Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kennedy Grove – enforcement fuq caravans mingħajr faċilitajiet sanitarji jew rimi ta’ skart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’permessi nħarġu u x’enforcement qed issir fl-inħawi ta’ Kennedy Grove fir-rigward ta’ caravans mingħajr faċilitajiet sanitarji jew ta’ rimi ta’ skart?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ma ħarġu l-ebda permessi rigward caravans fl-inħawi ta’ Kennedy Grove u lanqas jirriżulta li hemm bżonn azzjoni ta’ infurzar għax ninsab infurmat li l-caravans in kwistjoni tneħħew.
Leg 13 PQ #19072 Sitting 428 2021-02-16 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Port Ħieles – Shore to ship power supply – fondi mill-EU

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk ġewx approvati fondi tal-EU biex jiġi stallat shore to ship power supply fil-Port Ħieles? Jista’ jgħid kemm huma l-fondi approvati?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Dipartiment tal-Probation u l-Parole – każijiet ta’ Victim Offender Mediation

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta’ Victim Offender Mediation li saru kull sena sa mill-2017 fi ħdan is-Servizz ta’ Appoġġ għall-Vittmi fid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

MCCAA – diżinjazzjoni protetta tal-orġini ta’ prodott

Question

Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għala l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) għażlet li ma tiddiżinjax il-ġbejniet tradizzjonali, kemm friski, kemm moxxi kif ukoll tal-bżar, bil-marka ta' diżinjazzjoni protetta tal-oriġini? Ma jaħsibx il-Ministru li dan in-nuqqas, qed inaqqas il-livell ta' rikonoxximent ta' dan il-prodott tradizzjonali u li mhux sew li l-konsumatur qed jingħata l-impressjoni li ġobon magħmul minn ħalib tal-baqar hu l-istess bħal ġobon magħmul minn ħalib tan-nagħaġ? Ma jaħsibx il-Ministru li għandha ssir distinzjoni bejn ġobon bil-ħalib tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tal-baqar?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MCCAA irċeviet applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem ‘Ġbejna’ bħala prodott b’diżinjazzjoni protetta tal-oriġini. L-Awtorità hija legalment marbuta li tevalwa l-applikazzjoni skond ir-Regolament 1151/2012 li jistabbilixxi numru ta’ kundizzjonijiet li jridu jintlaħqu biex tkun tista’ ssir il-protezzjoni tal-isem. Waħda mill-rekwiżiti hi li ssir konsultazzjoni biex jiġi verifikat li l-applikazzjoni tirrifletti il-prodott tradizzjonali . Wara konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati kollha involuti u wara l-parir tal-Kumitat Permanenti stabbilit biex jipprovdi parir dwar din l-applikazzjoni, ġie konkluż li l-applikazzjoni kif ġiet sottomessa ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament minnħabba li ma setax jiġi stabbilit metodu wieħed tradizzjonali li ntuża għall-produzzjoni tal-ġbejna u li l-isem 'Ġbejna' kien sar ġeneriku f'Malta skond l-Artikolu 41 (2) u għalhekk ma setgħax jiġi protett skond l-Artikolu 13 (2). Id-deċiżjoni meħuda tapplika biss għall-applikazzjoni riċevuta u ma teskludix il-possibbiltà li applikazzjonijiet oħra b’isem aktar speċifiku jiġu sottomessi lill-Awtorità għall-evalwazzjoni. L-oriġini tal-ħalib hu biss wieħed mill-fatturi li jiġi kkunsidrat meta tiġi evalwata applikazzjoni bħal din. L-evalwazzjoni tidħol bir-reqqa fl-affarijiet bħat-tip u d-disponibbiltà tal-għalf tal-annimali, l-metodu lokali awtentiku u li ma jvarjax, u l-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott jiġu kkunsidrati wkoll. Fir- rigward ta' diżinjazzjoni protetta tal-oriġini ta’ prodott, l-Awtorità tista’ tevalwa biss l-applikazzjonijiet li tirċievi. Jekk tiġi riċevuta applikazzjoni futura li tiddistingwi bejn ġobon magħmul minn sorsi differenti tal-ħalib, din tiġi evalwata kif xieraq.
Leg 13 PQ #19092 Sitting 428 2021-02-16 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Air Malta – impjegati fit-top u middle management

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' impjegati fil-kategoriji tat-top u l-middle management tal-Air Malta u kemm hu l-ammont totali ta' salarji ta' kull kategorija rispettiva u l-perċentwal tas-salarji totali tal-Air Malta?

Response (CARUANA, CLYDE)

L-informazzjoni relevanti mal-ispiża ta’ ħaddiema tal-Air Malta, inkluż kull informazzjoni finanzjarja oħra, tiġi ppubblikata fir-rapport annwali tagħha li l-kumpanija toħroġ. Nixtieq ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Air Malta se tkun qiegħda tippreżenta pjan lill-Kummissjoni Ewropea sal-aħħar tax-xahar li ġej biex tkun tista’ tagħmel talba għal għajnuna statali. F’dan il-pjan se jkunu qed jiġu spjegati r-riformi li se jkunu jitwettqu biex il-piż finanzjarju tal-kumpanija, u indirettament dak tas-sussidjarji tagħha, ikun wieħed sostenibbli. Fl-istadju li s-sottomissjoni ta’ din it-talba tkun tista’ ssir lill-Kummissjoni Ewropea nkun f’pożizzjoni li nispjega d-dettalji tal-istess talba.
Leg 13 PQ #19093 Sitting 428 2021-02-16 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Air Malta – impjegati b’kuntratt definit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ impjegati fl-Air Malta li huma impjegati b'kuntratt definit ta' xogħol u kemm jammontaw is-salarji tagħhom fis-sena?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-PQ19092.

Dwejra Malta – konkos fit-triq prinċipali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn sar il-konkos fit-triq prinċipali tad-Dwejra f'Malta? Min talab li dan isir? Kien hemm il-permessi meħtieġa mill-PA u tal-ERA għal dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Jien infurmat li x-xogħlijiet imsemmija ma jeħtiġux permess peress li huma eżenti skont Klassi 3 tal-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar żvilupp (L.S. 552.08), waqt liż-żona affettwata wkoll ma taqax taħt il-protezzjoni tal-liġijiet ambjentali. Minbarra hekk, nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-PQ19098.

Dwejra Malta – konkos fit-triq prinċipali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn sar il-konkos fit-triq prinċipali tad-Dwejra f'Malta? Min talab li dan isir? Kien hemm il-permessi meħtieġa mill-PA u tal-ERA għal dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Bħala parti mill-investiment kontinwu tagħha biex ittejjeb il-kwalità u s-sigurezza fit-toroq f’Malta, Infrastructure Malta qed twettaq ukoll programm estensiv ta’ manutenzjoni u bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq rurali f’lokalitajiet differenti. Ħafna minn dawn it-toroq qalb il-kampanja tħallew fi stat ta’ telqa għal għexieren ta’ snin. Illum il-ġurnata dawn it-toroq ma jintużawx biss mill-bdiewa li jkollhom l-għelieqi fl-inħawi, imma huma wkoll imfittxijin ħafna minn minn bosta dilettanti tal-ġiri, tal-mixi u miċ-ċiklisti. Uħud minn dawn it-toroq ma kienux sarulhom pedamenti adegwati u Infrastructure Malta qed terġa’ tibnihom b’materjali aktar b’saħħithom u li jservu aktar fit-tul. Bħala parti minn dan il-programm, riċentement l-aġenzija bdiet tiksi mill-ġdid triq rurali li diġà kienet bil-konkos fil-limiti tad-Dwejra, bejn l-Imġarr u r-Rabat. Maż-żmien, il-wiċċ bil-konkos li diġà kellha din it-triq dejqa qalb il-kampanja tkisser minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni. Ix-xogħol f’din it-triq li diġà kienet hemm qed isir f’konformità mal-permessi applikabbli għal xogħlijiet bħal dawn u fil-wisgħa eżistenti tat-triq. Infrastructure Malta qed tikkonsulta wkoll lill-awtoritajiet konċernati u identifikat metodi u materjali sostenibbli għal dawn ix-xogħlijiet, biex tiżgura li ma jkollhomx impatt negattiv fuq l-ambjent storiku u rurali tal-inħawi. Mill-2019, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet ta’ titjib f’aktar minn 230 triq rurali f’iżjed minn 30 lokalità differenti. Dan l-investiment biex tittejjeb l-infrastruttura għas-settur agrikolu se jissokta matul din is-sena u fis-snin li ġejjin, bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq rurali u xogħlijet oħrajn simili.

Pontijiet ġodda – permess ta’ użu ta’ lifts għar-roti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ċiklisti humiex permessi li jużaw lifts fil-pontijiet il-ġodda? Jekk le, ser ikun hemm minn fejn jaqsmu t-triq b’mod sikur persuni li jużaw ir-roti?

Response (BORG, IAN)

Sa minn meta twaqqfet fl-2018, Infrastructure Malta wettqet diversi proġetti infrastrutturali sabiex ittejjeb il-kwalità, s-sigurezza, l-effiċjenza u s-sostenibilità tal-infrastruttura ta’ pajjiżna għal dawk kollha li jużawha b’mezzi tal-ivvjaġġar differenti, fosthom trasport pubbliku fuq l-art u fuq il-baħar, il-mixi, ir-roti, park and ride, u l-karozzi. F’kull proġett li qed twettaq fit-toroq, din l-aġenzija qed taħdem sabiex toħloq faċilitajiet aktar siguri għal dawk li jużaw mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi u aktar sostenibbli. Pereżempju, permezz ta’ Central Link Project, sal-aħħar ta’ din is-sena pajjiżna se jkollu l-itwal korsija għar-roti maqtugħa għaliha mit-triq li qatt inbniet fit-toroq Maltin, b’tul ta’ madwar erba’ kilometri mill-Imrieħel sa Ta’ Qali. Partijiet minn din ir-rotta ġdida għall-mixi u r-roti diġa tlestiet fix-xhur li għaddew. Bħala parti mill-Marsa Junction Project, il-mini ġodda ta’ Santa Luċija, il-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa, Triq San Tumas u Triq Ħal Qormi, l-aġenzija kompliet tibni aktar kilometri ta’ korsiji għar-roti u l-mixi siguri biex inkomplu nħajru aktar nies jużaw dawn il-mezzi ta’ vvjaġġar. Dawn huma biss ftit mill-ħafna proġetti u inizzjattivi li l-Gvern qed iwettaq biex aktar u aktar persuni jivvjaġġaw b’mezzi aktar sostenibbli. Kif innota tajjeb l-Onorevoli Thake, is-sena li għaddiet Infrastructure Malta fetħet ukoll tliet pontijiet għall-mixi u r-roti fi Blata l-Bajda, Ħal Luqa u Kordin b’investiment ta’ miljuni t’Ewro f’infrastruttura aħjar għal dawk li jivvjaġġaw bil-pass u għaċ-ċiklisti. Dawn il-pontijiet qed iservu biex joħolqu konnessjonijiet aktar siguri bejn diversi żoni fl-inħawi fejn huma mibnijin. Pereżempju, il-pont ġdid fuq Triq Dom Mintoff, f’Kordin, fetaħ konnessjoni sigura għal eluf ta’ studenti li ta’ kuljum imorru fil-Kampus ewlieni tal-MCAST, kif ukoll għar-residenti u l-ħaddiema ta’ Kordin, li issa għandhom rotta bla periklu biex jaslu fiċ-ċentru ta’ Raħal Ġdid. Qabel, għal għexieren ta’ snin dawn l-istudenti u residenti kellhom jgħaddu minn bankina dejqa ħafna f’waħda mill-aktar toroq traffikużi f’Malta. Dan il-Gvern investa biex jagħtihom rotta aħjar milli kellhom qabel, kif ninsab ċert li jista’ jirrikonoxxi l-Onorevoli Thake. Dawn il-pontijiet huma kollha aċċessibbli għal kulħadd, permezz ta’ mezzi differenti, bħal rampi, liftijiet jew turġien. Kull fejn ikun installat lift f’post pubbliku, huma biss tfal żgħar li ma jkunux akkumpanjati minn adult li mhux permess jużawhom. M’huwiex lanqas rakkomandat li liftijiet jintużaw waqt xi emerġenza, bħal każi ta’ nirien. Iċ-ċiklisti, bħal kull persuna oħra, jistgħu jużaw il-liftijiet ukoll. Il-liftijiet huma spazjużi biżżejjed biex ikunu aċċessibbli għal kulħadd. Ninsab infurmat li bħal ma jiġri f’kull post ieħor pubbliku u privat aċċessibbli għall-pubbliku, bħal pereżempju sptarijiet jew ħwienet, il-liftijiet li jiġu inklużi f’pontijiet pedonali jkunu koperti minn kuntratti ta’ manutenzjoni regolari u tiswijiet mingħajr dewmien, sabiex jonqos kemm jista’ jkun ir-riskju li dawn ma jkunux qed jaħdmu. B’hekk, nibqgħu niżguraw li l-pubbliku jkompli jgawdi aktar u aktar infrastruttura ta’ kwalità ferm ogħla, u ferm aktar sigura u aċċessibbli, minn dik li kellu għal għexieren ta’ snin fil-passat.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar — mintui tas-seduti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-aħħar sitt seduti tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — entitajiet li għandhom ftehim kollettiv skadut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu li għandhom bħalissa ftehim kollettiv li skada? Jista’ għal kull każ jgħid meta skada?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm 3 entitajiet li għandhom il-ftehim kollettiv tagħhom skadut. Dawn huma: · Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi (FTZD) · Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) · Kummissjoni Maltija għal Films. Bħalissa għaddejjin in-negozjati biex isir qbil fuq ftehim kollettiv ġdid, bl-MCCAA u Kummissjoni għal Films jinsabu fi stadju avvanzat. Inżid li hi l-prassi li kull fejn hemm ftehim kollettiv skadut, in-negozjati għal ftehim ġdid jesiġu li dan jibda jgħodd propju minn meta jieqaf ta’ qablu.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — entitajiet li għandhom ftehim kollettiv skadut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu li għandhom bħalissa ftehim kollettiv li skada? Jista’ għal kull każ jgħid meta skada?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor interpellant li b’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18469, li fil- Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, l-uniku ftehim kollettiv li skada hu tal-‘Local Enforcement System Agency’ u dan b’seħħ mil-31 ta’ Diċembru tas-sena 2020. Inżid li hi l-prassi li kull fejn ikun hemm ftehim kollettiv skadut, in-negozjati għal ftehim ġdid jesiġu li dan jibda jgħodd proprju minn meta jieqaf ta’ qablu.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — entitajiet li għandhom il-ftehim kollettiv skadut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu li għandhom bħalissa ftehim kollettiv li skada? Jista’ għal kull każ jgħid meta skada?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent l-ebda entita’ ma għandha ftehim kollettiv li skada. Iżda hemm żewġ entitajiet li qiegħdin jinnegozjaw l-ewwel ftehim kollettiv tagħhom. Inżid li hi l-prassi li kull fejn ikun hemm ftehim kollettiv skadut, in-negozjati għal ftehim ġdid jesiġu li dan jibda jgħodd proprju minn meta jieqaf ta’ qablu.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — entitajiet li għandhom ftehim kollettiv skadut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu li għandhom bħalissa ftehim kollettiv li skada? Jista’ għal kull każ jgħid meta skada?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fil-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, l-ebda entità ma għandha Ftehim Kollettiv skadut u għaldaqstant it-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari hija nil.

Ministeru għas-Saħħa — entitajiet li għandhom ftehim kollettiv skadut

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema huma l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu li għandhom bħalissa ftehim kollettiv li skada? Jista’ għal kull każ jgħid meta skada?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru għas-Saħħa u l-entitajiet/dipartimenti li jagħmlu parti mid-dekasteru tiegħu ma hemm l-ebda ftehim kollettiv li skada filwaqt li nżid li hi l-prassi li kull fejn ikun hemm ftehim kollettiv skadut, in-negozjati għal ftehim ġdid jesiġu li dan jibda jgħodd proprju minn meta jieqaf ta’ qablu.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — entitajiet li għandhom ftehim kollettiv skadut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu li għandhom bħalissa ftehim kollettiv li skada? Jista’ għal kull każ jgħid meta skada?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm erba' (4) entitajiet fid-dekasteru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali li għandhom ftehim kollettiv skadut. Dawn huma: · Heritage Malta – skada fl-aħħar tal-2019. · Malta Philharmonic Orchestra – skada fl-aħħar tal-2020. · Arkivji Nazzjonali – skada fl-aħħar tal-2020. · Skrivani tal-Kunsilli Lokali - skada fl-aħħar tal-2017. · Direttorat għar-Restawr – skada fl-aħħar tal-2018. Dawn l-entitajiet jinsabu fil proċess ta' evalwazzjoni u preparazzjoni amministrattiva sabiex fi ftit żmien ikunu jista' jiġi aġġornat u konkluż kull ftehim rispettiv.

Vaċċin COVID 19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’sistema qed tintuża biex jingħata l-vaċċin tal-COVID-19, skont id-data tat-twelid jew skont l-aħħar numru tal-karta tal-identita tal-individwu? Jekk skont l-aħħar żewġ numri tal-karta tal-identità, il-Gvern huwa konxju li hemm anzjani li kienu jgħixu barra minn Malta u l-aħħar żewġ numri ma jreġux mad-data tat-twelid?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tim li qiegħed imexxi l-programm tal-vaċċin qiegħed jużi numru ta’ databases sabiex jassigura illi d-data li tintuża tkun korretta. Fejn ikun possibbli sabiex tingħata l-vaċċin tal-COVID-19, qegħda tintuża d-data tat-twelid.

Ċimiterju tal-Mosta – applikazzjoni għal rampa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fir-rigward tal-applikazzjoni għall-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar, jekk sarx ix-xogħol ta' alterazzjoni fir-rampa li hemm fin-naħa t'isfel taċ-Ċimiterju tal-Mosta? Jekk le, meta ser isir dan ix-xogħol?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent qed issir komunikazzjoni mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita rigward il-pendil tar-rampa in kwistjoni. Dan peress li l-pendil propost mhux se jkun kif rikjest fil-linji gwida tal-istess Kummissjoni minħabba raġuni ta’ spazju u l-mod kif inhuma mibnija l-oqbra fiċ-Ċimiterju.

Persuni li weħlu l-ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm-il persuna waħlet il-ħabs matul is-sena 2020 u fl-2021 sakemm tiġi mwieġba din id-domanda minħabba li ma żammitx mal-obbligazzjonijiet tagħha li tħallas il-manteniment? Kemm minn dawn kienu rġiel u kemm nisa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor Interpellant li fis-sena 2020 kelna total ta’ 7 persuni li weħlu ħabs fuq manteniment. Minnhom waħda biss kienet mara. F’ 2021, ma kien hemm ebda każ.

Il-Mosta – serq rapportat

Question

Jista' jgħid kemm-il rapport ta' serq sar fil-Mosta matul is-sena 2020 u sakemm tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapporti ta’ serq irapportati lill-Pulizija fil-lokalità tal-Mosta bejn l-ewwel ta’ Jannar 2020 u l-aħħar ta’ Jannar 2021 kien ta’ mija u tletin (130).