Xogħol bil-lejl – xogħol bl-użu ta’ jack hammer
Question
Għalkemm li ċertu xogħol isir bil-lejl huwa tajjeb għax inaqqas mill-konġestjoni tat-traffiku, jista’ l-Ministru jara li xogħol bl-użu ta’ ‘jack hammer’ ma għandux isir bil-lejl f’żoni qrib residenti bħalma ġara fil-Mini ta’ San Ġiljan għax ikun hemm min irid jorqod u xogħol ta’ dan it-tip ikun qiegħed itellef mis-serħan għal min ikun irid imur għax-xogħol l-għada filgħodu?
Response (BORG, IAN)
Il-proġett b’investiment ta’ €10 miljun minn Infrastructure Malta biex tirranġa u ssebbaħ l-istrutturi tal-mini f’Ħal Kirkop, Santa Venera, Tal-Qroqq u Ta’ Giorni għaddej ġmielu. L-aġenzija qed taħdem fuq tmien mini differenti, għax kull waħda mill-erba’ strutturi ta’ dan il-proġett hija magħmulha minn żewġ mini li jagħtu lejn direzzjonijiet opposti. Kull mina fiha żewġ korsiji li flimkien iġibu total ta’ 4.8 kilometri ta’ korsiji.
Dawn il-mini nbnew bejn l-1967 u l-1996, bl-eqdem struttura hija dik Ta’ Giorni u l-iżjed waħda riċenti ta’ Tal-Qroqq. Minħabba li kien ilhom snin twal fi stat ta’ telqa, l-erba’ strutturi kellhom bżonn ħafna tiswijiet, manutenzjoni u modernizzar sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-ogħla standards internazzjonali ta’ kwalità u jkunu armati bl-aħħar teknoloġiji ta’ saħħa u sigurezza għall-eluf ta’ persuni li jgħaddu minnhom ta’ kuljum.
Fil-fażi inizjali tal-proġett, tnaddfu l-ħitan biex tneħħa n-nugrufun li tħalla jinġema għal għexieren ta’ snin. Imbagħad bdew it-tiswijiet tal-istrutturi u l-faċċati tagħhom li partijiet minnhom kellhom ħsarat estensivi u għalhekk kienu jeħtieġu xogħol kbir ta’ manutenzjoni fil-ġebla. Fil-każ tal-mini ta’ Santa Venera u Ta’ Giorni li t-tnejn tħaffru fil-blat sar ukoll studju bl-użu ta’ radar biex ġew identifikati xquq li kienu jeħtieġu interventi addizzjonali. Uħud minn dawn ix-xogħlijiet ta’ tisħiħ diġà twettqu, waqt li oħrajn għadhom għaddejjin.
Għal kull wieħed mill-erba’ settijiet ta’ mini, nbnew kmamar tal-kontroll fuq barra li minnhom se jkunu jistgħu jiġu kkontrollati s-sistemi ġodda ta’ saħħa u sigurezza, fosthom cameras ta’ sorveljanza, alarms ta’ kontra n-nirien, apparat li jkejjel il-kwalità tal-arja fil-mini, tabelli elettroniċi u tagħmir ta’ komunikazzjoni f’każi t’emerġenza. Infrastructure Malta ser tqabbad il-kontroll ta’ dawn is-sistemi maċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku ta’ Transport Malta, biex ikun hemm monitoraġġ kontinwu. Is-sistema avvanzata ta’ cameras li se jkun hemm fil-mini se jkollha l-kapaċità li awtomatikament tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet jekk ikun hemm xi diffikultajiet, bħal xi karozza wieqfa fil-mina jew nirien, sabiex tintbagħat l-għajnuna minnufih.
L-aġenzija qed itejjeb ukoll il-passaġġi u bibien ta’ ħruġ ta’ emerġenza minn kull mina b’diversi tagħmir bħalma huma bibien reżistenti għan-nirien u apparat biex iċċempel għall-għajnuna bħalma nsibu fil-liftijiet, kif ukoll sinjali u dwal li jidderiġuk minn fejn għandek toħroġ.
Matul l-aħħar ġimgħat, f’kull waħda mill-mini bdew jiġu nstallati sistemi għall-provvista tal-ilma u apparat ieħor għal kontra n-nirien bħalma huma fire hydrants. Għal dawn is-sistemi kontra n-nirien b’kollox ġew mgħoddijin minn taħt l-art ftit aktar minn tliet kilometri ta’ pajpijiet għall-ilma. Barra minn hekk, wara konsultazzjonijiet mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Infrastructure Malta bniet ukoll ġibjuni taħt l-art barra tnejn mill-istrutturi minħabba li ma kienx hemm l-ebda provvista t’ilma disponibbli għal dawn is-sistemi ġodda għat-tifi tan-nar.
Minbarra li se tibdel is-sistemi tad-dwal biex il-mini ma jibqgħux imdallmin, Infrastructure Malta ser tiksi l-ħitan tal-ġnub tal-mini b’materjal apposta li jsebbaħhom u jdawwalhom aktar. Minbarra li jipprovdi viżibilità aħjar fil-mini, dan il-materjal għandu jiffaċilita wkoll it-tindif u l-manutenzjoni li jkun hemm bżonn isiru kull tant żmien. Bis-sistema l-ġdida tad-dwal, il-qawwa tad-dawl ġewwa l-mini se tinbidel mal-ġurnata, billi jitbaxxa jew jogħla mal-ħin, ħalli l-għajnejn tas-sewwieqa joqgħodu mill-ewwel meta tidħol fihom. Il-proġett jitlesta billi finalment jerġgħu jsiru l-mogħdijiet t’emerġenza fil-ġnub u jerġa’ jinkesa bl-asfalt il-wiċċ tat-triq ġewwa l-mini.
Billi dawn il-mini jinsabu f’rotot kruċjali għas-sistema tal-ivvjaġġar ta’ pajjiżna u minnhom jgħaddu ħafna karozzi, il-periti ta’ Infrastructure Malta ppjanaw li l-kuntratturi jagħmlu ħafna mix-xogħol fihom fi tmiem il-ġimgħa u billejl. Fil-każ t’uħud mill-mini, fosthom dawk ta’ Ta’ Giorni, m’hemmx rotot alternattivi sostenibbli għalihom u fil-fatt ħafna drabi tingħalaq biss naħa waħda biex in-naħa l-oħra tintuża f’żewġ direzzjonijiet. B’hekk, jonqos kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għall-pubbliku inġenerali meta jivvjaġġa minn ġol-mini u partikolarment għar-residenti tal-madwar biex ikollhom l-inqas emmissjonijiet mill-konġestjoni li tinħoloq kieku x-xogħlijiet isiru mal-ġurnata. Dan l-arranġament jirrekkjedi aktar ippjanar ma’ dawk kollha konċernati u huwa l-aħjar mod kif għandhom isiru tali xogħlijiet. Minħabba li parti minn dawn ix-xogħlijiet huma sors ta’ storbju, l-aġenzija ser tesiġi mal-kuntratturi biex meta jkun possibbli, dawn isiru kemm jista’ jkun fil-ħinijiet tal-ġurnata fi tmiem il-ġimgħa ħalli l-inkonvenjent għall-pubbliku jkun l-inqas possibbli.
It-titjib ta’ dawn il-mini jingħaqad mal-investiment bla preċedent li qed isir minn Infrastructure Malta f’ħafna toroq arterjali oħrajn, fosthom dawk li jagħtu għall-istess strutturi, biex pajjiżna jkollu infrastruttura tal-ivvjaġġar aktar sigura, aktar effiċjenti u aktar sostenibbli.