Il-Mosta — manutenzjoni fi blokok fil-Qasam tal-Gvern
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq xogħol tal-injam, kmamar tal-banju u xogħol ta' manutenzjoni fil-ġebel, fil-blokok tal-Qasam tal-Gvern li l-indirizz tagħhom qed jingħata separatament?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat illi qed isiru x-xogħlijiet neċessarji. Xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni ordinarja fl-appartamenti għandhom isiru mill-inkwilini fejn l-Awtorità tad-Djar tista’ tgħin lill-inkwilini permezz ta’ Skemi apposta għal irranġar ta’ dan it-tip.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jieħu l-passi meħtieġa sabiex tissolva l-problema ta' nuqqas ta' supply ta' implants għall-operazzjoni ta’ hip replacement ta' individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, peress li l-operazzjoni baqgħet ma saritx?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit filwaqt li ninfurmah ukoll li l-implants m’humiex out of stock.
Jista’ l-Ministru jindika liema huma l-lokalitajiet f’Malta li fihom beda jitħaddem il-kunċett tal-Community Policing?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Fl-aħħar xhur estendejna l-proġett tal-community policing u fil-baġit għal din is-sena ħabbarna li se nkomplu insaħħuħ. Tnax -il lokalità madwar il-pajjiż illum għandhom il-community policing. Il-lokalitajiet li fihom qed jitħaddem il-Community Policing huma: il-Belt Valletta, il-Furjana, il-Mellieha, is-Swieqi, Pembroke, Marsaxlokk, Birzebbuġa, il-Fgura, ir-Rabat, Had-Dingli, l-Imtarfa u l-Imdina.
Ħaż-Żebbuġ — Żona ta’ Ħal Mula/Triq il-Fraxxnu – permessi għat-twessiegħ ta’ triq
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jew le jekk meta l-pulizija marru fuq il-post fiż-żona ta’ Triq Ħal Mula/Triq il-Fraxxnu f’Ħaż Żebbuġ nhar l-Erbgħa 17 ta’ Frar 2021, talbux lill-Infrastructure Malta u lill-uffiċjali tagħha, jekk ix-xogħol li kien qed isir fuq twessiegħ ta’ triq fl-istess żona, kellux il-permessi mitluba bil-liġi biex dan seta’ jsir?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurrmat li fid-data riferuta mill-Onor Interpellant, il-pulizija kienu qegħdin jirrispondu għal rapport ta’ emerġenza, dwar argument li seta' kien hemm ġewwa l-post riferut.
Enemalta – frekwenza ta’ maintenance fuq sub-stations
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm suppost hija l-frekwenza ta’ maintenance mitluba/rikjesta li ssir kull sena fuq is-sub-Stations li l-Enemalta għandha madwar Malta u Għawdex?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta ssegwi proċedura operattiva standard li biha l-manutenzjoni kollha tat-tgħamir hija bbażata fuq linji gwida mogħtija mill-manifatturi u din issir minn ta’ lanqas darba fis-sena. Minbarra hekk, s-substations jiġu spezzjonati f’diversi okkażjonijiet u jsiru t-testijiet meħtieġa fuq it-tgħamir elettroniku.
Jista’ l-Ministru jindika lokalità b’lokalità f’Malta u Ghawdex kemm hu l-ammont obbligatorju ta’ Bring in Sites li suppost iridu jitpoġġew f’kull lokalità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l-permess maħruġ mill- Awtorità għall-Ambjent u r-Ri¿orsi lill-Iskemi awtorizzati għall-ġbir tal-iskart jobbliga lill-istess Skemi biex jidħlu f’arranġament mal-Kunsilli Lokali rispettivi sabiex jipprovdu bins biżżejjed li jaqdu l-bżonnijiet u l-popolazzjoni tal-lokalitajiet. Madankollu il-liġi kif inhi llum ma tistipolax l-ammont ezatt ta’ Bring-in-Sites li għandhom jitpoġġew f’kull lokalità.
Iżda fl-emendi li hemm proposti fir-regolamenti tal-iskart u li nħarġu għall-konsultazzjoni pubblika u li bħalissa qed ikunu iffinalizzat, hemm propost li kull lokalita’ trid tipprovdi spazju għal Bring in Site/s skont il-popolazzjoni. Ovvjament id-dettall ikun stabbilit meta jkunu ffinilażżati l-emendi wara li tkun ittieħhdet in kunisderazzjoni l-konsultazzjoni li saret.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — talbiet skont il-Freedom of Information Act
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid, sena b'sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm kien hemm talbiet skont il-Freedom of Information Act? Kemm minnhom ġew rifjutati?
Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija — talbiet skont il-Freedom of Information Act
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm kien hemm talbiet skont il-Freedom of Information Act? Kemm minnhom ġew rifjutati?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Filwaqt li nirreferi għat-tweġibiet tal-PQs numru 2517, 11382 u 16607, ninforma lill-Onorevoli interpellanta li minn Ottubru sa 23 ta’ Frar li għadda daħlu 165 talba simili, li minnhom ġew irrifjutati 70.
Ministeru għall-Edukazzjoni — talbiet skont il-Freedom of Information Act
Question
Tista' l-Ministru tgħid, sena b'sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm kien hemm talbiet skont il-Freedom of Information Act? Kemm minnhom ġew rifjutati?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli interpellanta għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari numri 2518, 11383 u 16599, inżid ninforma li minn Ottubru 2020 sal-lum kien hemm tliet talbiet, li minnhom waħda ġiet irrifjutata.
Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — talbiet skont il-Freedom of Information Act
Question
Tista' l-Ministru tgħid, sena b'sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm kien hemm talbiet skont il-Freedom of Information Act? Kemm minnhom ġew rifjutati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi għat-tweġibiet ta’ PQ 16598 u PQ 2519, ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Ottubru sa Jannar li għadda daħlu erbgħa (4) talbiet simili li minnhom ġew irrifjutati tlieta (3), filwaqt li waħda (1) ġiet parzjalment irrifjutata.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — talbiet skont il-Freedom of Information Act
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm kien hemm talbiet skont il-Freedom of Information Act? Kemm minnhom ġew rifjutati?
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — talbiet skont il-Freedom of Information Act
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm kien hemm talbiet skont il-Freedom of Information Act? Kemm minnhom ġew rifjutati?
Response (CARUANA, CLYDE)
Filwaqt li nirreferi għat-tweġibiet fil-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 2534, 11386 u 16597, ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li minn Ottubru 2020 sa Jannar li għadda daħlu 27 talbiet simili, li minnhom ġew rrifjutati 15.
Jista’ l-Ministru jgħid x’arranġamenti viġenti hemm bejn il-Jobsplus u NGOs?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li Jobsplus għandha arranġamenti mal-Caritas, OASI, Richmond Foundation u Inspire biex jassistu gruppi żvantaġġati permezz ta’ servizzi professjonali kif ukoll servizz ta’ ‘mentoring’ lill-job coaches li jaħdmu fil-programm ta’ ‘Sheltered Employment Training’
Dawn l-arranġamenti huma kif spjegat hawn taħt;
Caritas (Malta) u OASI Foundation
Ftehim li għandha Jobsplus mal-Caritas u mal-OASI Foundation jipprovdi assistenza minn professjonisti diversi nkluż sessjonijiet fuq livel personali lill-persuni li qed ifittxu xogħol li għandhom problemi ta’ droga jew vizzji oħra. Dan il-ftehim jinkludi wkoll servizz ta’ taħriġ għal numru ta’ persuni għaddejjin minn programm ta’ riabilitazzjoni. Dan it-taħriġ jiffoka fuq ħiliet ta’ impjegabbilita`, komunikazzjoni, aspetti soċjali, kif ukoll ħiliet għal ħajja indipendenti.
Barra minn hekk, Jobsplus tħallas lil dawn l-NGOs għal kull persuna li jirnexxilhom isibulha xogħol wara t-tmiem tal-imsemmi programm; dan il-ħlas isir tlett xhur wara li jibda l-impieg. L-NGOs jitħallsu wkoll għal sitt xhur moniteraġġ tal-istess persuni li jiġu impjegati permezz ta’ dan il-ftehim.
Richmond Foundation
Ftehim li għandha Jobsplus mar-Richmond Foundation jipprovdi assistenza minn professjonisti nkluż sessjonijiet fuq livel personali lill-persuni li qed ifittxu xogħol li għandhom problemi ta’ saħħa mentali. Dan il-ftehim jinkludi wkoll servizz ta’ ‘mentoring’ skont il-bżonn lill-job coaches li jaħdmu fil-programm ta’ ‘Sheltered Employment Training’ għall-medja ta’ 10 siegħat fil-ġimgħa.
Inspire
Dan il-ftehim jinkludi servizz ta’ ‘
mentoring
’ skont il-bżonn lill-
job coaches
li jaħdmu fil- programm ta’ ‘
Sheltered Employment Training
’ għall-medja ta’ 10 siegħat fil-ġimgħa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm disabled quota fines (kontribuzzjoni) ġew imposti/miġbura mill-Jobsplus fl-2019 u 2020? Jista’ jgħid ukoll x’kienu n-nuqqasijiet li għalihom kien hemm dawn il-multi, u kemm-il persuna b’diżabilità sabet xogħol ma’ xi waħda minn dawn il-kumpaniji li weħlu l-multa jew qegħdin kontra l-kwota fis-snin 2019, 2020 u 2021 sena b’sena?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-2019 inġabru €1,151,600 minn kumpaniji li fl-2018 ma kienux konformi mal-kwota t’impiegi ta’ persuni b’dizabilità skont il-ligi Kapitolu 210 Att dwar l-impieg ta’ persuni b’diżabilità.
Biex jitnaqqas il-piż minn fuq il-kumpaniji kkawżat mill-pandemija COVID-19, fl-2020, Jobsplus ma’ ħarġitx talbiet biex tiġbor il-kontribuzzjonijiet mingħand dawk il-kumpaniji li ma kienux konformi ma’ din il-liġi sal-aħħar tal-2019.
Fl-2019 kien hemm 614 -il kumpanija li ma kienux konformi mal-kwota t’impiegi ta’ persuni b’diżabilità. Matul l-2019 u l-2020 ġew impjegati 195 persuna b’diżabilità, 92 u 103 rispettivament, ma’ xi waħda min dawn il-kumpaniji.
Fl-2020 kien hemm 639 kumpanija li ma kienux konformi mal-kwota t’impiegi ta’ persuni b’ diżabilità. Matul l-2020 ġew impjegati 68 persuna b’diżabilità, ma’ xi waħda min dawn il-kumpaniji.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna qiegħda f’xi skema mħaddma mill-Fondazzjoni tal-General Workers’ Union u li kienu jirreġistraw għax-xogħol qabel ma ttieħdu mill-Fondazzjoni? F’liema impjiegi qegħdin jitpoġġew, ma’ liema awtorità, dipartiment, aġenzija jew kumpanija huma qegħdin jintbagħtu jaħdmu? X’inhi t-take home pay tagħhom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Jobsplus jagħmlux aċċertazzjoni li f’kumpaniji tal-manifattura ma jkunx qed jintuża l-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin biex jitbaxxew ir-rati li jitħallsu bihom il-ħaddiema Maltin fuq l-istess xogħol?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mal-applikazzjoni għall-permess tax-xogħol, min iħaddem irid jagħmel dikjarazzjoni dwar il-paga rilevanti.
Jobsplus taċċerta li din ma tkunx inqas mill-paga minima applikabbli.
Jobsplus – ħaddiema barranin li għandhom permess jaħdmu Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema barranin li kellhom permess biex jaħdmu f'Malta li huma rreġistrati ma' Jobsplus fl-2019 u 2020? Kemm huwa dak in-numru illum? Jista' jgħid kemm minnhom ġejjin minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u kemm minnhom ġejjin minn pajjiżi terzi? Teżisti statistika dwar kemm ħaddiema barranin jaħdmu fuq il-gżira Għawdxija u jekk iva, kemm huwa dan in-numru? Jista' jinforma lil din il-Kamra x'passi tieħu Jobsplus biex kemm jista' jkun jiġi kkontrollat l-abbuż ta' ħaddiema barranin li jistgħu jkunu qed jaħdmu Malta llegalment?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-Bord ta’ Jobsplus mis-sena 2017 sa din is-sena kurrenti, sena b’sena?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ kemm-il darba ltaqa’ l-Bord ta’ Jobsplus mis-sena 2017 sa din is-sena kurrenti, sena b’sena jinsab fit-tabella t’hawn taħt.
2017
7
2018
8
2019
7
2020
4
2021 (Jannar u Frar)
1