Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rappreżentanzi Diplomatiċi – installazzjoni ta’ IT Equipment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li hemm numru ta’ rappreżentanzi diplomatiċi tagħna li baqgħu ma nstallawx l-IT equipment li ġie indikat u mibgħut lilhom mill-Ministeru? Jista’ jindika liema huma dawn? Għal-liema raġuni dan l-proċess baqa’ ma sarx?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-aħħar sena il-Ministeru bagħat erbgħin vjeġġ ta’ tagħmir elettroniku jew relatat mat-teknoloġija tal-informatika lejn il rappreżentanzi diplomatiċi ta Malta. Il-maġġoranza ta’ dan it-tagħmir huwa nstallat diġà. Hemm numru ta’ tagħmir li għadu jrid jiġi installat f’rappreżentanzi bħal Moska, Toronto, Washington u New Delhi. Għalkemm f’ċertu sitwazzjonijiet il-Ministeru jista’ jinstalla b’mod remot, dan mhux dejjem possibbli minħabba ċertu kontrolli. Minħabba l-pandemija u s-saħħa u s-sigurtà tal-uffiċjali, il-Ministeru baqa’ lura milli jibgħat l-uffiċjali tiegħu barra mill-pajjiż, fejn mhux assolutament neċessarju. Dan ma jfissirx, illi dawn ir-rappreżentanzi ma jistgħux jiffunzjonaw bħalissa.

Ambaxxati u kummissjonijiet għola ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tul din is-sena u dik li ġejja hemmx il-pjan li jinfetħu ambaxxati, kummissjonijiet għolja jew konsolati ġenerali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hija l-intenzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej li jaħdem biex ikollu Ambaxxata ġewwa Brasilia fil-Brażil, f’Doha l-Qatar u Addis Ababa ġewwa l-Etjopja. Barra minn hekk il-Ministeru qed jaħdem sabiex jiftaħ Konsulat Ġenerali ġewwa Casablanca fil-Marokk. . Il-Ministeru qed jaħdem ukoll biex Malta jerġa’ jkollha Ambaxxata tiffunzjona ġewwa Tripli fil-Libja.

Bejgħ ta’ Pubblikazzjonijiet minn Mużewijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tul is-sena li għaddiet kemm ġew mibjugħa pubblikazzjonijiet mill-mużewijiet, u kemm inxtraw online?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat minn Heritage Malta illi l-bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet fl-2020 kien jammonta għal tmienja u sebgħin elf, ħames mija u sebgħin ewro u erbgħin ċenteżmu (€78,570.40) mill-mużewijiet. Il-bejgħ online kien jammonta għal sitt elef, mija u wieħed u disgħin ewro u ħamsa u ħamsin ċenteżmu (€6,191.55). Dan jammonta għal total ta’ sebgħa u tmenin elf, erbgħa mija u sittin ewro u erbgħin ċenteżmu (€87,460.40).

Vaċċini tal-COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm waslu vaċċini kontra l-COVID-19 f’Malta sal-lum? Jista’ jagħti din il-figura u jispeċifika l-ammonti, meta waslu u ta’ liema ditta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-aħħar ta’ Frar kienu waslu Malta 132,510 doża tal-vaċċin tal-Covid 19.

Il-Mosta – Triq Carmelo Dimech – wiċċ ġdid tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li Triq Carmelo Dimech fil-Mosta tingħata wiċċ ġdid billi tinsab fi stat ħażin?

Response (BORG, IAN)

Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit ¿mien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq oħra. Il-Mosta hija waħda mil-lokalitajiet fejn l-aktar li saru toroq ġodda minn Infrastructure Malta minħabba t-telqa u s-snin twal ta’ nuqqas t’investiment li kien hemm f’din il-lokalità fil-passat. Fil-Mosta diġà saru Triq Dawret il-Wied, Triq il-Qares, Triq is-Snajja’, Triq San Pawl tal-Qliegħa, Triq tas-Sriedek, Sqaq Madre Tereża Spinelli, Triq Rużar Briffa (Żokrija), Triq Kumbu, Triq San Silvestru, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Ballata, Triq Dun Karm Schembri, Triq il-Bdoti, Triq il-Familja Cumbo, Triq it-Taħħan, Triq ta’ Venezja, Triq il-Baqqunier u Triq tal-Wej, waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq Durumblat, Triq il-Kbira, Triq Patri Ġuże Delia u Triq il-Fortizza tal-Mosta. Saru wkoll xogħlijiet fi Triq il-Kostituzzjoni. It-triq indikata tinsab fil-pjan biex, bħal toroq oħrajn, tinbena wkoll mill-ġdid fiż-żmien li ġej. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Wied il-Għasel — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta hemm il-ħsieb li jitnaddaf Wied il-Għasel fil-Mosta peress li l-post huwa attrazzjoni għal numru kbir ta’ nies li jħobbu jmorru jimxu fil-kampanja?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – ITS – studenti — korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti fl-iskola tal-ITS f'Għawdex u x'korsijiet setgħu jieħdu sena b'sena mis-sena 2010 'l hawn?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 59 student isegwu korsijiet offruti mill-ITS f’Għawdex. Din hija l-lista ta’ korsijiet offruti ġewwa Għawdex: Sena akkademika 2010/11 sa 2019/20 ·Certificate in Food Preparation and Service ·Foundation Sena akkademika 2020/21 ·Certificate in Food Preparation and Service ·Foundation ·Diploma Climate Friendly Travel ·BSc Science Diving Safety

Uffiċċju tal-Kompetizzjoni – passi fuq banek

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni sabiex jassigura li m'hemmx kollużjoni bejn il-banek kummerċjali fl-iffissar ta' rati tal-imgħax fuq is-self u fuq id-depożiti u fit-tariffi li jitolbu mingħand il-klijenti tagħhom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dak li għandu x’jaqsam mas-settur bankarju, fil-preżent l-Uffiċċju qiegħed jevalwa t-tħassib imqajjem fl-ilment ppreżentat mill-Għaqda tal-Konsumaturi fid-19 ta’ Frar li jikkonċerna t-tariffi bankarji.
Leg 13 PQ #19563 Sitting 434 2021-03-02 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Il-Qala – Triq il-Qala li tagħti min-Nadur għal Qala – irranġar ta’ triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm sabiex titranġa Triq il-Qala li min-Nadur tagħti għal Qala, li hi fi stat fqir ħafna? Jidhirlux li peress li din hi waħda mill-ftit toroq alternattivi għal Triq l-Imġarr u li issa ilha magħluqa, l-irranġar proviżorju ta' din it-triq għandu jingħata prijorità immedjata b'mod li t-traffiku minnha ma jitwaqqafx kompletament?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-interventi neċessarji fuq din l-insemmija triq se jsiru la darba jitlesta x-xogħol fuq Triq l-Mġarr. Dan sabiex ikun hemm l-aċċess neċessarju kemm għall-Qala kif ukoll għan-Nadur.

Għawdex – permessi għall-appartamenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għall-appartamenti f'Għawdex mill-2013 'l hawn, sena b'sena u maqsumin skont kemm għandhom kmamar tas-sodda?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Covid-19 — persuni b'diżabilità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm mardu persuni b'diżabilità bil-Covid-19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diżabilità ma tiġix irreġistrata meta jkunu qed isiru l-investigazzjonijiet tal-każijiet pożittivi bil-Covid-19.

National Disability Strategy

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk Malta għandhiex National Disability Strategy u jekk din hux qed tiġi implimentata?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li Malta għandha Politika Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta' Persuna b'Diżabilità li ġiet imnedija fl-2014, it-tfassil ta' Strateġija Nazzjonali tad-Diżabilità ġie konkluz, u din sejra titressaq quddiem il-Kabinett tal-Ministri fil-ġimgħat li ġejjin.

MCESD – chairman – salajru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa s-salarju jew onararja jew dħul taċ-Chairman ta’ MCESD? X’benefiċċju hemm lil min jokkupa din il-pożizzjoni?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li s-salarju taċ-Chairman ta’ MCESD jammonta għal € 17,900, filwaqt li għandu wkoll € 2,685 disturbance allowance u € 4,650 car allowance.

Ħaddiema li jaħdmu bil-kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni jaħdmu bil-kuntratt? Kemm kien l-għadd fl-2019 u fl-2020?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus hawn taħt issib tabella li turi n-numru ta’ persuni li jaħdmu part-time only jew full-time sal-aħħar ta’ Diċembru 2019 u Settembru 2020. Jobsplus ma jkollhiex informazzjoni dwar it-tip ta’ kuntratt li jkollhom il-ħaddiema. Diċembru 2019 Settembru 2020 Full-Time 225,703 231,579 Part-Time Only 35,442 32,136 Total 261,145 263,715 L-aħħar ċifri ppublikati huma ta’ Settembru 2020.

Ħaddiema li jaħdmu part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li l-unika impjieg tagħhom huwa part-time? Kemm kien fl-2019 u 2020?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari 18504.

Persuni b’diżabilità jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol li huma rreġistrati bħala persuni b’diżabilità, fl-2019, 2020 u 2021, maqsuma xahar xahar?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni b’diżabilità — impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il persuna b’diżabilità sabet impjieg fis-sena 2019,2020 u 2021? Jista’ jagħti ċifri ta’ persuni b’diżabilità fix-xogħol għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Nisa — qasam ta’ xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta' nisa li kienu fid-dinja tax-xogħol fl-2019, 2020 u 2021? Jista’ jgħid ukoll f'liema oqsma li l-iktar sabu impjiegi dawk in-nisa li daħlu fid-dinja tax-xogħol f’dawn l-istess snin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kumpaniji li jirrifjutaw li jdaħħlu persuni b’diżabilità jaħdmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'passi jittieħdu kontra kumpaniji li jirrifjutaw li jimpjegaw persuni b'diżabilità jew li jħallsu l-kontribuzzjoni?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma jittieħdu l-ebda passi kontra dawk il-kumpaniji li jħallsu l-kontribuzzjoni skont il-liġi. Iżda Jobsplus flimkien mal-Lino Spiteri Foundation jikkomunikaw ma’ dawn il-kumpaniji biex jibqgħu jinkoraġġuhom joffru opportunità ta’ xogħol lill-persuni b'diżabilità. Fl-2015, Jobsplus introduċiet emendi f’l-Att dwar l-Impjeg ta’ Persuni b'Diżabilità, Kap 210. Wara dawn l-emendi, ġie ffirmat ftehim bejn l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ min iħaddem u Jobsplus dwar l-implimentazzjoni tagħhom. Jobsplus bdiet proċess biex il-prinċipji ta’ dan il-ftehim jiġu riflessi fil-ligi u b’hekk jibqa jsir l-infurzar ma’ dawk il-kumpaniji li jirrifjutaw li jimpjegaw persuni b'diżabilità u ma jħallsux l-kontribuzzjoni.