Ħal Kirkop – Triq Danny Cremona — Bus stop ‘Ħal Kirkop-Barrieri’
Question
Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu dawk il-passi kollha neċessarji biex il-bus stop bl-isem Ħal Kirkop - Barrieri li tinsab fi Triq Danny Cremona f'Ħal Kirkop faċċata taċ-Ċentru tas-Saħħa, issir aċċessibbli għal kull min ikun irid jagħmel użu minnha, peress li meta tagħmel ix-xita tant jgħaddi ilma tax-xita man-naħa ta' triq fejn jinsab dan il-bus stop li ħadd ma jkun jista’ jaqsam it-triq u dan anke fid-dawl li minn jagħmel użu mit-Trasport Pubbliku biex iżur iċ-Ċentru tas-Saħħa f'din il-lokalità ma jkunx jista’ jagħmel dan meta tkun nieżla x-xita?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li meta reċentement ġiet introdotta id-driving licence exchange bejn Malta u r-Renju Unit, din għandha terminu ta' skadenza sal-aħħar ta' Frar 2022 meta persuna li jkollha liċenzja tas-sewqan tar-Renju Unit biex isir tali driving licence exchange trid tkun ilha f'pajjiżna minn tal-inqas sitt xhur u dan anke fid-dawl li skemi ta' driving licence exchange li għandu pajjiżna kemm ma’ diversi pajjiżi oħra li jiffurmaw parti mill-Unjoni Ewropea kif ukoll pajjiżi oħra bħal Awstralja, l-Iżvizzera u l-UAE m'għandhomx terminu ta' skadenza sakemm tista’ ssir tali driving licence exchange?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li It-tul tal-Memorandum ta’ Ftehim Malta-Renju Unit ġie diskuss, deċiż u miftiehem wara proċess ta’ konsultazzjoni bejn iz-żewġt naħat li laħaq ir-rekwiżiti immedjati u attwali taż-żewġ pajjiżi. Għalhekk id-deċiżjoni dwar it-tul tal-ftehim kellha tkun konsenswali u influwenzata mill-bżonnijiet taż-żewġ partijiet.
Il-gvernijiet Malti u tar-Renju Unit huma impenjati li jkomplu n-negozjati meħtieġa wara din l-iskadenza biex ikomplu jiffaċilitaw l-użu tal-liċenzji tas-sewqan tagħhom fit-territorji rispettivi tagħhom, b’aktar ftehimiet fit-tul għall-proċess tal-iskambju tal-liċenzji tas-sewqan eventwalment isiru mingħajr il-ħtieġa għal kwalunkwe test.
Birżebbuġa – Triq Għar Dalam – xogħlijiet fuq public convenience
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isir ix-xogħol ta' manutenzjoni neċessarja fuq il-Public Convenience li tinsab fi Triq Għar Dalam, Birżebbuġa faċċata tal-Bajja ta' San Ġorġ għax dan ix-xogħol ilu pendenti minn Ottubru tas-sena l-oħra u dan anke fid-dawl li din is-sitwazzjoni qed toħloq inkonvenjenzi kbar lil kull min jagħmel użu minn dawn il-faċilitajiet? Jista’ jgħid meta ser jibda u jitlesta dan ix-xogħol?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li dan ix-xogħol qed isir mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Publiċi.
Ministeru għal Għawdex — Heavy Plant Driver (Group 4)
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24114, jista' l-Ministru jgħid il-grad ta' min ikkwalifika għall-għażla u d-dipartiment li qegħdin fihom fil-preżent?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal din is-sejħa kkwalifikaw 21-il individwu, fejn għaxra minnhom jaħdmu mal-Ministeru għal Għawdex, u l-bqija jaħdmu fis-settur pubbliku. Il-kandidati li kkwalifikaw għal din is-sejħa, kollha kemm huma kellhom ir-rekwiżiti neċessarji skont kif kien mitlub fis-sejħa.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24110, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Procurement Policy Note No. 32 u jgħid min ħariġha din in-nota u x'awtorità legali għandha?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-Policy Note qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din inħarget mid-Dipartiment tal-Kuntratti skond il-Leġislazzjoni Sussidjarja 601.03 li tirregola l-akkwist pubbliku.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24100, tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija kompletament u tgħid kemm ħallset Malta Enterprise għall-akkwist tal-ishma fil-kumpanija indikata u jekk il-kumpanija indikata għandhiex assi oħra barra dan is-cyclotron? Tista' tindika għala Malta Enterprise għażlet li ma tixtriex l-ishma kollha f'din il-kumpanija? Tista' tindika meta hu previst li s-cyclotron jibda jaħdem u jekk hijiex l-intenzjoni ta' Malta Enterprise li tibqa' azzjonista f'din il-kumpanija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar
Tista' l-Ministru tindika kemm-il darba fl-aħħar għaxar snin Malta Enterprise xtrat ishma f'kumpaniji li kienet assistiet u kemm intefqu flus f'kull istanza? X'sar f'kull istanza mill-investiment imwettaq minn Malta Enterprise?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 23412 u tgħid kemm ħarġet assistenza finanzjarja Malta Enterprise fl-2015, l-2016, l-2017, l-2018, l-2019, l-2020 u l-2021 lill-impriżi bbażati f'Għawdex u kemm tali assistenza hi perċentwal tal-assistenza finanzjarja mogħtija globalment minn Malta Enterprise kif ukoll tindika taħt liema programmi ta' assistenza ingħatat l-għajnuna?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 23411 u tgħid kemm ġew approvati proġetti f'Għawdex minn Malta Enterprise fl-2020 u fl-2021 u kemm hi l-ispiża kapitali proġettata ta' dawn il-proġetti u n-numru ta' impjiegi proġettati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2020 u l-2021, il-Malta Enterprise approvat 15 il-proġett li ser jiġu mplimentati ġewwa Għawdex. Dan ser jiġġeneraw 152 impieg ġdid b’investiment ta 10.4 miljun ewro.
Barraminhekk, il-Malta Enterprise rceviet 732 applikazzjoni minn Għawdex taħt l-iskema tal-MicroInvest bl-ammont approvat bħala Tax Credits jammonta għal 8.97 miljun ewro u f’Cash Grants jammonta għal 478,758 ewro
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23128 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta' grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili li saru fis-snin 2019 u 2020 u fis-sena 2021 sa issa mill-Ministeru, id-Dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? F'kull każ jista' jgħid liema kienet l-entità li għamlet/tat il-grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili, kemm kien l-ammont, min kien il-benefiċjarju u x'kienet ir-raġuni għalxiex ingħatat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba. Din l-informazzjoni qed tingħata b’ żieda ma’ dik li diġà tajt bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 15868.
Ministeru għall-Ġustizzja u l-Governanza — grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23127 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta' grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili li saru fis-snin 2019 u 2020 u fis-sena 2021 sa issa mill-Ministeru, id-Dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? F'kull każ jista' jgħid liema kienet l-entità li għamlet/tat il-grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili, kemm kien l-ammont, min kien il-benefiċjarju u x'kienet ir-raġuni għalxiex ingħatat?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 15867. Għall-informazzjoni wara l-24 ta’ Settembru 2020 qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni hekk kif miġbura sad-data li saret din il-mistoqsija parlamentari.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23126 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta' grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili li saru fis-snin 2019 u 2020 u fis-sena 2021 sa issa mill-Ministeru, id-Dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? F'kull każ jista' jgħid liema kienet l-entità li għamlet/tat il-grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili, kemm kien l-ammont, min kien il-benefiċjarju u x'kienet ir-raġuni għalxiex ingħatat?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma l-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23130, peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15870 l-informazzjoni tkopri sa Ġunju 2020, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba minn Lulju 2020 s'issa?
Ministeru għal Għawdex — grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23132 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta' grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili li saru fis-snin 2019 u 2020 u fis-sena 2021 sa issa mill-Ministeru, id-Dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? F'kull każ jista' jgħid liema kienet l-entità li għamlet/tat il-grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili, kemm kien l-ammont, min kien il-benefiċjarju u x'kienet ir-raġuni għalxiex ingħatat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamnetari 23129, peress li t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15869 tkopri sa Ġunju 2020, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti l-informazzjoni mitluba minn Lulju 2020 s'issa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba minnu minn Lulju tal-2020 sal-aħħar tal-2021.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni ingaġġati bl-iskemi u ngħataw xogħol ta' skrivana f'diversi dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jikkonferma li dawn iddaħħlu bl-iskema bla ebda eżami pubbliku? Jista’ jgħid jekk il-persuni ingaġġati fuq skema u qed jagħmlu xogħol klerikali humiex kollha jagħmlu xogħol temporanju? Jista’ jgħid kemm hemm minnhom qed jagħmlu xogħol klerikali li hu permanenti? Jista’ jgħid jekk fil-futur qarib hemmx ippjanati li jiġu ingaġġati iktar persuni bl-iskema li jagħmlu xogħol klerikali ġewwa l-Ministeru għal Għawdex jew entitajiet li jaqgħu taħtu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex – talba biex jiġu esproprjati artijiet
Question
Jista' l-Ministru:
a. jgħid kemm artijiet ġew jew qegħdin fil-proċess li jiġu esproprjati fuq talba mill-Ministeru għal Għawdex, mill-1 ta' Jannar 2021 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija;
b. jgħid f'liema lokalitajiet f’Għawdex jinsabu l-artijiet esproprjati;
c. ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Site Plan immarkata għal kull biċċa art u post fejn il-Ministeru għal Għawdex talab lill-Awtorità tal-Artijiet biex jiġu esproprjati artijiet f' Għawdex fil-perjodu indikat; u
d. jgħid l-użu li sar jew ser isir minn kull waħda minn dawn l-artijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta ħa terġa’ tiġi ppubblikata t-tender 'Concession For The Running Of Cafeteria Outlets At Gozo Channel (Operations) Limited Mġarr And Ċirkewwa Terminals' peress li f'Ġunju 2021 din it-tender kienet ġiet ikkanċellata? Jista’ jgħid min f'dawn l-aħħar xhur kien qed jipprovdi dan is-servizz u kemm kien qed iħallas miżata kull xahar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent l-kumpanija tal-Gozo Channel stess qiegħda tipprovdi dan is-servizz. Fir-rigward tat-tender, il-ħsieb huwa li tinħareġ għal meta s-sitwazzjoni tal-Covid tiġi għan-normal.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22416 u 20760 u jgħid x'xogħol sar fuq spazji rikreattivi għall-familji sena b'sena f'dawn l-aħħar tliet snin f'Għawdex mill-Ministeru tiegħu u jgħid x'hemm ippjanat li jsir bħala xogħol matul din is-sena u s-sena d-dieħla?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jifferi għar-risposta tal-mistoqija parlamentari 23419. Apparti dan, nixtieq nirrimarka wkoll li l-Ministeru għal Għawdex jieħu ħsieb ukoll il-Villa Rundle, Dawwara Nursery, il-Ġnien tat-Three Hills f’Marsalforn, u l-Ġnien ta` Isopu ġewwa n-Nadur. Dawn imsemmija huma kollha spażji rikreattivi miżmuma u aċċessibbli għall-pubbliku.
Programm Operattiv II tal-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea 2021-2027 – skemi ta’ Għajnuna
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22389 kollha kemm hi (intera) u jgħid liema huma l-iskemi ta’ għajnuna diġà approvati sa issa taħt il-Programm Operattiv II tal-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea 2021-2027 – Fondi Strutturali - li minnhom se jibbenefika Għawdex? Min huwa l-intermediate body taħt kull skema? Kemm hu l-ammont ta’ fondi li bbenefika/se jibbenefika? Liema minn dawn l-iskemi diġà tlestew? Liema huma dawk li diġà nbdew u għadhom ma tlestewx? Meta nbdew? Meta mistennija li jitlestew? Dawk li għadhom ma nbdewx, meta mistennija li jibdew u jitlestew? Jista’ jgħid kemm tħallsu flus s’issa u kemm hemm flus kommessi biex jitħallsu f’kull każ?
Response (ABELA, ROBERT)
Kif diġà mħabbar, għall-programm ta’ finanzjament Ewropew għal 2021-2027, Għawdex se jkun qed jibbenefika minn 10% tal-fondi allokati fil-Programm ta’ Koeżjoni u dak tal-Agrikoltura li jammonta għal aktar minn €112 miljun. Dan jgħodd ukoll għall-fond ESF+ fejn diversi skemi favur l-impjiegi, t-taħriġ u ż-żagħżagħ, fost oħrajn, se jitkomplew fil-futur. Bħalissa għaddejin diskussjonijiet tekniċi mall-Kummissjoni Ewropea.
Infakkar li bħalissa skemi simili qed jiġu ffinanzjati mill-fond ESF 2014-2020 taħt ir-regola tal-N+3.
Għawdex se jkun qed jibbenefika ukoll minn allokazzjoni oħra marbuta ma’ żvilupp sostenibbli urban li jammonta għal €60 miljun. Tajjeb li wieħed ifakkar li fil-programm 2014-2020, Għawdex qed jibbenefika minn €110 miljun.