Il-Mellieħa – Bajja tal-Għadira – proġetti ta’ estensjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet relatati mal-proġett tal-estensjoni tal-Bajja tal-Għadira fil-Mellieħa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa Projects Plus Limited qed tħejji proġett pilota bħala parti mill-istudji mitlubin mill-ERA dwar dan il-proġett. La darba jitlesta l-proġett pilota, ser ikun qed jiġi mfassal il-kumplament tal-proġett li permezz tiegħu ser ikun qed jiżdied ir-ramel b’mod konsiderevoli sabiex din il-bajja terġa’ tieħu l-istat oriġinali tagħha li kien intilef matul iż-żminijiet.
Il-Mellieħa – Bajja tal-Għadira – xogħlijiet fuq il-proġett tal-estensjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex ser ikunu jikkonsistu x-xogħlijiet relatati mal-proġett tal-estensjoni tal-Bajja tal-Għadira fil-Mellieħa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif kien indikat fit-tweġiba għall-PQ 19161 tal-istess Seduta, bħalissa Projects Plus qed tħejji proġett pilota u la darba dan jitlesta, ser tkun tista’ tfassal x’tip ta’ xogħlijiet ser ikunu qed isiru sabiex din il-bajja tkun tista’ titkabbar.
Il-Mellieħa – Il-Bajja tal-Għadira – studji relatati
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji relatati mal-proġett tal-estensjoni tal-Bajja tal-Għadira fil-Mellieħa? L-istudji mitluba huma:
·
EIA
· Physico-Chemical analysis
· Chemical analysis
· Ornithology studies
· Hydrology studies
· Statistical studies – kemm nies/karozzi jżuru s-sit
· Wave Data
· Noise Studies
· Geotechnical Studies
· Wave Modelling
· Ecological Studies; u
· Archaeological Studies?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-istudji b’rabta ma’ dan il-proġett għadhom għaddejjin u mistennija jkunu konklużi meta jiġi fi tmiemu l-proġett pilota li ser isir b’rabta’ ma’ dan il-proġett tat-tkabbir tal-bajja tal-Għadira.
Il-Mellieħa – Bajja tal-Għadira – permessi għall-umbrellel u deckchairs
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru permessibbli sabiex jitpoġġew umbrellel u deckchairs fuq il-Bajja tal-Għadira (minn tarf sa tarf) fil-Mellieħa matul is-sajf tas-sena 2020?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru ikkoncernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri leġiżlattivi beħsiebu jieħu fid-dawl tas-sentenza li ngħatat nhar it-23 ta' Novembru 2020 mill-Qorti Kostituzzjonali fil-kawża bl-ismijiet J & C Properties Limited vs Nazzareno Pulis et (Rikors Kostituzzjonali Numru 133/2018 JZM) u li kopja tagħha tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt is-seduta numru 404 ta' nhar l-24 ta' Novembru 2020?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Gvern ħa konjizzjoni immedjata tas-sentenza indikata minnek u fil-ġejjieni qrib ser ikun jieħu miżuri sabiex jipproteġi l-bdiewa u s-settur agrikolu ta’ pajjiżna. Pero’ fl-istess waqt jintroduċi l-prinċipju tal-proporzjonalitá anke mas-sidien tal-artijiet konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri leġiżlattivi beħsiebu jieħu fid-dawl tas-sentenza li ngħatat nhar it-23 ta' Novembru 2020 mill-Qorti Kostituzzjonali fil-kawża bl-ismijiet J & C Properties Limited vs Nazzareno Pulis et (Rikors Kostituzzjonali Numru 133/2018 JZM) u li kopja tagħha tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt is-seduta numru 404 ta' nhar l-24 ta' Novembru 2020?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor, Interpellant li l-Gvern ħa konjizzjoni immedjata tas-sentenza indikata minnek u fil-ġejjieni qrib ser ikun jieħu miżuri sabiex jipproteġi l-bdiewa u s-settur agrikolu ta’ pajjiżna. Pero’ fl-istess waqt jintroduċi l-prinċipju tal-proporzjonalitá anke mas-sidien tal-artijiet konċernati.
Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika – membri maħtura
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti l-isem u l-kunjom taċ-Chairman u taż-żewġ membri maħtura minnu biex jiffurmaw il-Bord skont dak li jipprovdi l-proviso għas-subartikolu 5 tal-artikolu 4 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 595 tal-Liġijiet ta' Malta)?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-Chairperson hija s-Sa Joyce Cassar u l-membri huma s-Sa Christine Schembri u s-Sur Johann Galea.
Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika – membri maħtura
Question
Jista' l-Ministru jagħti l-isem u l-kunjom taċ-Chairman u taż-żewġ membri maħtura minnu biex jiffurmaw il-Bord skont dak li jipprovdi l-proviso għas-subartikolu 5 tal-artikolu 4 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 595 tal-Liġijiet ta' Malta)?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 19168
Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika – postijiet ta’ impjegati pubbliċi
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema postijiet ta' impjegati pubbliċi ġew identifikati mill-Bord u li ssir referenza għalihom fl-artikolu 4 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 595 tal-Liġijiet ta' Malta)?
Response (ABELA, ROBERT)
Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kunsill Lokali tal-Gżira — kontijiet pendenti mal-LESA
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Gżira għandux kontijiet pendenti mal-LESA? Jekk iva, kemm hu l-ammont? Kemm huma antiki dawn il-kontijiet? Jista' jgħid għaliex dawn il-kontijiet ma tħallsux u jekk dawn il-pendenzi kinux iddjarati bħala dejn fl-accounts tal-kunsill lokali?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Aġenzija LESA li l-flus dovuti lilhom għal perjodu Mejju 2020 sa Jannar 2021 huma ta’ € 11,322.53.
Kunsill Lokali tal-Gżira — kontijiet pendenti mal-LESA
Question
Jista' l-ministru jgħid jekk il-LESA għaniex kontijiet pendenti li għadhom ma tħallsux mill-Kunsill Lokali tal-Gżira? Jekk iva, kemm hu l-ammont? Kemm huma antiki dawn il-kontijiet? Jikkonferma li l-LESA mhux qed tipprovdi Uffiċjali tal-Komunità sabeix tassisti waqt li jkunu qed isiru x-xogħlijiet f'tali lokalità minħabba dawn il-pendenzi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-LESA qed tipprovdi s-servizz fil-lokalità tal-Gżira. Hemm diskussjonijiet għaddejin bejn il-LESA u l-Kunsill Lokali dwar il-pendenzi li hemm.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu care orders issa li l-Kap 602 ġie fis-seħħ? Kemm minnhom japplikaw għal tfal li qed ifittxu l-asil? Fejn qed jinżammu (ġew placed) dawn it-tfal?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, Id-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) jikkonferma illi ħarġu total ta’ 2 Ordnijiet ta’ Ħarsien sa mid-data tal-1 ta’ Lulju 2020. L-istess Direttorat jikkonferma illi ma kien hemm l-ebda Ordni għall-minuri li qed ifittxu l-asil.
Għall-aħħar parti tal-mistoqsija fejn qed isaqsi dwar fejn qed jinżammu l-minuri li qed ifittxu l-asil, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi dik il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru għall-Intern s-Sigurta’ Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18220 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza u ċjoè: Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex isiru l-emendi fil-liġijiet rispettivi, sabiex aħwa mill-istess omm imma b'missier differenti u għalhekk kunjom differenti, bil-ġenituri miżżewġa, tkun tista' tiġi trasferita għalqa/raba’ li tkun bi qbiela tal-privat fuq il-missier filwaqt li oriġinarjament ir-raba’ kien bi qbiela fuq l-antenati min-naħa tal-omm peress li sal-lum it-trasferiment tal-qbiela tal-għalqa/raba’ ġie mċaħħad għaliex ulied l-omm li oriġinarjament il-qbiela kienet fuq in-naħa tal-antenati tagħha ma ġewx rikonoxxuti mis-sidien bħala werrieta għaliex huma ta' kunjom differenti minn tar-raġel li kien żewġ ommhom fit-tieni żwieġ?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ghadha qed tingabar.
Mosta -Triq San Pawl tal-Qlejgħa u Triq il-Kbira – xogħlijiet fuq water culvert
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18635 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 18314, jista' l-Ministru jgħid l-ilma tax-xita li qed ikun miġbur b'water culvert minn Triq il-Kbira:
a. meta se jintemm dan il-proġett li l-istess Ministru qed jgħid 'imbagħad se jiġi estiż sabiex finalment imur fil-wied';
b. x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern rigward dan il-water culvert; minn fejn se jkun estiż dan il-water culvert biex finalment jerfa' l-ilma fil-wied; għal liema parti tal-wied qed jirreferi l-Ministru;
c. ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti ta' dan il-proġett sabiex il-Gvern juri pjan ħolistiku ta' dan il-proġett; u
d. meta se jkun sar il-proġett li finalment jaqgħad il-water culvert mal-Wied?
Response (BORG, IAN)
Kif diġà kelli l-okkażjoni nispjega meta weġibt mistoqsijiet parlamentari oħrajn li saru mill-istess Onorevoli membru, dan il-proġett jibda miz-zona ta’ Triq il-Kunċizzjoni u jispiċċa ħdejn Pjazza San Leonardu u l-ispiża preliminari tammonta għal €1,380,000. Minħabba li t-triq indikata kienet f’kundizzjoni ħażina ħafna bil-karreġġjati tal-karozzi saħansitra jvarjaw fil-wisgħa u fil-biċċa l-kbira tal-allinjament tat-triq lanqas biss hemm bankini, sar disinn ġdid bil-għan li l-karreġġjati jkunu standard u jinħolqu rotot kontinwi siguri għall-mixi bl-introduzzjoni ta’ bankini fuq iż-żewġ naħat. Għaldaqstant, permezz ta’ dan il-proġett, qed tingħata prijorità lil ħafna persuni li mill-Mosta u lokalitajiet oħrajn viċin imorru bil-mixi lejn l-inħawi ta’ Ta’ Qali.
Minbarra bini ta’ bankini u bini mill-ġdid tat-triq, ix-xogħol jinkludi wkoll tibdil tas-servizzi jew servizzi ġodda taħt l-art għall-ilma, drenaġġ u telekomunikazzjoni, kif ukoll sistema ġdida ta’ water culvert għall-ilma tax-xita. Filwaqt li beda x-xogħol fuq il-water culvert fil-limiti tal-proġett dan imbagħad se jiġi estiż sabiex finalment jitfa’ fil-wied. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tal-water culvert li saru mill-Marine and Storm Water Unit u li Infrastructure Malta se tkun qed twettaq fiż-żmien li ġej.
Il-pjan minn Infrastructure Malta ma jinkludix biss din it-triq, iżda diversi toroq li hemm fl-inħawi ta’ Ta’ Qali u li fiż-żmien li ġej ukoll ser jitranġaw biex ikunu aktar siguri għal kull min jużahom, filwaqt li jagħtu aktar opportunitajiet għal mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi. Dan se jkun aktar importanti fid-dawl tal-fatt li fiż-żmien li ġej f’dawn l-inħawi ser ikollna Park Nazzjonali ġdid li qed jiġi żviluppat mill-Gvern f’Ta’ Qali wkoll.
It-triq imsemmija fiha wkoll siġar maturi li kienu prattikament fil-karreġġjata tal-karozzi u li permezz tad-disinn ġdid ser jiġu mħarsa u saħansitra se jinħolqu spazji għal aktar siġar. Fl-inħawi hemm postijiet alternattivi fejn jistgħu jiġu pparkjati vetturi u l-pjan ta’ titjib għal din iz-zona sar bi ftehim mal-Kunsill Lokali u mal-awtoritajiet kollha konċernati, bħala soluzzjoni sostenibbli biex aktar persuni jkunu jistgħu jgawdu dawn l-inħawi f’sigurtà, b’mod partikolari r-residenti Mostin, li bħalissa biex jaslu bil-mixi lejn il-ġonna u faċilitajiet oħrajn f’Ta’ Qali jridu jgħaddu minn toroq perikolużi li ma fihom ebda bankini jew infrastruttura oħra sigura għalihom.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18951 u 18392 u jgħid kif tinqasam ir-responsabilità tal-manutenzjoni - upkeep - taċ-Ċentru Ċiviku tal-Mosta bejn l-entitajiet kollha li qed jagħmlu użu minn din il-binja? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
a. il-kuntratt li l-Lands għandha mal-Kunsill Lokali tal-Mosta;
b. il-kuntratt tal-Lands mal-Pulizija;
c. il-kuntratt tal-Lands mad-Dipartiment tas-Saħħa;
d. il-kuntratt tal-Lands mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali; u
e. jekk hemm xi kuntratt ieħor ma' xi entità oħra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ghadha qed tingabar.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 19074 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija u li issa ġiet riferuta lilha u tieħu l-passi meħtieġa sabiex tara li ssir il-ħidma ta’ tindif u manutenzjoni kemm fiż-Żona Industrijali tal-Ħandaq fejn hemm bankini mkissra u skart x’jinġabar, kif ukoll fiż-Żona Industrijali ta’ Tarġa Gap fil-Mosta fejn hemm ħtieġa ta’ tindif?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Birkirkara – Triq Dun Filippo Borg – bini ta’ bankina
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18935 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jordna li l-bankina ġdida quddiem binja fi Triq Dun Filippo Borg, Birkirkara, kantuniera ma’ Triq Mannarino tiġi mibnija mill-ġdid, peress li hija perikoluża kif inhi, partikolarment għal anzjani?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Residenti ta’ Birżebbugia – skema ta’ double glazing – skema għall-xiri ta’ airconditioners
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19050 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B’referenza għall-iskema ta’ double glazing għar-residenti ta’ Birżebbugia u peress li biex jittaffa l-istorbju ġenerat mill-Port Ħieles it-twieqi jridu jinżammu magħluqa, il-gvern qiegħed jaħseb f’xi skema li tgħin lill-poplu ta’ Birżebbugia biex jixtri airconditioners? Qed jaħseb biex il-poplu ta’ Birżebbugia jingħata sussidju fil-kontijiet tad-dawl biex ikun jista’ jixgħel l-airconditioners peress li hu kostrett iżomm it-twieqi magħluqa?
Bajja ta’ Birżebbuġa – studju tal-kwalità tal-arja u l-livelli tal-ħsejjes
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar studju tal-kwalità tal-arja u l-livelli tal-ħsejjes fil-Bajja ta’ Birżebbuġa? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li saru fl-aħħar tnax-il xahar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li juri l-livelli ta’ tniġġis f’Birżebbuġa fl-2019 u 2020 skont il-monitoraġġ li tagħmel l-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent (l-ERA).
Ninsab infurmat ukoll li fir-rigward tal-livelli tal-ħsejjes, fl-aħħar tnax-il xahar, l-ERA ma għamlitx studji fir-rigward tal-livelli tal-ħsejjes fil-Bajja ta’ Birżebbuġa