti għall-proġett tal-prominad f’Sally Port, investiment ta’ €9 miljun biex tibni mill-ġdid u ssebbaħ il-mollijiet f’qagħda mwiegħra li hemm fl-inħawi ta’ taħt is-swar tal-Birgu, bejn Forti Sant Anġlu u x-xatt tal-Kalkara. Dan il-proġett jinkludi l-bini mill-ġdid ta’ Triq Sally Port u madwar 600 metru ta’ mollijiet li l-istess triq hija mibnija fuqhom, fl-inħawi magħrufa bħala “It-Toqba”. Permezz tiegħu, parti mix-xatt tal-Kottonera li ilha mitluqa snin se tinbidel fi prominad ġdid, b’passaġġi siguri pavimentati, bankijiet u dawl dekorattiv. Dan il-post ta’ rikreazzjoni fil-beraħ se jkun jista’ jintlaħaq faċilment mill-qalba tal-Birgu permezz tal-mina fis-swar li hemm fl-istess triq. Il-prominad ġdid se jingħaqad ukoll mal-Waterfront tal-Birgu fuq in-naħa ta’ Forti Sant Anġlu permezz ta’ passaġġ eżistenti, biex b’hekk tinħoloq rotta diretta bil-mixi li tieħdok min-naħa ta’ Bighi fil-Kalkara lejn il-marina tal-Birgu, l-inħawi tal-Baċir Numru 1 f’Bormla, u tul ix-xatt tal-Isla sa ħdejn Boiler Wharf, taħt Ġnien il-Gardjola. Il-proġett jinkludi wkoll it-tqegħid ta’ diversi servizzi taħt l-art, bħalma huma sistemi għad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-ilma, sistemi ta’ dwal ġodda, kif ukoll il-bini mill-ġdid ta’ żewġ skali għas-sajjieda tal-inħawi u għall-qaddiefa tar-Regatta tal-Birgu. Infrastructure Malta se terġa’ tibni wkoll il-latrina pubblika li hemm fl-istess post. Il-binja ġdida se tinżamm fil-baxx u se jkollha disinn aħjar biex taqbel mas-swar ta’ warajha. L-ippjanar għal dan il-proġett beda fl-2018 bi studji u stħarriġ taħt l-ilma sabiex jiġi analizzat l-istat strutturali tal-mollijiet ta’ Sally Port. Wara snin iġarrbu ħsarat bil-maltemp mingħajr it-tiswijiet u l-manutenzjoni meħtieġa, l-aċċess għal dawn il-mollijiet sar diffiċli ħafna u ta’ periklu kbir għal dawk li jgħaddu minn fuqhom u għall-baħħara. Fost il-ħsarat kbar li kkawżat f’Malta l-maltempata qalila ta’ Frar tal-2019, partijiet kbar mill-mollijiet ta’ Sally Port, li kienu diġà mikulin, ċedew. It-triq ta’ fuqhom spiċċat imblokkata. Infrastructure Malta għamlet tiswijiet temporanji biex reġgħet fetħet it-triq waqt li intensifikat l-ippjanar tal-proġett biex tibni l-mollijiet mill-ġdid, li kien għadu kif ġie mgħoddi lilha xahar qabel meta l-aġenzija ġiet mitluba tibda tieħu ħsieb l-infrastruttura marittima tal-pajji¿. Fit-tħejjija tad-disinn u l-ippjanar tal-mollijiet ġodda, Infrastructure Malta qed tikkonsulta mal-Awtorità tal-Ippjanar, mas-Sovrintendenza għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali u mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, biex tiżgura l-ħarsien sħiħ tal-wirt storiku u tal-ambjent marittimu f’dawn l-inħawi tal-Port il-Kbir. L-aġenzija se tlesti l-bini tal-prominad ġdid u l-bini mill-ġdid ta’ Triq Sally Port fi żmien sena u nofs. Ix-xogħlijiet se jibdew malli jinħarġu l-permessi meħtieġa u jintemmu l-proċessi li qegħdin isiru bħalissa tal-għażla tal-kuntratturi li wieġbu għas-sejħa għall-offerti pubblika. Sadattant, fl-2019, Infrastructure Malta u l-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) bdew taħditiet biex jestendu dan il-proġett tul il-bqija tax-xatt tal-Kalkara, ħalli l-inħawi kollha jiġu msebbħin bl-istess stil. B’riżultat t’hekk, Infrastructure Malta se tkun qed twettaq il-proġett tal-prominad ta’ Sally Port f’kollaborazzjoni mal-ħidma tal-Korporazzjoni biex ittejjeb ix-xatt tal-Kalkara u l-pjazza tal-lokalità fl-istess inħawi, permezz ta’ bankini ġodda u tqassim aħjar tal-ispazji għall-parkeġġ għal aktar sigurezza. Il-proġett ta’ Infrastructure Malta se jiffoka fuq ix-xogħlijiet tal-bini mill-ġdid tal-mollijiet, il-bini tal-prominad u t-tqegħid ta’ sistemi ġodda għas-servizzi taħt l-art, waqt li GHRC se tieħu ħsieb ix-xogħlijiet ta’ tlestija, bħalma huwa l-pavimentar, id-dawl dekorattiv u l-għamara tat-triq. Iż-żewġ entitajiet qed jaqsmu r-riżorsi tagħhom u jaħdmu flimkien biex jaċċertaw li dan ix-xatt popolari jingħata dehra ġdida fl-iqsar żmien possibbli.

Birgu – Misraħ ir-Rebħa u Triq Nestu Laiviera – xogħol ta’ rinovar

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika jekk hemmx xi xogħol ippjanat għar-rinovar ta' Misraħ ir-Rebħa u Triq Nestu Laiviera fil-Birgu?

Response (BORG, IAN)

Fl-2020, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. B’hekk, minn meta lejn l-aħħar ta’ Jannar tal-2019 tat bidu għall-programm t’investiment ta’ €700 miljun biex ittejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali fil-pajji¿, l-aġenzija bniet mill-ġdid mal-285 triq residenzjali biex eluf ta’ familji li joqogħdu f’dawn it-toroq qegħdin igawdu minn ambjent aħjar barra minn djarhom. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq residenzjali oħra. Fil-lokalità tal-Birgu, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq iċ-Ċentinarju tal-Parroċċa, Triq San Dwardu u parti minn Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, waqt li diġà hemm ippjanati biex isiru toroq residenzjali oħrajn li jinkludu t-tieni parti ta’ din it-triq kif ukoll Triq La Vallette, Triq Il-Miratur u Triq San Filippu. Fil-każ ta’ Misraħ ir-Rebħa u Triq Nestu Laiviera hemm maħsub li jsir proġett bi sħab bejn Infrastructure Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA). L-aġenija se tkun qed tagħmel xogħlijiet ta’ bdil u titjib tas-servizzi taħt l-art u struttura ġdida ta’ pedament biex imbagħad isir il-pavimentar fuqu mill-MTA. Filwaqt li dan il-proġett se jsir taħt il-ħarsien tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, qabel ma jidbew ix-xogħlijiet l-ewwel iridu jinbnew mill-ġdid ta’ Triq La Vallette u Triq San Filippu li t-tnejn jagħtu għal ġo Misraħ ir-Rebħa. Bħalissa Infrastructure Malta qed taħdem biex daqt tibda twettaq ukoll proġett ta’ titjib u tisbieħ fil-parti tax-xatt taħt is-swar magħrufa bħala t-Toqba tal-Birgu (Sally Port) li se jinkludi prominad ġdid, u bħalma qed tagħmel f’mijiet ta’ toroq residenzjali oħrajn, it-triq imsemmija wkoll eventwalment ser tkun qed tinbena mill-ġdid. Fis-sentjen li għaddew, Infrastructure Malta għamlet ukoll xogħlijiet f’aktar minn 230 triq rurali. Għaldaqstant, fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq mifruxin fil-lokalitajiet kollha madwar il-pajjiż, u dan apparti xogħlijet ta’ tiswijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn u l-bini ta’ proġetti kbar li qegħdin jinbnew fit-toroq arterjali. Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq residenzjali se jissokta fis-sitt snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta.

Persuni b’diżabilità – applikazzjoni għad-drittijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex persuni b’diżabilità mit-twelid iridu jgħaddu bord kull darba li japplikaw għal xi dritt u l-familja tkun trid tagħmel ċertifikat ġdid kull darba?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux kull kundizzjoni li timmanifesta ruħha mat-twelid, jew qabel, hija l-istess. Jeżistu kundizzjonijiet li l-effetti tagħhom ma jinbidlux, oħrajn li l-effetti negattivi tagħhom jistgħu jiġu mmitigati permezz tat-terapiji u oħrajn li huma minnhom infushom deġenerattivi. L-istess, mhux kull ħaġa li wieħed japplika għaliha hi l-istess.Għaldaqstant, tajjeb li l-Onorevoli Interpellant ikun aktar ċar dwar x’qed isaqsi eżattament. Li nista’ nikkonferma hu illi dan il-gvern wiret ħafna proċessi nġusti minn amministrazzjonijiet preċedenti u li biddilhom u għadu għaddej bit-tibdiliet meħtieġa sabiex itaffi l-piżijiet minn fuq il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Aktar bidliet mistennija jitħabbru fil-jiem li ġej.