Peress li l-prinċipju ta’ equal work for equal pay hu magħruf u l-Ħaddiema tax-Xatt jaħdmu tali li l-pagi u l-kundizzjonijiet ivarjaw u peress li hemm min hu privileġġjat u jaħdem mat-Transport Malta, hemm min hu casual self employed, hemm min hu part-time self employed, hemm min jidħol b’wirt, jista’ l-Ministru jgħid x’rimedji qed tieħu l-Jobsplus biex tara li l-mod kif qed jiġu ingaġġati l-ħaddiema fl-iskema tal-ħidma fil-Port hi konformi ma’:
A) kundizzjonijiet li huma l-istess fuq l-istess lant tax-xogħol;
B) regoli tal-Unjoni Ewropea dwar portjiet; u
C) ċertifikazzjoni uffiċjali, jiġifieri tal-MCAST, biex persuni jiddaħħlu fl-impjieg ta’ Ħaddiema tax-Xatt?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ipoġġi din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Billi kull sena fis-settur soċjali jingħataw aktar minn 300 servizz li jiswew ’l fuq minn €200 miljun, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-viżjoni strateġika li kienet qed titħejja mill-Awtorità ta’ Standards tal-Ħarsien Soċjali f’Diċembru tas-sena 2019?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant, jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riforma tal-Kunsilli Lokali li kienet qed tiġi diskussa mas-Sindki f’Jannar tas-sena l-oħra?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Laqgħa tas-Sindki fil-Parlament ta’ Malta li saret fid-29 ta’ Jannar 2020, magħrufa bħala l-Parlament tas-Sindki, tkellmu tnejn u tletin (32) Sindku, żewġ (2) Viċi Sindki, il-ħames (5) Presidenti Reġjonali u l-President tal-Assocjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
F’din il-laqgħa saret diskussjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Riforma tal-Gvern Lokali. Dan peress li l-emendi leġislattivi fl-Att dwar Gvern Lokali kienu saru f’April 2019 permezz tal-Abbozz ta’ Ligi Numru 79 tal-2019 li ġew fis-seħħ fis-26 ta’ April 2019.
It-temi prinċipali li ġew diskussi f’din il-laqgħa tas-Sindki kienu:
· L-implimentazzjoni tar-Riforma tal-Gvern Lokali.
· Kif iċ-ċittadin jista jkun aktar involut fil-proċess tal-Gvernanza Lokali.
· Kif il-Kunsilli Lokali jistgħu jieħdu inizzjattivi sabiex isaħħu l-komunitajiet tagħhom.
· Kif il-Kunsilli Lokali jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom fil-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent sostenibbli.
· Kif il-Kunsilli Lokali jistgħu jieħdu inizzjattivi biex jilqgħu għall-isfidi ta’ ċittadini extra-komunitarji, b’mod partikolari biex dawn ikunu integrati fil-komunita’.
· L-irwoli distinti tal-Kunsilli Reġjonali u l-Kunsilli Lokali.
B’konsegwenza ta’ din il-laqgħa mas-Sindki, fi Frar 2020, il-Ministeru tiegħi ħareġ bl-oġġettivi għall-2020, li huma:
- Li nkomplu nsostnu u nipprovdu r-riżorsi meħtieġa lill-Kunsilli Lokali u Reġjonali biex iwettqu l-operat b’aktar effiċjenza.
- Li jitjiebu l-i
standards
li bihom joperaw il-Kunsilli Lokali sabiex joffru servizzi aktar professjonali.
- Jissaħħu l-Kunsilli Reġjonali.
- Jissaħħu l-miżuri biex iċ-ċittadini jkunu tassew fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvernijiet Lokali.
- Jissaħħu l-mezzi ta’ komunikazzjoni bejn il-Gvernijiet Lokali u ċ-ċittadini.
Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li peress li din is-seduta kienet seduta extra-kurrikulari, ma hemmx minuti tal-imsemmija laqgħa.
Jista’ l-Ministru jindika l-ilmenti li ressqu quddiem s-Sindki tal-Kunsilli Lokali f’dawn l-aħħar sentejn u sad-data li tkun imwieġba din il-mistoqsija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-ilmenti mressqa mis-Sindki f’dawn l-aħħar sentejn huma fil-kategoriji li ġejjin:
· Aktar infurzar u sehem tal-Kunsilli Lokali fl-infurzar lokali.
· Problemi relatati mal-immaniġġjar tat-traffiku fil-lokalitajiet.
· Nuqqas ta’ parkeġġi pubbliċi fil-lokalitajiet.
· Problemi dwar infurzar fil-qasam tal-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent.
· Appelli għal aktar awtonomija lill-Kunsilli Lokali, inkluż awtonomija fiskali.
· Nuqqas ta’ kordinazzjoni u kollaborazzjoni bejn Kunsilli Lokali u Dipartimenti u Entitajiet Governattivi.
· Appelli biex il-Kunsilli Lokali jkollhom aktar sehem attiv fl-ippjanar u l-iżvilupp urban.
· Appelli biex ma titnaqqasx l-awtonomija tal-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19465 u 19207 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19045, peress li ż-żewġ krejnijiet ġodda ser joperaw fuq l-akbar vapuri li jidħlu l-Freeport u peress li Terminal 1, fejn hu maħsub li jitwaħħlu huwa l-aktar qrib tar-residenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li tali krejnijiet jitwaħħlu f’Terminal aktar ‘l barra mir-residenti?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Iż-żewġ krenijiet il-ġodda ser jeħlu minflok żewġ krenijiet qodma li hemm fuq Terminal 1. Dawn il-krenijiet huma magħmmra b’sensors biex meta jitniżżel container, u joqrob biex jiġi ppostjat fuq it-trakk, jinżel eżatt u ma jikkawżax storbju żejjed. Huma magħmmrin bil-white noise sabiex filgħaxija ma jkunux t’inkonvenjent għar-residenti. Huma magħmmra bl-aħħar teknoloġija għal dak li għandu x’jaqsam bħala emissjonijiet u ħsejjes u għalhekk ser jonqos dan l-inkonvenjent. Dan it-tibdil qed isir wara li saret applikazzjoni lil-ERA u ġie żgurat li l-inkonvenjent għar-residenti ser jonqos meta komparat ma dak preżenti. Tajjeb li wieħed jgħid ukoll li dawk il-krenijiet ser jibdlu dawk qodma li għandhom il-fuq minn 20 sena.
Ħaddiema li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità – vaċċin kontra l-COVID-19
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 19484 u tgħid hux kull ħaddiem li jaħdem ma’ persuni b'diżabilità, ingħatax il-vaċċin kontra l-COVID-19?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li 557 ħaddiem li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità fi djar li huma liċenzjati mill-Awtorita’ ta’ Standards ta' Ħarsien Soċjali, li setgħu jieħdu l-vaċċin u li taw il-kunsens tagħhom, ingħataw l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19, bl-għan li t-tieni doża tkun ngħatat sad-19 ta’ Marzu 2021.
Ħlas tar-reġistrazzjoni tal-organic farmers – ħlas lura f’sussidju
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li jkunu stabbiliti l-proċeduri meħtieġa sabiex bdiewa li jkunu ħallsu għar-reġistrazzjoni għal-organic farmers għand l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), ikunu finalment jistgħu jitħallsu lura f’sussidju hekk kif inhu stabbilit mill-Ministeru għall-Agrikoltura?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Nuqqas ta’ bejgħ tal-majjal – għajnuna offruta għat-telf ta’ bejgħ
Question
Ladarba l-bejgħ tal-majjal naqas ħafna minħabba l-pandemija tal-COVID, jista’ l-Ministru jistħarreġ il-possibbilità biex joffri għajnuna li tagħmel tajjeb għat-telf ta’ bejgħ li hawn fil-preżent tal-majjal?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sa mill-bidu tal-pandemija fl-2020, il-gvern kien u baqgħa jagħmel monitoraġġ u analiżi fuq is-setturi agrikoli kollha milquta mill-pandemija b’mod li ppermettilu jagħti sostenn effettiv, tempestiv u sinjifikanti kull fejn meħtieġ. B’hekk permezz ta’ pakkett ta’ għajnuna finanzjarja mmirata mhux biss għas-settur importanti tal-majjal, iżda għal l-ewwel darba f’pajjiżna anki l-oħrajn kollha, u f’konformita’ mar-regoli tal-UE, ġew allokati €4 miljun f’għajnuna li tħallsu lil dawn is-setturi. Dan il-monitoraġġ u l-proċess ta’ analiżi u deċiżjoni dwar l-għajnuna marbuta mal-pandemija ma waqafx u qed jitkompla anki fil-preżent, bil-gvern lest jintervjeni mill-ġdid kemm fis-settur tal-majjal u anki dawk l-oħrajn li huma milquta u jeħtieġu l-appoġġ.
Apparti hekk, fi ħdan il-Ministeru li tiegħu jien responsabbli, hemm fis-seħħ kampanja promozzjonali tul din l-aħħar sena bl-isem ta’ ‘Agħżel il-Bnin, Agħżel il-Frisk’ sabiex jintwera’ appoġġ għar-rwol vitali tal-bdiewa, raħħala u sajjieda għall-produzzjoni ta’ ikel frisk u ta’ kwalità fit-territorju tagħna.
Jista’ l-Ministru jaħdem fuq inizjattiva sabiex permezz tagħha jara li prodotti tal-Agro-Industrija Maltija u Għawdxija jkunu aktar offruti għall-bejgħ f’supermarkets u stabbilimenti ta' retail f’pajjiżna?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru li tiegħu jien responabbli, li fil-qafas tar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea marbuta mas-suq uniku għandu numru ta’ inizjattivi żviluppati sabiex il-prodott tal-Agro-Industrija Maltija u Għawdxija jiġi promoss.
· Il-Kampanja “Agħżel il-Bnin, Agħżel il-Frisk” bl-għan li tippromwovi s-settur speċifikament, il-Produzzjoni Agrikola f’Malta u titnissel kultura biex il-konsumatur Malti jagħti tali priorità fl-għażliet tiegħu.
· L-Iskema Nazzjonali Prodotti ta’ Kwalità: Il-Ministeru għandu skema mfassla appożita sabiex prodotti li jilħqu kwalità aktar ogħla minn dik stabbilita fil-Liġi tkun tista’ tiġi rikonoxxuta u ċċertifikata.
· Ta’ min isemmi wkoll skemi ta’ ċertifikazzjoni DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands illi jippromwovu wieħed mill-prodotti eċċellenti frott tal-industrija agrikola l-inbid.
Studenti li qed jispiċċaw barra mis-sistema edukattiva obbligatorja
Question
Tista’ l-Ministru tgħidilna jekk il-Ministeru jew id-Dipartiment tal-Edukazzjoni f’Malta hux qed iżomm rekord, u rekord aġġornat, dwar in-numri ta’ studenti fil-livell primarju, u fil-livell sekondarju li għal xi raġuni, fosthom l-esklużjoni, qed jispiċċaw barra mis-sistema edukattiva obbligatorja? Jekk iva, tista’ tgħaddilna n-numri tal-istudenti fil-livell primarju, u fil-livell sekondarju b’mod separat skont it-tip għall-aħħar 5 snin, li għal xi raġuni qed jispiċċaw barra mis-sistema edukattiva obbligatorja?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema edukattiva li qed inħaddnu ma tippermetti l-ebda student jispiċċa barra mis-sistema edukattiva obbligatorja.
Tista’ l-Ministru telenka liema policy jew gwida titħaddem għall-proċess attwali ta’ statementing b’rabta mal-aċċess għall-appoġġ u jew servizzi fl-iskejjel jew edukazzjoni bi ħtiġijiet speċjali? Liema hi l-gwida tal-proċedura u tal-appoġġ mogħti?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għandu linji gwida ta’ proċedura biex skejjel jirreferu tfal lil Statementing Board. Id-dokument li qed nirreferi għalih huwa dak imsemmi ta' "The Statementing Process: Referral Guidelines for Schools".
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-interventi li saru u d-dati ta’ meta ttieħdu ċertu deċiżjonijiet minn aġenzji, pulizija u qrati fil-każ tat-tifla li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li ġiet maħtufa minn ommha? Jista’ jgħid f’liema stadju tax-xogħol qegħdin u x’inhuma l-prospetti li t-tifla tirritorna lura Malta?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-ħidma ko-ordinata bejn l-entitajiet li jagħmlu parti minn dan il-Ministeru u entitajiet oħra, bħal, fost l-oħrajn, il-Korp tal-Pulizija, hija fuq bażi kontinwa, u mhux biss dwar il-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw b’mod separat.
Dwar il-kas li d-dettalji dwaru qed jingħataw b’mod separat, ninforma lill-Onor. Interpellant li, issa li hemm deċiżjoni tal-Qrati li dan il-kas huwa kas ta’ ħtif (abduction), għaldaqstant tjiebu l-prospetti biex it-tifla tinġieb lura Malta.
Ovvjament, il-kollega jifhem u japprezza li ma nistax naqsam informazzjoni sensittiva dwar il-kas ikkonċernat, dwar il-ħidma li qed issir sabiex it-tifla tinġieb lura f’pajjiżna.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika għalfejn għal xhur sħaħ mhux jingħata servizz ta’ Occupational Therapy b’mod fiżikali fiċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) lil tfal u żgħażagħ b’diżabilità li għandhom tant bżonn?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa għaddej il-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju fis-CDAU. Nfakkru ukoll illi l-pazjenti tas-CDAU xorta qed jingħataw is-servizzi b’mod virtwali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie approvat Wage Supplement bejn Marzu u Ġunju 2020? Kemm kienu l-kumpaniji li utilizzaw dan il-fond? Kemm impjegati? Kemm damu bil-wage supplement? X’kienu l-kundizzjonijiet li ngħata bihom il-wage supplement? Kemm kien hemm talbiet għal wage supplement li ma ntlaqgħux u għaliex ma ntlaqgħux?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena li għaddiet kemm ittieħed quarantine sick leave u minn kemm-il persuna? Jista’ jgħid ukoll x’benefiċċji oħra relatati mal-COVID-19 ingħataw u lil kemm-il persuna ngħataw matul is-sena li għaddiet relatati mal-COVID-19?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li matul is-sena li għaddiet (2020), fid-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għas-Solidarjeta’ u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, kien hemm 39 persuna li utiliżżat il-quarantine leave. Fejn jirrigwardja l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), minn naħa l-oħra, kien hemm 88 persuna li kienu fuq kwarantina matul l-2020.
Dawn il-ħaddiema kollha (kemm dawk tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru, kif ukoll dawk tal-FSWS), li kienu fi kwarantina, kwalifikaw għall
leave speċjali ta’ kwarantina, għall-perijodu li kienu fi kwarantina.
Benefiċċji oħra relatati mal-COVID-19 kienu illi l-impjegati inqasmu f’bubbles billi fejn ix-xogħol ippermetta, nofs l-impjegati ħadmu mid-dar u n-nofs l-ieħor ħadmu mill-uffiċċju.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-impjegati kollha, tad-Dipartimenti u tal-Fondazzjoni, kollha kienu offruti jaħdmu b’mod remot, fejn ix-xogħol kien jippermetti, filwaqt li nżammu is-servizzi kollha offruti mill-Fondazzjoni, miftuħin għas-servizz tal-pubbliku.
Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant, li dan il-Ministeru, permezz tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, ħareġ għadd ta benefiċċji soċjali relatati mal-COVID-19, għal numru ta’ persuni, skont kif jidher fit-tabella annessa ma’ din it-tweġiba parlamentari. Tajjeb li ikun ikkjarifikat li l-benefiċċji imsemmija, u li jidhru fit-tabella t'hawn taħt, ma ngħatawx lil ħaddiema li kienu fi kwarantina, iżda lil numru ta’ benefiċċjarji li tul il-pandemija, u mid-19 ta’ Marzu sa Settembru 2020, kwalifikaw għal wieħed mill-4 benefiċċji soċjali imsemmija hawn taħt:
Title of measures
Date announced
Description of measure
Responsible entity
No. of beneficiaries
Amount spent up to September 2020
€
Parent Benefit (COPB)
19.03.20
For working parents of children under 16 who cannot go to work, to take care of children. €720 per month if full-time and €450 per month if part time.
Ministry for the Family, Children's Rights and Social Solidarity
4,570
9,343,408
Additional Unemployment Benefit (COUB)
19.03.20
Employees who had their full-time employment terminated as of 9th March 2020. Benefit will be topped up to €720 per month if full time and €450 per month if part time.
Ministry for the Family, Children's Rights and Social Solidarity
2,166
2,120,584
Medical Benefit (COMB)
19.03.20
For workers who need to stay at home after 27th March 2020 as ordered by the Superintendence of Public Health.€720 per month if full-time and €450 per month if part time.
Ministry for the Family, Children's Rights and Social Solidarity
1,679
2,506,640
Disability Benefit (CODB)
19.03.20
Persons with Disability who opt to stay at home. €720 per month if full-time and €450 per month if part time. Social Security Contribution will be considered as having been paid.
Ministry for the Family, Children's Rights and Social Solidarity
379
530,274
Jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena li għaddiet kemm ingħataw benefiċċji relatati mal-COVID-19 lil persuni b’diżabilità? Fuq xiex ingħataw? Kemm kien l-ammont? Kemm kienu l-persuni li gawdew minnhom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-benefiċċju relatat mal-Covid-19, ingħata lil persuni b’diżabilità li kienu f’impjieg u li minħabba d-diżabilità tagħhom ma setgħux imorru għax-xogħol.
Kien hemm 379 persuna li gawdew minn dan il-benefiċċju u li l-ammont totali mħallas kien ta’ €530,274.92. Dawk li kienu jaħdmu full-time tħallsu €720 fix-xahar filwaqt li dawk li kienu jaħdmu part-time tħallsu €450 fix-xahar.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19560 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta hemm il-ħsieb li jitnaddaf Wied il-Għasel fil-Mosta peress li l-post huwa attrazzjoni għal numru kbir ta’ nies li jħobbu jmorru jimxu fil-kampanja?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Dipartiment tal-Gvern Lokali – persuni assenjati biex jaħdmu mal-kunsilli lokali — salarji
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk id-Dipartiment tal-Gvern Lokali (DLG) hux qed iħallas salarji għall-persuni li jiġu assenjati biex jaħdmu mal-Kunsilli Lokali? Jista’ jindika liema kunsill lokali għandhom persuni assenjati u salarji mħallsa mid-DLG, kemm jammontaw dawn is-salarji, f’liema skala huma impjegati dawn il-persuni, xi rwol qed jingħataw mill-Kunsilli Lokali, kif ukoll kif intgħażlu l-kunsilli lokali li qed jingħataw dan il-benefiċċju mid-DLG? Jista' jikkonferma meta ddaħlet din il-proċedura, kif qed titħaddem u kemm salarji għall-persuni assenjati mal-Kunsilli Lokali għandu ħsieb li jiffinanzja d-Dipartiment tal-Gvern Lokali?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema taħt il-Community Scheme Workers
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18105 u 16997 u jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema tal-Iskema (Community Scheme Workers) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid taħt liema Direttorat jiffurmaw parti dawn il-ħaddiema, kif ukoll jgħid x'inhu xogħolhom, kif ukoll jgħid x'korsijiet sarulhom sa issa lil dawn il-ħaddiema u x'korsijiet hemm ippjanati li jsirilhom matul is-sena 2021 mill-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.