Portijiet tal-Imġarr u Ċirkewwa – livell ta’ tniġġis fl-arja u fil-baħar
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19426, jista’ l-Ministru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija li tikkonċerna lilu u ċjoè: Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament jekk hemmx metodu ta’ kif jitkejjel il-livell ta' tniġġis fl-arja u fil-baħar fil-Portijiet tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa? Jekk iva jista' jippreżenta d-dettalji għall-aħħar ħames snin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Fir-rigward tal-livelli ta’ tniġġis fl-arja, l-eqreb punti ta’ fejn isir monitoraġġ għall-port taċ-Ċirkewwa huma fil-Mellieħa. Fil-każ tal-port tal-Mġarr, il-punt tal-monitoraġġ huwa fi Triq l-Imġarr. Minn dawn il-punti ta’ monitoraġġ tinġabar informazzjoni dwar il-livelli ta’ benzene u nitrogen dioxide.
Dwar Il-livelli ta’ tniġġis fil-baħar, dan jitkejjel regolarment permezz ta’ programmi ta’ monitoraġġ li jiġu mfassla skont direttivi tal-UE.
Fil-baħar, dan il-programm ta’ monitoraġġ ġie implementat mill-2017 sal l-2019 permezz ta’ fondi Ewropej bil-proġettEMFF 8.3.1. Permezz ta’ dan l-proġett, sar monitoraġġ ta’ kontaminanti kemm fl-ilma u fis-sediment. Tnejn mis-siti ta’ monitoraġġ kienu fil-portijiet tal-Imġarr (MTCN03-2) u taċ-Ċirkewwa (MTCN03-3). Ħafna mill-kontaminanti li ġew analizzati ma kienux preżenti jew kienu f’livelli tant baxxi li lanqas inqabdu bl-analiżi li saret. Għalkemm l-istandards tal-kwalità ambjentali mhumiex stabbiliti għal kull sustanza bid-direttivi tal-Unjoni Ewropeja jew minn Membri Stati oħrajn, il-livell ta’ kontaminanti li ġew ikkwantifikati f’dawn iż-żewġ siti huma taħt il-livelli standard ta’ kwalità ambjentali (EQS) fejn stabilliti (bid-direttivi tal-Unjoni Ewropeja jew minn Membri Stati oħrajn).
Din l-analiżi tinsab iżjed fid-dettall fir-rapporti li ngħataw minn Malta bħala parti mid-Direttiva dwar l-Istrateġija Marina aċċessibbli minn fuq is-sit elettroniku tal-ERA (https://era.org.mt/wp-content/uploads/2020/06/MSFD-Art.-17-Update-Malta_FINAL.pdf).
Tribunal ta’ Reviżjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar – deċiżjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament in kwantu d-deċiżjonijiet tat-Tribunal ta' Reviżjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar, kemm minn dawn ikkonfermaw u kemm minnhom qalbu deċiżjonijiet tal-Bord tal-Ippjanar mill-bidu tas-sena 2020 sal-jum li fih titwieġeb din id-domanda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li, mill-bidu tal-2020 sal-lum, kien hemm tliet (3) deċiżjonijiet tal-Bord tal-Ippjanar li ġew ikkonfermati mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar u żewġ (2) deċiżjonijiet li nqalbu. Kien hemm ukoll tliet (3) deċiżjonijiet oħra li ntbagħtu lura għal iktar ipproċessar mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17962 u jinforma lill-Parlament kemm art f'Outside Development Zone f'Malta u f'Għawdex ġiet destinata għal-solar panel farms jew fejn ġew installati solar panels u dan sal-jum li fih tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Illi b’referenza għall-mistoqsija nuru 20029, qed ninforma lill-Onorevoli interpellant illi m'hemmx speċifikat zoni għall-installazzjoni ta’ solar panel farmsbarra ż-żona tal-iżvilupp, iżda permezz tas-Solar Farms Policy li ġiet fis-seħħ fis-sena 2017 ġew identifikati siti addatati għall-istallazzjoni ta’ solar farms fosthom barrieri, landfills magħluqa, jew soqfa ta’ ċertu kobor li ukoll jistgħu jinstabu barra l-konfini tal-iżvilupp bħal per eżempju soqfa ta’ ġibjuni kbar jew irziezet, jew bini industrijali.
Illi għalhekk wieħed jinnota li t;ett sitwazzjoni jew istanzi fejn pannelli fotovoltajiċi jistgħu jiġu akkomodati f’zoni ODZ, bħal ma huma f’barrieri eżawriti, f’siti ta’ landfills, kif ukoll fuq bini eżistenti, u dawn huma kollha indikati bħala siti eleġibbli fil-Policyspeċifika dwar PV Farms.
Barrieri eżawriti u rijabilitati hemm tnejn kbar li huma dawk ta’ Torri Falka fil-limiti tal-Mġarr, Malta kif ukoll fiz-zona magħrufa tas-Sejba, fl-limiti tal-Imqabba u fiż-żewġ każijiet dawn qed joperaw.
F’sit ta’ landfillhemm il-kaz ta’ Bengħisa fil-limiti ta’ Birżebbuġa u l-istess dan ukoll qed jopera.
Fuq bini eżistenti hemm diversi eżempji, bħal fil-każ ta’ ġibjuni kbar immaniġġjati mill-Water Services Corporation, bħal fil-każ ta’ Wied il-Fiddien fil-limiti tar-Rabat, li qed jopera, u bħalissa għaddej xogħol ta’ installazzjoni fuq il-ġibjuni tal-Qrendi, kif ukoll fuq erba’ ġibjuni f’Ta’ Ċenċ Għawdex.
Fuq bini eżistenti iehor, hemm diversi binjiet industrajli li jinsabu f’zoni hekk imsejjħa Area of Containments fil-Pjannijiet Lokali u solar farms estensivi jinsabu fuq binijiet industrijali f’Ħal Farruġ, fil-limiti ta’ Ħal Luqa u fl-inħawi ta’ t’Alla w Ommu fil-limiti tan-Naxxar.
Zoni estensivi oħra fejn ġew installati solar farmjinsabu fil-Freeport ta’ Marsaxlokk, kif ukoll ġewwa l-konfini tal-airport ta’ Ħal Luqa, kemm fuq il-bini tat-terminal kif ukoll fuq l-art maġenb ir-runway, f’żona viċin il-hangerstal-Lufthansa.
Ta' min isemmi ukoll li l-bdiewa jinstallaw panelli fotovoltajici fuq binjiet ta’ rziezet kbar, kif ukoll fuq serer. Illi fil-kaz tal-aħħar kien hemm żewġ proġetti kbar ta’ serer fil-limiti tar-Rabat, u anke każ wieħed f’Ghawdex bejn ix-Xewkija u r-Rabat u li jinkludu installazzjoni ta’ panelli fotovoltajiċi, għalkemm f’dan il-każ l-Awtorità tal-Ippjanar qed tkun aktar kawta f’applikazzjonijiet simili sabiex tevita strutturi f’għelieqi li l-iskop ewlieni jkun dak ta’ intallazzjoni ta’ PV aktar milli għall-użu agrikolu u li dan għandu jiġi skoraġġit.
Jista' l- Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17964 u jinforma lill-Parlament kemm ġew esegwiti ordnijiet t'infurzar tal-Awtorità tal-Ippjanar, lokalità b'lokalità f'Għawdex tul il-leġislatura kurrenti?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Lezzjonijiet b’mod remot – protokolli u linji gwida lill-edukaturi
Question
Fid-dawl tas-sitwazzjoni u l-fatt li min-nhar it-Tnejn 15 ta’ Marzu 2021 il-lezzjonijiet se jkunu qed isiru b’mod remot, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-protokolli kollha li se tkun qed topera bihom u l-linji gwida li qed jingħataw lill-edukaturi? Tista’ tgħid meta kienu ppreparati dawn u minn min?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru kellu linji gwida mħejjinin għal sitwazzjoni eventwali li l-iskejjel jingħalqu mill-awtorità tas-saħħa u t-tagħlim isir onlajn.
Il-linji gwida ġew imfassla mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u maqbulin mal-MUT.
Fil-fatt, fost it-tħejjijiet u t-twettieq li saru mid-Dipartimenti konċernati qabel il-ftuħ mill-ġdid ta’ din is-sena skolastika f’Settembru 2021, l-istudenti kollha tal-iskejjel primarji, medji sekondarji nġabru fil-klassijiet/gruppi tagħhom fuq il-pjattaforma MS TEAMS li qed tintuża mill-iskejjel u kienu offruti bosta sessjonijiet ta’ taħriġ.
Fid-dawl tas-sitwazzjoni u l-fatt li min-nhar it-Tnejn 15 ta’ Marzu 2021 il-lezzjonijiet se jkunu qed isiru b’mod online, tista’ l-Ministru tgħid:
a) Jekk l-edukaturi fl-Iskejjel Statali humiex mistennija jagħtu l-lezzjonijiet tagħhom mill-iskejjel rispettivi jew le? u
b) Jekk l-edukaturi hux se jkunu qed jingħataw il-laptops il-ġodda b’mod immedjat biex iservuhom fil-perjodu tal-online teaching? X’apparat teknoloġiku ieħor tqassam lill-edukaturi jew hemm intenzjoni li jitqassam?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif indikat fil-linji gwida li tqassmu lill-iskejjel, l-edukaturi mistennijin joffru tagħlim onlajn ta’ kwalità. Dan jista’ jkun offrut mid-dar jew f’każijiet ta’ ħtieġa u ta’ bżonn għall-edukatur mill-iskola.
Irid jingħad li kull edukatur fl-iskejjel tal-Istat diġà għandu laptop. Dan minbarra li l-iskejjel tal-Istat huma attrezzati kemm bl-Interactive Whiteboards jew bl-Interactive Flat Panels u bl-All-In-One computers.
Skejjel li kellhom problemi bil-konnessjoni tal-internet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hawn skejjel madwar Malta li nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Marzu kellhom problemi bil-konnessjoni tal-internet?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Marzu kien hemm problema temporanja ta’ konnettività u li ġiet riżolta minnufih bil-konnessjoni tal-internet li affettwat 100 skola.
Studenti tal-11-il sena tas-sekondarja — eżamijiet
Question
Fid-dawl tas-sitwazzjoni u l-fatt li min-nhar it-Tnejn 15 ta’ Marzu l-lezzjonijiet se jkunu qed isiru b’mod online, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-istudenti tal-11-il sena tas-sekondarja hux se jkunu qed ikomplu bl-eżamijiet tagħhom wara l-11 ta’ April? Jekk le, x’inhu l-pjan? Jekk l-iskejjel ma jinfetħux kif ppjanat fil-11 t April x’se jiġri mill-eżamijiet?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. interpellant li fil-każ li l-Awtoritajiet tas-Saħħa jippermettu li l-iskejjel jiftħu l-bibien tagħhom fit-12 ta’ April 2021, l-eżamijiet għall-istudenti tal-11-il sena se jkomplu minn fejn waqfu.
Jekk l-iskejjel ma jiftħux fit-12 ta’ April 2021, immorru għal elaborazzjoni ta’ marki miksuba, fejn applikabbli, fis-snin skolastiċi preċedenti tal-istudent, fl-assessjar.
Dawn il-miżuri kollha jkunu qegħdin jittieħdu sabiex studenti xorta jiksbu ċ-ċertifikat tal-SSC&P. Dan ukoll biex jassigura li l-istudenti jistgħu jimxu għall-istudji tagħhom f’livell post-sekondarju fis-sena skolastika li jmiss.
Fid-dawl tas-sitwazzjoni u l-fatt li min-nhar it-Tnejn 15 ta’ Marzu il-lezzjonijiet se jkunu qed isiru b’mod online, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-eżamijiet tal-MATSEC hux se jsiru kif ippjanat jew jekk hux ser isiru online jew jekk hux ser ikunu posposti?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MATSEC diġà ħaseb u mexxa l-eżamijiet b'numru ta' ġimgħat lura. Bħal ma sar fl-2020, il-MATSEC ser jagħmel is-sessjoni tal-eżamijiet filwaqt li jkun qiegħed jirrispetta d-direttivi maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal il-proċess biex naraw l-użu tal-kremazzjoni f'pajjiżna skont il-preferenza tal-individwi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għaddejjin taħdidiet interministerjali dwar dan is-suġġett.
Kunsill Lokali tal-Gżira – laqgħat tal-Kunsill live u on demand – Ksur tal-Liġi tal-Kunsilli Lokali
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Kunsill Lokali tal-Gżira ilu ħafna xhur, sabiex ma ngħidx snin, ma’ jtella’ l-laqgħat tal-Kunsill live u on demand u dan bi ksur tal-Liġi tal-Kunsilli Lokali artikli 44 tal-Liġi li tirregola l-Gvernijiet Lokali? Jista’ jgħid kemm ilu jseħħ dan il-ksur tal-Liġi? Jista’ jgħid x'passi ttieħdu fil-konfront tal-Kunsill Lokali kkonċernat? Jista’ jagħti rimedju mmedjat għal dan in-nuqqas u jekk iva x'ser ikun dan ir-rimedju?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Gżira ma kienx qiegħed jagħmel laqgħat live streamed u on demand minkejja insistenza mid-Diviżjoni Gvern Lokali mad-Deputat Segretarju Eżekuttiv, fejn tal-aħħar kien informa lid-Diviżjoni li qed jinġabru l-istimi biex jingħata dan is-servizz. Hekk kif ġiet appuntata Aġent Segretarju Eżekuttiv ġdid, tqabbad fornitur biex jieħu ħsieb li jkun hemm live streaming u on-demand. Id-Diviżjoni ser tibqa’ ssegwi sakemm il-Kunsill jirregola ruħu.
Kunsill Lokali tal-Gżira – xiri ta’ apparat elettroniku
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-apparat elettroniku li nxtara mill-Kunsill Lokali tal-Gżira f'dawn l-aħħar 6 xhur? Il-lista għandha tinkludi fost l-oħrajn xiri ta’ computers, lap tops u mobile phones. Jista’ jipprovdi wkoll kopja tal-mozzjonijiet li approvaw dan l-infiq mill-Kunsill Lokali jew inkella estratt mill-Minuti fejn tali approvazzjoni ngħatat? Min mill-Kunsillieri pparteċipa f'kull vot u kif ġie r-riżultat? U dan skont kif jipprovdi artiklu 52 (2) (F) tal-Liġi tal-Gvern Lokali. Kemm intnefaq għal kull oġġett? Ħarġu kwotazzjonijiet, tenders jew inkella sempliċiment intgħażel xi supplier partikolari għal kull oġġett li nxtara?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellan li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gżira li l-appart li nxtara hu kif ġej:
1. Laptop għall-użu tal-Aġent Segretarju Eżekuttiv il-ġdid mixtri permezz ta’ sejħa għall-kwotazzjonijiet, liema pagament ġie approvat b’mod unanimu mill-Kunsilliera matul il-Laqgħa tal-Kunsill ta’ 23 ta’ Frar 2021, bħala parti mill-iskeda tal- pagamenti fl-ammont ta’ €1,228.
2. Telefon ċellulari għall-użu tal-Aġent Segretarju Eżekuttiv il-ġdid mixtri permezz ta’ sejħa għall-kwotazzjonijiet liema pagament ġie approvat b’mod unanimu mill-Kunsilliera matul il-Laqgħa tal-Kunsill ta’ 23 ta’ Frar 2021 bħala parti mill-iskeda tal-pagamenti fl-ammont ta’ €290.
3. Server ġdid li jinkludi ukoll UPS għalih permezz ta’ sejħa għall-kwotazzjonijiet. Dan is-server kellu jinxtara wara li s-server l-antik waqaf jiffunzjona wara 12-il sena. Dan kien xiri ta’ emerġenza minħabba l-fatt illi s-sistemi kollha tal-Kunsill (fosthom it-telefonija) jiddependu minn dan is-server u kellu jinxtara biex is-sistemi tal-Kunsill jiġu irkuprati u l-Kunsill jerġa jiffunzjona bl-inqas
down time
possibli. Inxtara biss il-hardware għax l-installazjonijiet tas-
software
ħa ħsiebhom impjegat tal-Kunsill u għaldaqstant ġew frankati ħafna flus. L’ammont huwa ta’ €4,830.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 19955 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid jekk hux ser ikun possibbli li sidien ta’ catering establishments jibdew jirċievu sussidju fuq ħaddiema (wage supplement) li daħlu jaħdmu mal-istabbiliment tagħhom wara Mejju 2020 u dan biex ikunu jistgħu jżommu lil dawn il-ħaddiema fuq il-kotba tagħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sidien tal-catering establishments diġa' bdew jirċievu il-wage supplement għall-haddiema li ġew ingaġġati wara l-aħħar ta' Mejju u kienu replacements għal impjegati li rriżenjaw voluntarjament mix-xogħol tagħhom. Dawn il-ħaddiema bdew jitħallsu il-wage supplement minn Ottubru 2020.
B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 19298 u 19534, tista’ l-Ministru tgħid meta ser jibda x-xogħol neċessarju matul Triq ix-Xatt Ta’ Xbiex?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li kif diġa ġie indikat fir-risposta għal-mistoqsija parlamentari 19534, hemm numru ta’ proġetti ppjanati biex jindirizzaw nuqqas ta’ ppjanar serju fil-passat fl-akkwati.
1. Proġett fi Triq ix-Xatt ta’ Xbiex (in-naħa li tieħdok lejn il-Belt), it-tender qiegħed fi stadju ta’ aġġudikazzjoni u hu mistenni li x-xogħol jibda’ lejn l-aħħar nofs ta’ din is-sena.
2. Proġett fi Triq ix-Xatt ta’ Xbiex (in-naħa tal-knisja), fejn ix-xogħol kien beda imma minħabba nuqqas ta’ progress sodisfaċenti fix-xogħlijiet, il-Korporazzjoni ħadet il-passi biex dan il-kuntratt jiġi tterminat u jiġi allokat lil kuntrattur ieħor skont ir-regolamenti applikabli. Dan ix-xogħol mistenni jitkompla immedjatament malli jispiċċa dan il-proċess.
3.
Upgrade
tal-
pumping stations
, biex dawn ikunu jifilħu għad-domanda preżenti u anke tal-futur. Dan ix-xogħol huwa mistenni li jkun lest lejn l-aħħar ta’ din is-sena.
Ma dawn trid iżżid numru ta’ proġetti oħra li l-Korporazzjoni qed tikkollabora fuqhom ma’ Infrastructure Malta. Dawn il-proġetti flimkien se jkunu qegħdin isaħħu n-networks u l-infrastrutura tal-Korporazzjoni u jnaqsu/jeliminaw ħafna mill-inkonvenjent preżenti.
Gozo Channel – Vaċċin kontra l-COVID-19 lill-ħaddiema — kriterji
Question
Jista’ l-Ministru jindika liema kriterji ntużaw biex ġiet ifformulata lista ta’ prijorità għal dawk il-ħaddiema li jaħdmu mal-kumpanija Gozo Channel sabiex dawn jieħdu l-vaċċin kontra l-COVID-19? U allura jista’ jindika kemm hemm ħaddiema li għadhom ma ħadux il-vaċċin u meta mistennija tkun eżawrita l-lista kollha tal-ħaddiema, biex b'hekk ikunu ħadu l-vaċċin kollha kemm huma?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li flimkien ma’ Transport Malta, il-Gozo Channel ħadet ħsieb li tara li l-ħaddiema kollha jiġu vvaċċinati u għalhekk intbagħtet il-lista ta’ dawk il-ħaddiema kollha li jaħdmu fil-Gozo Channel u li dawn taw il-kunsens tagħhom biex jiġu vvaċċinati.
Peress li l-proċess ta’ vaċċinazzjoni qed jiġi direttament ikkordinat mill-Awtorita’ tas-Saħħa ma nistax nikkonferma kemm minn dawn il-ħaddiema ġew vvaċċinati s’issa, u anqas sa meta mistenni jiġi eżawrit l-istess proċess.
COVID-19 – koppji li kellhom imexxu d-data tat-tieġ — għajnuna
Question
Jista’ l-Ministru jserraħ ras dawk il-koppji li kellhom imexxu d-data tat-tieġ tagħhom minħabba l-aħħar miżuri mħabbra b’rabta mal-imxija tal-COVID-19 u jaċċertahom li ser ikun hemm xi forma ta’ għajnuna għalihom li tagħmel tajjeb għall-flus/depożiti li setgħu jew jistgħu jitilfu jew minħabba spejjeż addizzjonali li qed ikollhom jidħlu fihom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
COVID-19 – koppji li kellhom imexxu d-data tat-tieġ — għajnuna
Question
Jista’ l-Ministru jserraħ ras dawk il-koppji li kellhom imexxu d-data tat-tieġ tagħhom minħabba l-aħħar miżuri mħabbra b’rabta mal-imxija tal-Covid 19 u jaċċertahom li ser ikun hemm xi forma ta’ għajnuna għalihom li tagħmel tajjeb għall-flus/depożiti li setgħu jew jistgħu jitilfu jew minħabba spejjeż addizzjonali li qed ikollhom jidħlu fihom?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dawl li diġà hemm skema relatata taħt il-Ministeru tal-Finanzi nitlob lill-Onor. jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Kamra fejn qiegħed jinżel il-helicopter li jkun qiegħed iġorr pazjent għall-Isptar Mater Dei? Jekk mhux Mater Dei, meta mistenni jibda jinżel fl-Isptar Mater Dei?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi il-helikopter inkwistjoni qed jagħmel użu mill-helipad tal-kampus tal-isptar San Luqa.
Persuni li ma għandhomx aktar minn 80 sena li ħadu tilqima
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19897, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jkun ċar u jgħid kemm hemm persuni li ħadu l-vaċċin li :
1. Għandhom iktar minn 80 sena?;
2. Għandhom bejn 60 u 79 sena?;
3. Huma
frontliners
?;
4. Ħaddiema f’setturi essenzjali?;
5. Huma vulnerabbli?;
6. Ma jaqgħu taħt l-ebda kategorija (1-5) imsemmija hawn fuq?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sas-Sibt 20 ta’ Marzu n-numru ta’ persuni li ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin għal kontra l-Covid 19 huwa kif ġej: 18,987 li għandhom iktar minn 80 sena, 28,398 li għandhom bejn 60 u 79 sena, 19,500 li huma meqjusa frontliners, 17,730 li huma ħaddiema f’setturi essenzjali u 14,635 li huma persuni vulnerabbli.