Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom 100 sena jew aktar?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont stimi tal-popolazzjoni li jirreferu għall-31 ta’ Diċembru 2019, in-numru ta’ persuni residenti f’Malta li kellhom 100 sena jew aktar kien ta’ 97. Din hija l-aktar informazzjoni reċenti li għandu disponibbli l-NSO.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm inkwlini fil-kirjiet ta’ qabel l-1995?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat illi skont l-aħħar tagħrif ippubblikat mill-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) jirriżulta li hawn 9,700 proprjetà f’kirja protetta.
Awtorità tad-Djar – familji li jgħixu fi djar tal-housing overcrowded
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17825 u jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar, tikkunsidrax familji li jgħixu f'djar tal-housing li huma overcrowded jew f'djar substandard? Jekk iva, kemm hemm familji f'units overcrowded u oħrajn substandard?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar tikkunsidra każijiet ta’ overcrowding u substandard bħala każijiet li jeħtieġu prijorità. Bħalissa hemm 64 familja fuq il-waiting listgħal akkomodazzjoni alternattiva minħabba li jgħixu f’residenza substandard u 654 familja fuq il-waiting list minħabba li r-residenza tagħhom hija żgħira wisq għan-numru ta’ abitanti li jgħixu fiha.
Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija impjegata fil-Ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f’kull skala tas-salarju provdut fil-gradi ta’ salarji għas-servizz pubbliku u jgħid kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 19253.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il żwieġ reliġjuż ġie reġistrat mal-Identity Malta sa mis-sena 2013 u jgħid kemm-il waħda minn dawk il-koppji huma ta’ nazzjonalità barranija (it-tnejn li huma jew waħda mill-konjuġi)?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li mill-2013 kien hemm 8,895 żwieġ reliġjuż reġistrat f’Malta. Minn dawn, kien hemm 989 żwieġ fejn parti mill-koppja jew iż-żewġ partijiet huma ta’ nazzjonalità barranija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il żwieġ ċivili ġie reġistrat mal-Identity Malta sa mis-sena 2013 u jgħid kemm-il waħda minn dawk il-koppji huma ta’ nazzjonalità barranija (it-tnejn li huma jew waħda mill-konjuġi)?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li mill-2013 kien hemm 10,058 żwieġ ċivili reġistrat f’Malta. Minn dawn, kien hemm 7,890 żwieġ ċivili fejn parti mill-koppja jew iż-żewġ partijiet huma ta’ nazzjonalità barranija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il unjoni ċivili ġiet reġistrata mal-Identity Malta sa mis-sena 2013 u jgħid kemm-il waħda minn dawk il-koppji huma ta’ nazzjonalità barranija (it-tnejn li huma jew waħda mill-konjuġi)?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li mill-2013 kien hemm 192 unjoni ċivili reġistrati f’Malta. Minn dawn, kien hemm 135 unjoni ċivili fejn parti mill-koppja jew iż-żewġ partijiet huma ta’ nazzjonalità barranija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il koabitazzjoni ġiet reġistrata mal-Identity Malta sa mis-sena 2013 u jgħid kemm-il waħda minn dawk il-koppji huma ta’ nazzjonalità barranija (it-tnejn li huma jew waħda mil-konjuġi)?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li mill-2013 kien hemm 34 koabitazzjoni reġistrata ma’ Identity Malta. Minn dawn, kien hemm 22 koabitazzjoni fejn parti mill-koppja jew iż-żewġ partijiet huma ta’ nazzjonalità barranija.
Identity Malta – separazzjoni ta’ konjuġi reġistrati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il separazzjoni ta’ konjuġi ġiet reġistrata mal-Identity Malta sa mis-sena 2013 u jgħid kemm-il waħda minn dawk il-koppji huma ta’ nazzjonalità barranija (it-tnejn li huma jew waħda mill-konjuġi)?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li r-reġistrazzjoni ta’ separazzjonijiet, kemm ta’ konjuġi Maltin kif ukoll ta’ nazzjonalità barranija jingħataw numru tal-insinwa, bħal atti oħra pubbliċi li jiġu reġistrati ġewwa r-Reġistru Pubbliku. Infurmat li mhux possibli li dawn jiġu ffiltrati minn atti oħra pubbliċi.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett ta’ Multi Modal Hub f’Ta’ Xħajma fin-Nadur Għawdex u jgħid fil-preżent x’tip ta’ xogħol infrastrutturali għaddej fuq dan il-proġett iffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qegħdin jiġu ffinaliżżati il-construction drawings skont l-emendi li ġew effettwati fil-pjanti hekk kif sottomessi mat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari PQ19028.
Ministeru għal Għawdex – xiri ta’ coaches li jaħdmu bl-elettriku
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16506, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-koordinamenti u jekk ġewx finalizzati bejn il-Ministeru tat-Trasport u l-Ministeru għal Għawdex 'sabiex jibda jiġi offrut servizz ta’ Park & Ride għall-Għawdxin li jridu jaqsmu lejn Malta, sabiex possibbilment jibda’ jingħata servizz ta’ trasport lill-istudenti Għawdxin minn lokalitajiet oħrajn għall-Imġarr' permezz tas-sitt coaches li jaħdmu bl-elettriku li nxtraw mill-Ministeru għal Għawdex b'fondi tal-EU u li waslu Għawdex f’nofs Ġunju tas-sena 2020?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet fuq din il-materja għadhom għaddejjin.
Transport Malta – Cyber Attack – riżultat tal-investigazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien ir-riżultat tal-investigazzjoni fuq l-attakk li ġarbet Transport Malta fis-sistema tal-computers (cyber attack)? Jista’ jgħid x’wassal għal dan u jgħid kif u għaliex il-pjani ta’ kontinġenza bħalma huma backups ma ħadmux? Jista’ jgħid jekk il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data kienx infurmat u jekk iva, saritx investigazzjoni separata biex tassigura jekk l-informazzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi ġietx misruqa minn min wettaq dan l-attakk?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Transport għadha qed tistenna l-eżitu tal-Inkjesta Maġisterjali.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16686 u jgħid jekk Kunsill Lokali jistax jagħti spazju fl-uffiċċji tiegħu jew fi proprjetà tiegħu jew amministrata minnu lil xi NGO biex din tintuża għal żmien temporanju mill-istess NGO? Jista' jikkonferma jekk biex isir dan, għandux bżonn ikun hemm bye-law jew tista' ssir b'deċiżjoni tal-Kunsill Lokali?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-proċedura li għandha tintuża meta Kunsill Lokali jintalab u jaċċetta li jikkonċedi spazju fi proprjetà tiegħu hi li tali arranġament għandu dejjem isir skont it-termini stabbiliti fil-by-laws li jkun għamel l-istess Kunsill. Tali by-laws jistgħu jispeċifikaw kemm ir-rati ta’ ħlas li għandhom jintalbu kif ukoll, jekk ikun il-każ, konċessjonijiet jew arranġamenti oħra kif il-Kunsill ikun stabilixxa.
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm-il kumpanija jew oħrajn hemm joperaw mil-Gozo Innovation Hub ġewwa x-Xewkija Għawdex u xi spazju ngħatat kull kumpanija jew oħrajn li qed joperaw minn hemm? Jista' jgħid kemm qed iħaddmu nies dawn il-kumpaniji jew oħrajn f'dan il-Hub fil-preżent?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm erbgħa kumpaniji kkonfermati u li ġew allokatti madwar 580 metru kwadru ta’ spazju industrijali. Huwa mistenni li dawn il-kumpaniji ser ikunu qed jilħqu l-livell ta' madwar 70 impjegat fiż-żmien tliet snin.
Madankollu, kif wieħed japprezza l-preżenza tagħhom fil-Hub bħalissa hija limitata minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari kkawżati mill-pandemija, fejn in-natura teknoloġika tax-xogħol tagħhom kif ukoll restrizzjonijiet ta’ logistika tippermetilhom li jaħdmu b’mod remot.
Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta – kanċellazzjonijiet ta’ liċenzji
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19503, jista’ l-Ministru jgħid mill-bidu tal-operat tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) s’issa, kemm-il darba l-MFSA offriet xi tip ta' settlement lil license holders maqsuma sena b’sena? F'kemm-il ċirkostanza ġew aċċettati tali offerti ta' settlements mil-license holders li lilhom kienet magħmula din l-offerta, maqsuma sena b'sena?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minħabba l-ammont ta’ zmien li għadda l-Awtorità tista’ tagħti informazzjoni dwar settlements imponuti mis-sena 2007 il-quddiem. Ta’ min wieħed jinnota li ġeneralment ikun il-“licence holder” li javviċina lil MFSA biex jinbdew diskussjonijiet mal-Awtorità biex jasal għal xi forma ta’ “settlement”. F’kull kaz li jkun konkluz permezz ta’ settlement dejjem titiħedet xi tip ta’ azzjoni li tvarja minn impozizzjoni ta’ penali amministrattiva jew mizuri oħra. Hawn taħt hawn inklu¿a il-lista tas-settlements maqsuma sena b’sena.
Settlements konkluzi fis-sena 2014 – 1
Settlements konkluzi fis-sena 2016 – 1
Settlements konkluzi fis-sena 2017 – 2
Settlements konkluzi fis-sena 2020 – 1
Informazzjoni rigward kull azzjoni ta’ infurzar meħuda mill MFSA hija disponibbli pubblikament fuq is-sit tal-MFSA skont l-Artikolu 16(8) tal-Att dwar l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta u wkoll skont l-
Publication policy
tal-Awtorità.
Iż-Żejtun – Triq Bormla (Ta’ Ċawsli) – ċitazzjonijiet fuq overspeeding
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet fuq overspeeding fi Triq Bormla (Ta’ Ċawsli) fiż-Żejtun minn Jannar 2020 sal-aħħar ta’ Frar 2021?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi minn Jannar 2020 sal-aħħar ta’ Frar 2021 inħarġu sitta u għoxrin (26) ċitazzjoni permezz ta’ tickets fuq over speeding fi Triq Bormla (Ta’ Ċawsli) fiŻ-Żejtun.
Iż-Żejtun – Triq Bormla (Ta’ Ċawsli) – speed camera
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser tiġi installata speed camera fi Triq Bormla (ta’ Ċawsli) fiż-Żejtun minħabba problema kbira ta' sewqan eċċessiv u jekk iva, meta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ ta’ Transport f’Malta ma rċievit l-ebda talba biex jiġu nstallati speed cameras f’din it-triq. Fi kwalunkwe każ it-talbiet mill-Kunsilli Lokali għandhom isiru lill-LESA, (li hija l-aġenzija responsabbli mill-installazzjoni ta’ speed cameras) wara li tingħata approvazzjoni mill Awtorità.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna bi trapjant irċeviet il-vaċċin kontra l-COVID-19 sal-aħħar ta’ Frar? Jista’ jgħid kemm fadal persuni bi trapjant li għad iridu jirċievu l-vaċċin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi persuni li rċevew trapjant huma meqjusa parti mill-grupp ta’ persuni vulnerabbli, Sa issa 67% ta’ dan il-grupp ingħata t-tilqima kontra l-Covid 19. Il-proċess għadu għaddej.