Jista’ l-Ministru jindika kemm persuni f’Ħal Tarxien ibbenefikaw mill-In work benefit tul l-2020? Jista’ jindika kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel u kemm tħallsu?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu hi kif qed ikun elenkat fit-tabella t’hawn taħt:
Tarxien
Sena 2020
Benefiċjarji
Nefqa
Nisa
63
€ 38,281.08
Irġiel
64
€ 40,739.79
Total
127
€ 79,020.87
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni kien hemm jaħdmu fl-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ġewwa Raħal Ġdid? Jista’ jindika kemm persuni wżaw is-servizz tal-post tul is-sena 2020?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minħabba l-pandemija tal-Covid-19, l-Uffiċċju Distrettwali ta’ Raħal Ġdid, bħal kull uffiċċju distrettwali ieħor, kien miftuħ bil-ħinijiet normali sas-6 ta’ Marzu 2020, filwaqt li kien qiegħed jopera b’servizz limitat sat-3 ta’ Lulju 2020, f’liema perijodu l-uffiċċju kien magħluq għall-pubbliku, bħal kull uffiċċju distrettwali ieħor.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, mis-6 ta’ Lulju 2020, is-servizzi li kienu jingħataw mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, minn dan l-uffiċċju distrettwali u uffiċini distrettwali oħra, bdew jingħataw minn uffiċjali ta’ Servizz.Gov.
Għaż-żmien li l-uffiċċju ta’ Raħal Ġdid kien miftuħ għall-pubbliku, matul l-2020, sal-5 ta’ Lulju 2020 (sal-ġurnata li l-Uffiċini Distrettwali kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilita’ tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali), kien hemm 1,882 persuna li wżaw is-servizzi li kienu offruti permezz ta’ erba’ (4) uffiċjali mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Sptar Monte Karmeli – persuni ammessi u rikoverati
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm persuni ġew ammessi fl-Isptar Monte Karmeli tul l-2020 u jista’ jindika kemm kien hemm persuni rikoverati sal-aħħar tas-sena 2020?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2020 kien hemm 1637 persuna li ġiet ammessa fl-isptar Monte Karmeli. Minn dawn kien hemm 1461 persuna li ġiet discharged u 1072 minnhom ma kellhomx bżonn aktar trattament mill-istess sptar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni kien hemm jaħdmu fl-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ġewwa l-Fgura? Jista’ jindika kemm persuni wżaw is-servizz tal-post tul is-sena 2020?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-pandemija tal-covid-19, l-Uffiċċju Distrettwali tal-Fgura bħal kull uffiċċju distrettwali ieħor, kien miftuħ bil-ħinijiet normali sas-6 ta’ Marzu 2020, filwaqt li kien qiegħed jopera b’servizz limitat sat-3 ta’ Lulju 2020, f’liema perijodu l-uffiċċju kien magħluq għall-pubbliku, bħal kull uffiċċju distrettwali ieħor.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, mis-6 ta’ Lulju 2020, is-servizzi li kienu jingħataw mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, minn dan l-uffiċċju distrettwali u uffiċini distrettwali oħra, bdew jingħataw minn uffiċjali ta’ Servizz.Gov.
Għaż-żmien li l-uffiċċju tal-Fgura kien miftuħ għall-pubbliku, matul l-2020, sal-5 ta’ Lulju 2020 (sal-ġurnata li l-Uffiċini Distrettwali kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilita’ tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali), kien hemm 815-il persuna li wżaw is-servizzi li kienu offruti permezz ta’ tliet (3) uffiċjali mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Ir-Rabat Għawdex – Triq ta’ Wara s-Sur — twessiegħ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-Triq ta' Wara s-Sur ġewwa r-Rabat Għawdex hux ser ikun hemm twessiegħ ta' partijiet minnha? Jekk iva, jista' jpoġġi site plan u /jew pjanta fuq il-Mejda tal-Kamra li turi fejn ser tiġi mwessa’ din l-imsemmija triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li se nkunu qed naraw kif jista’ jsir it-twessiegħ sabiex possibilment ikun eliminat il-bottleneck.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16586 rigward il-proġett ta' Multi Modal Hub f’Ta' Xħajma fin-Nadur Għawdex, jista’ l-Ministru ġentilment jispjega fid-dettall u jgħid kif 'il-pjanti ġew emendati biex ikunu konformi mal-istess suġġerimenti tal-SCH' u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif kienu l-pjanti oriġinali u kif ġew emendati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pjanti ġew emendati b’tali mod li l-ogħla livell ma jaqbiżx it-terren eżistenti tal-madwar. Dan apparti li ġew inklużi earthen berms mad-dawra biex ikompli jnaqqas l-impatt viżiv minn kull angolu. B’dan il-mod mad-dawra żdiedet il-landscaped boundary zone li allura riedet tirrikjedi struttura li tiflaħ għal dan. Dan ifisser ukoll li l-iżvilupp għandu d-daqs appożitu biex joqgħod eżatt fil-kontorn tal-madwar.
Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-pjanti oriġinali kif ukoll dawk emendati.
Attachments:PQ 19028 - Għawdex – Ta’ Xħajma – Multi Modal Hub – pjanti.pdf
Kerċem Għawdex – Triq Għajn Abdul – bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala fi Triq Għajn Abdul ġewwa r-raħal ta' Kerċem Għawdex ma nbnewx ħitan tas-sejjiegħ fuq iż-żewġ naħat tat-triq iżda nbena ħajt tas-sejjiegħ fuq naħa waħda ta' triq biss?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħitan tas-sejjiegħ li qegħdin jinbnew huma intiżi biex jżommu l-ħamrija milli tintilef meta tagħmel ix-xita.
FIAU – lista ta’ breaches imwettqa bejn l-2013 u l-2018
Question
B'referenza għad-dokument li qed jingħata separatament u li anke jinsab fuq is-sit tal-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU), jista' l-Ministru jippreżenta d-dokumenti kollha simili maħruġa mill-FIAU, ċjoè bil-lista dettaljata ta' x'kienu l-allegati breaches imwettqa minn kull subject person għas-snin bejn l-2013 u l-2018?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qabel ma daħlu fis-seħħ emendi fi Frar 2015, L-Att Kontra Money Laundering (Kapitolu 373) ma kienx jipprovdi għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar penali u miżuri amministrattivi imposti fuq subject persons mill-FIAU. Għalhekk ma tistax tingħata informazzjoni għall-perjodu 2013 sa Frar 2015 peress li din hija konfidenzjali skont il-provvedimenti tal-imsemmi Att.
Bis-saħħa tal-emendi ta’ Frar 2015, l-FIAU seta jippubblika informazzjoni dwar penali li jeċċedu Eur1,500 u li ma jkunux appellati (jew, fejn is-sentenza tal-Qorti ikkonfermat id-deċi¿joni tal-FIAU). Wara emendi fl-2018 it-threshold għall-pubblikazzjoni żdiedet għal Eur10,000 u għalhekk l-FIAU seta’ jippubblika biss penali li jeċċedu Eur10,000 u li ma jkunux appellati (jew, fejn is-sentenza tal-Qorti ikkonfermat id-deċiżjoni tal-FIAU).
Ta’ min jiġbed l-attenzjoni illi wara emendi li daħlu fis-seħħ fi Frar tal-2020, l-Att Kontra Money Laundering issa jobbliga lill-FIAU jippubblika l-penali u miżuri amministrattivi kollha imposti fuq subject persons, anke jekk tali penali u miżuri jkunu ġew appellati. Skont il-liġi, penali amministrattivi taħt il-Eur50,000 iridu jiġu ppubblikati b’mod anonimu.
Fi kwalunkwe każ hekk imsemmi hawn fuq u skont il-proċeduri tal-FIAU, u kif mitlub fir-raba’ direttiva tal-EU kontra il-ħasil tal-flus, kull pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar penali u miżuri amministrattivi hija suġġetta għal perjodu ta’ ħames snin li jibda jgħodd mid-data tal-istess pubblikazzjoni. Għalhekk, kull pubblikazzjoni li taqbeż dan il-perjodu tiġi mneħħija permanentement minn fuq is-sit tal-FIAU.
Għalhekk u skont il-ligi, l-FIAU jista jagħti din l-informazzjoni:
· Bejn Frar 2015 u Frar 2020 l-FIAU, fil-limiti imposti mill-liġi, ippubblika d-dokumenti li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra u li jinsabu fuq is-sit tal-FIAU;
· Wara l-emendi fil-liġi ta’ Frar 2020 u tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-pubblikazzjoni, l-FIAU ippubblika d-dokumenti li wkoll qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra u li jinsabu fuq is-sit tal-FIAU.
Jista’ l-Ministru jispjega kif xahar biss wara li tkeċċew 69 pilota mill-Air Malta f’Lulju li għadda, il-kumpanija statali Malta Med Air ħarġet sejħa għall-impjieg prekarju fil-15 ta’ Lulju 2020 għall-piloti ma’ aġenzija barra minn Malta bl-isem ta’ Brookfield Aviation? Dan sar sabiex jerġgħu jiġu ingaġġati xi piloti li kienu tkeċċew b’kundizzjonijiet u salarji ferm inferjuri? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan jiksirx l-obbligi kuntrattwali tal-Gvern mal-bdoti fil-kwistjoni?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Air Malta ma’ tidħolx f'deċiżjonijiet kummercjali ta’ kumpaniji oħra.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Air Malta ngħatat struzzjonijiet biex tgħaddi charter flights tagħha lill-Med Air u ma toperahhomx hi avolja l-ajruplani tal-Air Malta weqfin u l-bdoti mingħajr xogħol? X’kien l-iskop ta’ dan l-atteġġjament meta għandek l-Air Malta mingħajr revenue streams sostenibbli u f’punt ta’ falliment totali? Taffordja l-Air Malta tirrifjuta x’xogħol u tagħtih lil Med Air?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-impressjoni li qed tipprova tingħata, li mhu jsiru l-ebda titjiriet mill-Air Malta, hi zbaljata u numru ta' titjiriet qed isiru, kif jista’ jivverifika hu stess. Mhux il-kaz lanqas li ngħataw struzzjonijiet biex l-Air Malta tgħaddi charter flights lil terzi jew li ma toperahomx hi stess.
Infakkar lill-Onorevoli interpellant li l-pass li jmiss għal-linja nazzjonali tal-ajru hi s-sottomissjoni ta' talba għal għajnuna statali lill-Kummissjoni Ewropea. Din it-talba se tkun qed issir f'Marzu li ġej abba¿i ta' pjan onest u kredibbli biex l-Air Malta tilħaq is-sostennibiltà finanzjarja biex tassigura l-futur tal-kumpanija.
Online Lessons għal tfal vulnerabbli u tfal li qegħdin kwarantina
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kif tfal tas-sekondarja li qegħdin kwarantina se jkollhom online lessons filwaqt li dawk li huma vulnerabbli jew jgħixu ma' xi ħadd vulnerabbli u li ma jmorrux skola fiżikament, qatt ma kellhom online lessons? Hemm ħsieb li dawn l-istudenti vulnerabbli jkollhom online lessons?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Ministeru impenjat b'mod kontinwu li jsaħħaħ l-iskola virtwali. F'dan il-każ, l-istudenti vulnerabbli għandhom aċċess għall-iskejjel virtwali minbarra l-lezzjonijiet irrekordjati li sa issa qabżu l-5,000, waqt li jistgħu jżommu kuntatt mal-għalliema tagħhom tal-klassi.
Studenti fi kwarantina mhux inklużi fl-iskola Virtwali minħabba li dawn mistennija li jirritornaw lura fi żmien qasir. Bħalma jiġri normalment, diversi għalliema jibagħtu xogħol lil dawn l-istudenti permezz ta’ mezzi bħal MS Teams.
Online lessons għal tfal vulnerabbli u tfal li qegħdin kwarantina
Question
Tista’ l Ministru tgħid, x’differenza hemm bejn tfal li qegħdin kwarantina u li se jkollhom online lesson, u dawk li huma vulnerabbli u li se jibqgħu mingħajr online lessons? Dawk ir-raġunijiet kollha għaliex it-tfal vulnerabbli ma tħallewx ikollhom online lessons ma japplikawx għal tfal li qegħdin kwarantina?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nirreferi l-Onorevoli interpellant għar-risposta li għadha kif ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 19034.
Persuni li jkunu se jakkumpanjaw persuna għall-kura barra minn Malta – tilqima kontra l-Covid-19
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li dik il-persuna (ġeneralment qarib sew tal-pazjent/a) li tkun ser takkumpanja pazjent/a għall-kura barra minn Malta, hux se tingħata hi ukoll it-tilqima kontra l-Covid-19 bħall-pazjent,?
Response (FEARNE, CHRIS)
Iva, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi persuni li jakkumpanjaw pazjent li jmur għall-kura barra minn Malta minn din il-ġimgħa se jibdew jingħataw t-tilqima kontra l-Covid-19.
Ministeru għal Għawdex – Security Officers u Principal Security Officers
Question
Jista’ l-Ministru għal Għawdex jgħid kemm kien hemm ħaddiema taċ-Ċivil fil-grad ta’ Security Officer u Principal Security Officer fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex sena b'sena u xahar b'xahar mill-1 ta' Jannar 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ma’ liema direttorat jaħdmu, u fejn jaħdmu bħala post, u ma’ xiex jagħmlu xogħol ta' Security? Jista’ jgħid wkoll kemm min dawn il-ħaddiema jaħdmu bix-shift u x'tip ta’ shift jaħdmu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ19069 Security Officers u Principal Security Officers.pdf
MCCAA – monitoring mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) rigward banek
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’monitoring qed isir da parti tad-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fir-rigward tal-bdil u /jew ħruġ ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali da parti tal-banek biex jiġi assigurat li dawn ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet fil-Kap. 378 li jirregolaw klawsoli mhux ġusti f’kuntratti partikolarment tenut kont ta’ dak li jingħad fl-artikoli 45 u 47 tal-Kap. 378? Jista’ jgħid jekk mill-2017 s’issa d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-MCCAA qatt ħaditx passi regolatorji fir-rigward ta’ xi banek minħabba allegat ksur tat-Taqsima VII dwar l-użu ta’ klawsoli mhux ġusti f’kuntratti mal-konsumatur? Jekk iva jista’ jgħid x’kien l-eżitu f’kull każ?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ma jagħmilx moniteraġġ speċifiku fir-rigward ta’ termini u kundizzjonijiet kuntrattwali ta’ operaturi fid-diversi setturi b’mod ġenerali. L-Uffiċċju pero’ jinvestiga każijiet fejn jirriżulta li jista’ jkun hemm termini u kundizzjonijiet li mhumiex ġusti.
Mill-2017, ma ttiħdux passi regolatorji f’dan ir-rigward da parti ta’ banek. Ta’ min hawn isemmi li fl-2017 l-Awtorità, b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet fis-settur finanzjarju, nidiet ‘charter’ b’informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-konsumatur meta jiġi pprovdut b’servizz bankarju. Ta’ min isemmi wkoll li bejn 2017 u 2020, l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur ma rċeviex ilmenti li jikkonċernaw servizzi bankarji.
Ex membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — arretrati
Question
Jista' l-Ministru jispjega għala l-ex-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma ngħatawx l-arretrati bħalma ngħataw l-ex membri tal-Korp tal-Pulizija? Ma jaħsibx il-Ministru li dan hu trattament diskriminatorju fil-konfront tagħhom?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li ma huwix minnu li eks membri tal-Protezzjoni Ċivili ma ngħatawx l-arretrati bħalma ngħataw l-eks membri tal-Korp tal-Pulizija. Għalhekk ma hemmx każ ta’ trattament diskriminatorju fil-konfront tagħhom kif qed jallega l-Onorevoli.
L-eks membri tal-Protezzjoni Ċivili li telqu mis-sena 2019 ’il quddiem kollha ħadu arretrati prorata ta’ kemm ħadmu u dan seta’ jsir għax il-ftehim settorali daħal fis-seħħ b’mod retroattiv mis-sena msemmija.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18959 li saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali u l-mistoqsija parlamentari 18161 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti l-assigurazzjoni li l-importaturi qed jitħallew jirtiraw il-kunsinni tagħhom mill-Malta Freeport mingħajr il-ħtieġa li jqabdu burdnar u dan kif tippermetti l-liġi?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi nistgħu nikkonfermaw li l-importaturi qed jitħallew jirtiraw il-kunsinni tagħhom mill-Malta Freeport mingħajr il-ħtieġa li jqabdu burdnar, u dan kif jippermetti l-Att dwar il-liberazzjoni u t-trasport ta’ merkanzija (Kapitolu 203).
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pontijiet ġodda għandhomx liftijiet li huma kbar biżżejjed biex jakkomodaw rota meta ma jkunx hemm minn fejn jaqsmu t-triq b’mod sikur persuni li jużaw ir-roti? ?