Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għasel — tindif

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 19694 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-mistoqsija parlamentari 19560 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid jekk u meta hemm il-ħsieb li jitnaddaf Wied il-Għasel fil-Mosta peress li l-post huwa attrazzjoni għal numru kbir ta’ nies li jħobbu jmorru jimxu fil-kampanja?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa f`Wied il-Għasel qed isir xogħol infrastrutturali fuq tmien (8) digi minn Parks Malta bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali (MTIP). Dan ix-xogħol beda matul ix-xahar ta’ Ġunju tas-sena 2020 u huwa mistenni li jiġi konkluż fl-aħħar tas-sena 2021. Għaldaqstant, l-Onor. Interpellant għandu jifhem li matul dawn ix-xogħlijiet ta` tħammil ta` dawn id-digi minn Wied il-Għasel sa Wied Santa Katarina ċertu inkonvenjent ikun mistenni f’tali sit.

Tarxien – Triq Manuel Buhagiar

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta Triq Manuel Buhagiar Tarxien ser issir mill-ġdid?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2020, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. B’hekk, minn meta lejn l-aħħar ta’ Jannar tal-2019 tat bidu għall-programm t’investiment ta’ €700 miljun biex ittejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali fil-pajjiż, l-aġenzija bniet mill-ġdid mal-285 triq residenzjali biex eluf ta’ familji li joqogħdu f’dawn it-toroq qegħdin igawdu minn ambjent aħjar barra minn djarhom. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq residenzjali oħra fosthom Triq Paola f’Ħal Tarxien. Fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq Santa Marija, Triq iż-Żejtun, Triq is-Sorijiet u Triq Marjanu Gerada waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej isiru toroq residenzjali oħrajn inkluż Triq Manuel Buhagiar. Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq residenzjali se jissokta fis-snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta. Fis-sentjen li għaddew, Infrastructure Malta għamlet ukoll xogħlijiet f’aktar minn 230 triq rurali. Għaldaqstant, fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq mifruxin fil-lokalitajiet kollha madwar il-pajjiż, u dan apparti xogħlijet ta’ tiswijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn u l-bini ta’ proġetti kbar li qegħdin jinbnew fit-toroq arterjali.

Trasferiment tal-Palazz l-Aħmar fl-Imarfa u Binja li tinkludi l-Batterija ta' Wied Musa — proċess

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19374 u jgħid fiex wasal ix-xogħol/proċess dwar it-trasferiment tal-Palazz l-Aħmar fil-Marfa u li din il-binja tinkludi wkoll il-Batterija ta’ Wied Musa? Fuq l-istess binja, jista’ l-Ministru jindika x'inhuma/ jew x’kienu l-pjanijiet ghal din il-binja storika anke jekk minn entitajiet privati?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Leg 13 PQ #19939 Sitting 440 2021-03-15 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Jobsplus — Ministru responsabbli

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min hu l-Ministru li taħtu taqa’ r-responsabilità tal-Jobs Plus?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor Interpellant li din l-entità hija parti mid-dekasteru tal-Ministeru għal-Finanżi u x-Xogħol.

Awtorità tal-Ippjanar – ħaddiema full time li tattendi kors l-Università ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk fl-uffiċċju legali tal-Awtorità tal-Ippjanar hemmx impjegata full time li wkoll qed tattendi kors tal-liġi fl-Università ta’ Malta? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relatati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant Ii t-tgħarrif għadu qed jinġabar.

Awtorità tal-Ippjanar – deċiżjoni tat-tribunal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar hix ser tappella mid-deċiżjoni tat-tribunal tal-Imħallef Mizzi dwar PAB 266/20 u mill-permess PA 1182/20 fejn hemm li ser jitneħħa front garden li hu schemed?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fir-rigward id-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar fl-ismijiet Imħallef Antonio Mizzi kontra l-Awtorità tal-Ippjanar moqrija fit-2 ta’ Marzu 2021, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ Appell quddiem il-Qorti tal-Appell skont id-dispo¿izzjonijiet tat-Taqsima VI tal-Att V tal-2016, tenut tal-fatt illi appell minn deċiżjonijiet tat-Tribunal għandu jsir fuq punti ta’ liġi.

Għases tal-Pulizija miftuħa 24 siegħa kuljum

Question

Jista’ l-Ministru jinforma kemm hawn għases tal-Pulizija u liema huma dawn l-għases tal-Pulizija ġewwa Malta u Għawdex, li jkunu miftuħa 24 siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-istrateġija u l-viżjoni tal-Pulizija kienet li l-Pulizija tkun aktar viċin in-nies, fil-qalba tal-komunitajiet madwar Malta u Għawdex. Għal dan il-għan nidejna l-proġett ta’ Pulizija fil-komunità, liema proġett se jibqa’ jiġi estiż ħalli jkun hemm dejjem aktar preżenza ta’ Pulizija fit-toroq. Lil hinn mill-Community Policing, tajna u qed nagħtu fakultajiet differenti sabiex kull għassa f’Malta u Għawdex tkun aċċessibli f’kull ħin tul ġurnata permezz ta’ apparat diġitali u mezzi ta’ komunikazzjoni, iżda lil hinn minn dan qed nassiguraw li f’diversi ħinijiet tal-ġurnata jkunu miftuħa l-uffiċċji tal-komunità fil-lokalitajiet. Minkejja l-istrateġija ta’ aktar preżenza tal-Pulizija fit-toroq, minkejja l-ftuħ tal-uffiċċji tal-komunità, ħassejna li għandu jkun hemm l-għases ewlenin, li jkopru d-distretti kollha, miftuħa 24 siegħa kull jum. Dawn huma l-għasses ta’: L-Ajruport - Valletta – Qormi – Zebbug – Paola –Fgura – Luqa – Cospicua – Zabbar – Marsascala – Zejtun – Birzebbuġia – Zurrieq – Sliema - Msida – San Giljan – San Gwann -Hamrun – Marsa - Rabat – Birkirkara – Naxxar – Mosta - Qawra - Cirkewwa - Victoria – Marsalforn u Mgarr. Il-viżjoni tagħna hija li nqarrbu dejjem aktar il-korp tal-Pulizija lejn in-nies.

Korp tal-Pulizija – membri ġodda — etajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-etajiet tal-65 membru ġdid fil-Korp tal-Pulizija li ħadu l-ġurament tal-ħatra fil-5 ta’ Marzu 2021?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-etajiet tal-ħamsa u sittin (65) membru ġdid fil-Korp tal-Pulizija li ġew ingaġġati u li ħadu l-ġurament tal-ħatra fil-5 ta’ Marzu 2021 huma kif jidher fit tabella hawn taħt: Eta’ Numru ta’ Pulizija 37 2 31 1 30 1 29 2 25 4 24 2 23 4 22 4 21 11 20 7 19 20 18 7 Total 65

Korp tal-Pulizija – membri li huma deployed mal-community policing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li huma deployed fil-community policing fid-diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi preżentement in-numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li huma deployed fil-community policing fid-diversi lokalitajiet ġewwa Malta huwa ta’ sitta u ħamsin (56). Minn dawn ħmistax (15) qed jieħdu t-taħriġ tagħhom qabel jitqassmu anke f’lokalitajiet ġodda. Dan il-Gvern hu kommess li jkompli jsaħħaħ dan is-servizz.

Korp tal-Pulizija – membri assenjati mad-Drug Squad

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija li huma assenjati mad-Drug Squad fil-Korp tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi sallum 12 ta’ Marzu 2021, hemm ħamsa u tletin (35) membru tal-Korp tal-Pulizija assenjati mad-Drugs Squad.

Serq — Rapporti ta’ każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ każijiet ta’ serq fis-segwenti lokalitajiet tul is-sena 2020 kollha: Belt Valletta, Floriana, Marsa, Ħamrun, Bormla, Isla, Birgu, Fgura, Ħaż-Żabbar, Tarxien, Santa Luċija, Mqabba, Kirkop, Qrendi, Luqa, Ħal Qormi, Siġġiewi, Birżebbuġa, Marsaxlokk, Safi, Żurrieq, Ħaż-Żebbuġ, Rabat, Mġarr, Mtarfa, Birkirkara, Iklin, Santa Venera, Balzan, Lija, Naxxar, San Pawl il-Baħar, Mellieħa, Mosta, Attard, Tas-Sliema, San Ġiljan, Swieqi, Pembroke, Għargħur, Msida, Gżira, San Ġwann u Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapporti ta’ każijiet ta’ serq li kien hemm matul is-sena 2020 fil-lokalitajiet elenkati mill-Onorevoli Interpellant, kienu kif jidhru fit-tabella hawn taħt: Lokalita Numru ta’ rapporti ATTARD 50 BALZAN 23 BIRGU 22 BIRKIRKARA 167 BIRZEBBUGIA 111 BORMLA 72 FGURA 83 FLORIANA 67 GHARGHUR 11 GZIRA 151 HAMRUN 181 IKLIN 15 ISLA 22 KIRKOP 16 LIJA 4 LUQA 59 MARSA 138 MARSAXLOKK 55 MELLIEHA 104 MGARR 24 MOSTA 120 MQABBA 15 MSIDA 201 MTARFA 3 NAXXAR 75 PEMBROKE 17 QORMI 212 QRENDI 10 RABAT 53 SAFI 9 SAN GILJAN 394 SAN GWANN 72 SAN PAWL IL-BAHAR 423 SANTA LUCIJA 13 SANTA VENERA 69 SIGGIEWI 42 SLIEMA 248 SWIEQI 60 TARXIEN 65 VALLETTA 168 ZABBAR 96 ZEBBUG 68 ZURRIEQ 44 GOZO 185 Total 4037

Vjolenza domestika — Rapporti ta’ każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm rapporti ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika mis-segwenti lokalitajiet tul is-sena 2020 kollha: Belt Valletta, Floriana, Marsa, Ħamrun, Bormla, Isla, Birgu, Fgura, Ħaż-Żabbar, Tarxien, Santa Luċija, Mqabba, Kirkop, Qrendi, Luqa, Ħal Qormi, Siġġiewi, Birżebbuġa, Marsaxlokk, Safi, Żurrieq, Ħaż-Żebbuġ, Rabat, Mġarr, Mtarfa, Birkirkara, Iklin, Santa Venera, Balzan, Lija, Naxxar, San Pawl il-Baħar, Mellieħa, Mosta, Attard, Tas-Sliema, San Ġiljan, Swieqi, Pembroke, Għargħur, Msida, Gżira, San Ġwann u Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi skond is-sistema elettronika tal-Pulizija n-numru ta’ rapporti li saru matul is-sena 2020 dwar każijiet ta’ vjolenza domestika fil-lokalitajiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, kien kif jidher hawn taħt: Lokalita Numru ta’ Rapporti ATTARD 26 BALZAN 9 BIRGU 15 BIRKIRKARA 62 BIRZEBBUGIA 69 BORMLA 51 FGURA 57 FLORIANA 19 GHARGHUR 5 GZIRA 22 HAMRUN 47 IKLIN 4 ISLA 23 KIRKOP 12 LIJA 5 LUQA 28 MARSA 36 MARSAXLOKK 19 MELLIEHA 30 MGARR 17 MOSTA 56 MQABBA 11 MSIDA 31 MTARFA 11 NAXXAR 25 PEMBROKE 10 QORMI 69 QRENDI 11 RABAT 16 SAFI 6 SAN GILJAN 24 SAN GWANN 27 SAN PAWL IL-BAHAR 93 SANTA LUCIJA 16 SANTA VENERA 29 SIGGIEWI 26 SLIEMA 36 SWIEQI 20 TARXIEN 30 VALLETTA 38 ZABBAR 82 ZEBBUG 38 ZURRIEQ 45 GOZO 103 Total 1409

Bejgħ ta’ prodotti tal-Agro-Industrija

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19666, jista’ l-Ministru jgħid b’referenza għat-tliet kampanji: “Agħżel il-Bnin, Agħżel Frisk”, “L-Iskema Nazzjonali Prodotti ta’ kwalità” u “Ċertifikazzjoni DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands, fiex kienet tikkonsisti l-ħidma? Min (ismijiet ta’ persuni) qed iwettaq din il-ħidma? X’budget għandhom?

Response (REFALO, ANTON)

Il-kampanja ‘Agħżel il-frisk, Agħżel il-bnin’ tnediet wara li bdiet il-pandemija fl-2020 sabiex jgħin lis-settur agrikolu f’dawn iż-żminijiet. Din il-kampanja kienet tinvolvi fact cards u reklami fuq il-midja soċjali u fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni dwar prodotti agrikoli speċifiċi jew staġjonali. Din il-kampanja hija mmirata sabiex jintwera’ appoġġ għar-rwol vitali tal-bdiewa, r-raħħala u s-sajjieda għall-produzzjoni ta’ ikel frisk u ta’ kwalità fit-territorju tagħna. Parti minn din il-kampanja kienet iffinanzjata minn fondi Ewropej. In-nefqa fl-2020 kienet ta’ EUR 135,110 u l-ħsieb huwa li din il-kampanja titkompla matul is-sena kollha fl-2021 bl-istess nefqa. Il-Ministeru huwa kommess li jippromwovi l-iskemi kollha ta’ kwalità fis-settur agrikolu għaldaqstant għas-sena 2021 ġew allokati madwar EUR 117,000 sabiex titfassal strateġija ta’ marketing sabiex jiġu promossi wkoll skemi ta’ ċertifikazzjoni DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands, il-biedja organika kif ukoll l-Iskema Nazzjonali Prodotti ta’ Kwalità. Din hija skema fformulata fuq il-Liġi Sussidjarja 427.90, fejn l-iskema tiċċertifika l-prodotti li jilħqu standards ta’ kwalità superjuri minn dawk l-istandards li huma mandatorji. Il-ħidma fuq il-kampanji qed titwettaq mid-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali, bil-kontribut u l-ħidma ta’ diversi uffiċjali pubbliċi.

Nuqqas ta’ bejgħ tal-majjal – għajnuna offruta għat-telf ta’ bejgħ

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19665 jista’ l-Ministru jgħid kif kienu allokati u min gawda mill-allokazzjoni ta’ €4 miljun ewro f’għajnuna li skont l-istess risposta tqassmet fost diversi setturi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-allokazjonijiet saru skont it-tabella t’hawn taħt: SetturBaġit għal kull settur (€) Ħalib1,000,000 Ċanga240,000 Majjali490,000 Nagħaġ290,000 Mogħoż100,000 Tiġieġ li jbidu85,000 Broilers195,000 Naħal50,000 Fniek50,000 Uċuħ tar-raba '1,500,000

Catering establishments – sussidju fuq ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser ikun possibbli li sidien ta’ catering establishments jibdew jirċievu sussidju fuq ħaddiema (wage supplement) li daħlu jaħdmu mal-istabbiliment tagħhom wara Mejju 2020 u dan biex ikunu jistgħu jżommu lil dawn il-ħaddiema fuq il-kotba tagħhom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Liġijiet ta’ Malta li jaħrsu l-kompetizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid skont il-liġijiet ta’ Malta li jħarsu l-kompetizzjoni, x’inhi ċirkostanza li twassal sabiex ditta waħda tista’ titqies li jkollha dominanza f’suq u għalhekk il-Gvern ikun obbligat li jieħu l-miżuri meħtieġa biex iħares il-kompetizzjoni ġusta? Jista’ jgħid skont il-liġijiet ta’ Malta tal-kompetizzjoni, x’inhuma l-miżuri li l-Gvern ikun jista’ jimponi fuq ditta/ażjenda li tkun ikkunsidrata li jkollha dominanza f’suq?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont it-tifsira li hemm fl-Att dwar il-Kompetizzjoni, kumpanija titqies li għandha pożizzjoni dominanti, meta tgawdi minn pożizzjoni ta’ qawwa ekonomika li biha tkun tista’ tipprevjeni milli jkun hemm kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti billi tagħtiha is-setgħa li tikkomporta ruħha, f’limiti sinjifikanti, indipendentement mill-kompetituri, provdituri jew xerrejja tagħha. Biex tasal għall-konklużjoni jekk kumpanija hijiex dominanti fis-suq, wieħed ma jqisx biss is-sehem tal-kumpanija fis-suq ( market share ) imma jridu jiġu ikkunsidrati diversi fatturi oħra fosthom: 1. L-ishma tas-suq tal-kumpaniji kompetituri tagħha. Dan ifisser li pożizzjoni ta’ dominanza tiġi evalwata billi l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan MCCAA jevalwa l-ishma tas-suq tal-akbar operatur meta mqabbel mas-sehem tas-suq tal-aħjar kompetitur li jmiss fl-istess suq. Jekk il-kompetituri l-oħra għandhom sehem baxx fis-suq dan ħa jagħmilha faċli sabiex tinħoloq pożizzjoni dominanti. Madankollu, jekk il-kompetituri l-oħra għandhom sehem għoli fis-suq huwa improbabbli li toħloq dominanza. 2. Jekk hemmx ostakoli għal kumpaniji oħra biex jidħlu fis-suq. Dan ifisser li minħabba li hemm bżonn kapital qawwi biex tiftaħ kumpanija jew mhux qegħdin jinħargu liċenzji. Dan iwassal biex kumpanija tista’ titqies dominanti. Dawn il-fatturi ħarġu f’deċiżjonjiet tal-Qrati Ewropej fejn ikollok kumpaniji li jkunu appellaw mill-multi li jkunu ġew imposti mill-Kummissjoni Ewropeja għax kumpanija tkun abbużat minn pożizzjoni dominanti tagħha. Il-fatt li kumpanija tgawdi minn pożizzjoni dominanti, b’daqshekk ma jfissirx illi tkun qed tikser il-liġi tal-kompetizzjoni. Huwa l-abbuż minn dik id-dominanza li jwassal biex l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni jieħu azzjoni, bħal per eżempju meta b’mod dirett jew indirett kumpanija li tkun meqjusa dominanti timponi prezz eċċessiv jew inġust ta’ xiri jew bejgħ. Kumpanija li tinstab li abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha tista’ teħel penali sa 10% tal-bejgħ annwali tagħha, tista’ tiġi imposta fuqha ordni ta’ waqfien u ebda tkomplija sabiex dik il-kumpanija tieqaf u ma tkomplix tipparteċipa fil-ksur jew tiġi imposta ordni ta’ konformità li jippreskrivi xi rimedji li għandha tadotta il-kumpanija in kwistjoni. Kumpanija tista’ toffri wkoll dawk li jisseħju rabtiet sabiex is-suspettat ksur jiġi tterminat u sabiex tindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikati fil-każ partikolari. Jista’ jkun il-każ ukoll li b’mod temporanju waqt li tkun għadha għaddejja l-investigazzjoni jinħarġu miżuri interim f’każijiet ta’ urġenza.

Infrastructure Malta – każijiet investigati mill-pulizija swar sfreġju ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19689 u jindika liema u kemm-il każ il-pulizija investigat jew qed tinvestiga dwar l-allegati llegalitajiet u oħrajn konfermati bi sfreġju ambjentali li wettqet jew qed twettaq Infrastructure Malta waqt “xogħlijiet” li wettqet jew qed twettaq f’pajjiżna?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-Pulizija tieħu ħsieb li tinvestiga kull allegazzjoni li jkollha f'ideja ġejja minn fejn ġejja u ma teħtieġ l-ebda permess biex tagħmel dan. Jekk jeżistu dawn l-allegazzjonijiet li qed isemmi l-Onor. Interpellant, u dawn qegħdin għand il-Pulizija, m'hemmx dubbju li qed isiru l-investigazzjonijiet neċessarji.
Leg 13 PQ #19971 Sitting 440 2021-03-15 Oral · Final From: MARIA DEGUARA To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Skema ta’ self għall-anzjani fuq id-dar li huma sid tagħha

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni anzjani għamlu użu mill-iskema ta’ self għall-anzjani fuq id-dar li huma sid tagħha, kif imħabbra fil-baġit għas-sena 2019, bir-regolamenti relatati ma’ dan is-self imdaħħla fis-seħħ mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA), fl-1 ta’ Settembru 2019?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s’issa istituzzjoni waħda wriet interess biex toffri dan il-prodott u għaddejjin diskussjonijiet mal-Awtorita’ (MFSA). L-applikazzjoni għadha mhux finalizzata u jiddependi mill-prijoritajiet ta’ din l- istituzzjoni meta dan il-prodott ħa jiġi zviluppat, speċjalment bl-isfidi li qed jiffaċċjaw l-istess istituzzjonijiet konsegwenza tal-impatt tal-Covid 19.