Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija — nefqa
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19281 u jgħid x'kienet in-nefqa tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija u n-numru ta' impjegati fl-istess uffiċċju mill-2013 'l hawn?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u Tnaqqis tal-Burokrazija nefaq medja ta’ €25,000 fis-sena.
Bħala nies impjegati fi ħdan l-msemmi uffiċċju , ninsab nfurmat kif ġej fil-lista annessa:
2013 - 4
2014 – 5
2015 – 6
2016 – 5
2017 – 5
2018 – 6
2019 – 7
2020 – 7
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18715 u jgħid kemm inġabru flus f'Għawdex mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-2010 'l hawn, permezz tal-Commuted Parking Payment Scheme u kemm minnhom intefqu u kif?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l-Commuted Parking Payment Scheme kienet skema marbuta ma’ lokalitajiet speċifiċi kif identifikati fil-Pjani Lokali u li f’Għawdex dawn kienu biss il-Belt Victoria (Ir-Rabat) u Marsalforn (Iż-żebbuġ). Il-fondi miġbura f’Għawdex taħt din l-iskema mill-2010 ‘l quddiem kienu jammontaw għall-seba’ mija u tmenin elf u mija u tmenin ewro (EUR 780,180), li minnhom, fl-2012, intefqu madwar tlett elef, tliet mija u għoxrin ewro (EUR 3,320) biex saret car free day. Tajjeb wieħed jispjega, li mis-sena 2017, dan il-fond ġie integrat mad-Development Planning Fund u bħalissa hemm talba pendenti għall-finanzjament mill-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria sabiex issir installazzjoni ta’ dawl fi Pjazza San Ġorġ u t-toroq tal-madwar. Din it-talba tammonta għal aktar minn mija u disgħin elf ewro (EUR 190,000). Bl-istess mod, fil-lokalità taż-żebbuġ, se jiġi ffinanzjat proġett ta’ playing field b’nefqa ta’ aktar minn tliet mija u seba u għoxrin elf ewro (EUR 327,000). Irrid inżid, fl-aħħarnett, li mill-2017 sal-lum, il-proġetti f’Għawdex li ġew approvati għall-finanzjament mid-Development Planning Fund huma stmati li jiswew aktar minn tmien mija u ħamsa u tletin elf ewro (EUR 835,000).
Jista' l-Ministru jwieġeb l-mistoqsija parlamentari 18073 u jgħid kemm kien il-bejgħ mill-Pitkalija f'Għawdex sena b'sena mis-sena 2010 sas-sena 2020?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pitkalija f’Għawdex waqfet topera wara Diċembru 2012. Il-bejgħ fl-2011 kien ta’ €58,884.55 u fl-2012 kien ta’ €44,113. Ir-rekords ta’ bejgħ jinżammu għal perjodu ta’ għaxar snin u għaldaqstant l-informazzjoni għas-sena 2010 mhix disponibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet ir-riforma fil-Pitkalija? Jista’ jgħid x’miżuri qegħdin jittieħdu sabiex il-bdiewa jaraw li jkollhom aktar prodotti jinbiegħu u anqas ħaxix jintrema?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed isiru l-preparamenti għall-implimentazzjoni tar-riforma u l-pjan li kien tħabbar is-sena l-oħra beda jitwettaq. Sa issa tlestiet is-sistema eletronika u għaddej ukoll proċess ta’ reġistrazzjoni tal-istakeholders kollha li jagħmlu użu mill-Pitkalija, jiġifieri bdiewa, xerrejja, pitkala u ħaddiema oħra. Dawn kollha se tingħatalhom card uffiċjali.
Dalwaqt se jitniedi l-proġett pilota mal-Koperativa Ċentrali tal-Bdiewa, kif ukoll mis-servizz li qed taghti il-Malta Food Agency li ser ikunu katalisti sabiex tiddaħħal ir-riforma ġewwa l- Pitkalija. Dan il-proġett se jkun jinkludi bidu ta’ dħul ta’ standards fuq il-prodotti, barcoding fuq il-kaxxi, kif ukoll reġistrar tal-prodott ġewwa s-sistema elettronika l-ġdida. Dan kollu se jgħin sabiex ikun hemm traċċabilta’ u kontroll fuq il-prodotti li jiddaħlu u jinbiegħu minn ġewwa l-Pitkalija.
Kif diġa’ ntqal f’risposti preċedenti, il-Gvern għaddej b’kampanja bl-isem ta’ “Agħżel il-Bnin, Agħżel il-Frisk” li għandha l-għan li tippromwovi s-settur speċifikament, il-produzzjoni agrikola f’Malta u titnissel kultura biex il-konsumatur Malti jagħti tali priorità fl-għażliet tiegħu. F’kazi ta’ surplus qed jiġi mħejji pjan sabiex prodott li ma jinbiegħx isir l-aħjar użu minnu.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jagħti aktar għajnuna lir-raħħala tal-majjal u tal-baqar sabiex dawn ir-raħħala jkunu megħjuna jsalvaw f’din ir-realtà, fejn il-ġwież qed jogħla kontinwament?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari 19882 li diġa’ ġiet imwieġba bi sħiħ fil-15 ta’ Marzu 2021.
Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali — esperti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-esperti li għandu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista:
a. bl-ismijiet;
b. kemm qegħdin jitħallsu mill-istess Ministeru; u
c. jagħti l-informazzjoni dwar dawn l-esperti u ta’ xiex huma esperti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jieħu deċiżjoni sabiex immedjatament iwaqqaf l-iskema l-ġdida dwar il-ħruġ tal-għoti tal-liċenzja għas-sajjieda li qed jiddiskuti fil-preżent mas-sajjieda? Kif kien intqal permezz tal-istqarrija għall-istampa li kien għamel il-Ministru Clint Camilleri (P 9/4/2019) li f’tali stqarrija jidher ċar li dakinhar meta ngħatat il-liċenzja qatt ma ntqal kemm se sservi din il-liċenzja (numru ta’ snin), għaldaqstant jista’ jgħid issa kif qed jistenna li s-sajjieda li investew il-flus, illum wara sentejn biss, ikunu lesti li jagħtu lura lil Gvern il-liċenzji li ngħataw sentejn ilu?
Response (REFALO, ANTON)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li huwa ċar li l-kwota mogħtija lill-bastimenti msejjħa settorjali, kienet ingħatat għal sentejn, jiġifieri għas-snin 2019 u 2020. Madanakollu, fuq talba tal-Koperattivi stess, u anke fid-dawl li fil-livell ta’ ICCAT sar roll-over mis-sena 2020 għas-sena 2021, kull min ibbenefika minn kwota tat-tonn fis-sena 2020, qed jerġa’ jibbenefika minn kwota tat-tonn għall-istaġun 2021. Għaldaqstant, m’hemm l-ebda ritorn ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ tonn lill-Gvern. Il-Gvern jinsab kommess li jkompli jiddiskuti mas-settur sabiex jiġi mfassal pjan fit-tul fir-rigward tal-kwoti tat-tonn, bil-għan li s-settur ikun sostenibbli u jiġi garantit futur lis-sajjieda Maltin u Għawdxin u l-familji tagħhom.
Jista’ l-Ministru jindika meta ċ-Ċentru Ċiviku ġdid tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala se jibda jiffunzjona? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta ta’ dan iċ-Ċentru l-ġdid?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li ċ-Ċentru Ċiviku l-ġdid hu maħsub li jibda jiffunzjona fil-bidu tas-sena 2022.
Għaldaqstant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta ta’ dan iċ-Ċentru
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar stħarriġ li sar fost il-membri tal-Korp tal-Pulizija dwar is-servizzi li huma qed iwettqu? X’azzjoni ttieħdet wara dan l-istħarriġ biex jiġu ndirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-Pulizija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninfroma lill-Onor Interpellant kull komunikazzjoni interna tal-Korp mal-membri tagħha ssir sabiex dejjem jitjieb is-servizz li jingħata mill-korp u sabiex il-membri tal-korp jaħdmu dejjem f'ambjent aħjar. Jintilef kull skop jekk rapporti ta' dan ix-xorta, purament intiżi sabiex jitjieb l-operat, li jispiċċaw fil-konsum pubbliku. Bħala politiċi għandna nħeġġu sabiex istituzzjonijiet bħal Pulizija, jistħarrġu u jaraw b'mod konsistenti x'hemm bżonn li jinbidel jew jissaħħaħ.
Jista’ l-Ministru jindika d-drittjiet tal-vittmi tal-kriminalità? Kemm kien hemm vittmi li talbu l-għajnuna f’dawn l-aħħar tliet snin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Il-Gvern qed isaħħaħ is-servizzi lill-vittmi tal-krimintalità skont id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u fid-dawl ta' dan kollu, fi żmien qasir, se titħabbar Aġenzija ġdida li se toffri servizz ħolistiku lil dan il-vittmi.
Il-Unit għas-Sapport tal-Vittmi attwil tal-Korp tal-Pulizija kien ta' assistenza skont hawn taħt:
Jannar 2019 - Diċembru 2019 - 465 każ
Jannar 2020 - Diċembru 2020 - 464 każ
Jannar 2021 - Marzu 2021 - 183 Każ
Taħriġ lil dawk il-persuni li jieħdu ħsieb l-anzjani fil-komunità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jingħatax taħriġ lil dawk il-membri tal-familja li jieħdu ħsieb l-anzjani tagħhom fil-komunità? Jekk iva, x’tip ta’ taħriġ jingħataw u meta sar dan it-taħriġ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għall-familjari ta’ min qiegħed jieħu ħsieb persuna anzjana jew bid-dimensja, jingħataw taħriġ maħruġ mit-Training Centre, San Vincenz de Paul. Għadu kemm tlesta kors dwar il-kura tal-anzjani li sar bejn Settembru 2020 u Marzu 2021. Bħalissa qiegħed jingħata wkoll taħriġ dwar id-dimensja li qed jiġi offrut online. Dan il-kors huwa ta’ għaxar ġimgħat u jispiċċa fis-26 ta’ April 2021.
Jista’ l-Ministru jagħti statistika li turi:
a. kemm saru reati f’Marsaskala u liema kienu l-iktar tip ta’ reati li twettqu bejn l-2017 sal-lum; u
b. kemm hemm pulizija assenjati fl-għassa ta’ Marsaskala?
Response (CAMILLERI, BYRON)
In-numru ta’ reati li seħħew f’Marsaskala u li ġew reġistrati fis-sistema tal-Pulizija mill-ewwel ta’ Jannar 2017 sa l-aħħar ta’ Frar 2021, jammontaw għal elf ħames mija u tnejn u ħamsin (1552). L-iktar tip ta’ reati li twettqu kienu reati ta’ serq, kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Fl-għassa ta’ Marsaskala hemm assenjati ħmistax (15) il-uffiċjal tal-Pulizja u dawn jiġu assistiti min pulizija oħra mid-Distretti ta’ Haż-Żabbar jew Bormla, skont il-bżonn.
Tip ta’ reat
2017
2018
2019
2020
2021*
Total
Hruq
1
2
4
2
0
9
Attentat ta’ offizi
8
6
24
10
1
49
Feriti fuq persuna
19
21
15
18
2
75
Uzu ħazin ta’
computer
5
5
6
12
0
28
Reati kontra sigurta pubblika
1
0
0
0
0
1
Hsarat
92
80
98
92
14
376
Vjolenza domestika
38
66
77
76
9
266
Drogi
8
3
2
9
13
35
Falsifikazzjoni
0
1
0
1
0
2
Frodi
15
26
20
22
3
86
Immigrazzjoni
0
0
0
1
0
1
Infanticidju/abbandun ta’ tfal
0
1
0
0
0
1
Hasil ta’ flus
1
0
0
0
0
1
Pornografija
0
0
1
0
0
1
E¿erċizzju arbitrarju ta’ pretensjonijiet
2
5
9
7
1
24
Prostituzzjoni
0
0
0
0
1
1
Offizi sesswali
4
2
6
2
1
15
Serq
119
112
156
119
21
527
Theddid u vjolenza
7
10
8
11
1
37
Vjolenza fuq ufficcjal pubbliku
3
1
5
8
0
17
Total
323
341
431
390
67
1552
*sa l-aħħar ta’ Frar
Ħal Għaxaq, Marsaxlokk, Marsaskala u ż-Żejtun – persuni meqjusa computer & IT literate
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hi r-rata ta’ dawk meqjusa computer & IT literate fil-lokalitajiet ta’ Ħal Għaxaq, Marsaxlokk, Marsaskala u ż-Żejtun u kemm jammontaw ir-residenti f’perċentwali li ħadu edukazzjoni post-sekondarja fl-istess inħawi?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi m'għandux it-tagħrif mitlub. Peress li qed tintalab statistika li tikkonċerna residenti, nissuġġerixxi lill-Onor. interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandna sajjieda reġistrati f’pajjiżna b’kollox, minn liema lokalitajiet ġejjin u x’inhi l-età tagħhom waqt li kemm huma l-baħħara reġistrati fuq xogħol relatat mas-sajd u ta’ liema nazzjonalità?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif diġa tennejt f’risposti għall-Mistoqsijiet Parlamentari preċendenti, fid-Dipartiment tas-Sajd u Akkwalkultura ma jinżammux rekords ta’ sajjieda reġistrati, iżda ta’ bastimenti tas-Sajd reġistrati. Ninsab infurmat li fil-preżent in-numru ta’ bastimenti tas-Sajd reġistrati fil-kategoriji professjonali huwa ta’ 380 bastiment full-time (MFA); u 459 bastiment part-time (MFB), rispettivament. L-eta’ tas-sidien tvarja minn 19 sa 78 sena fil-kategorija MFA u minn 18 sa 88 fl-MFB. Dawn is-sidien ġejjin minn diversi lokalijiet kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li r-reġistrazzoniji ta’ xogħol ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ dan il-Ministeru, ninsab infurmat li hemm 40 bastiment tas-sajd professjonali li għandhom kaptan addizzjonali barrani rreġistrat fuqhom; 38 ta’ nazzjonalita’ terza u 2 ta’ nazzjonalita’ Ewropea.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex isir xogħol meħtieġ f'toroq fil-ġnub ta' triq prinċipali bl-isem Triq Burmarrad (li r-rittratti tagħhom qed jingħataw separatament) fejn dawn it-toroq huma fl-inħawi magħrufa bħala inħawi Triq Għajn Rihana fejn saret roundabout fejn il-Kappella ta Santa, Għajn Riħana? Jista' jara l-istat ta' dawn it-toroq li tkissru waqt li kien qed issir xi xogħol fi Triq Burmarrad?
Response (BORG, IAN)
Bħal f’lokalitajiet oħrajn, f’Burmarrad ukoll Infrastructure Malta qed tagħmel diversi xogħljiet u manutenzjoni f’toroq rurali. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jippreżenta site plan fejn jindika t-toroq li qed jirreferi għalihom.
San Pawl il-Baħar – Triq it-Tamar – tiswijiet fi triq
Question
Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel it-tiswijiet meħtieġa fi Triq it-Tamar f’San Pawl il-Baħar, peress li din tinstab fi stat ħażin fejn parti minn din it-triq qed jikkawża perikli lis-sewwieqa li jagħmlu użu minn din it-triq (ritratt jinsab anness)
Response (BORG, IAN)
Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.
Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa.
Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq residenzjali oħra fosthom Triq it-Tamar li qed issir fi proġett wieħed li jinkludi tliet toroq oħrajn fl-istess żona ta’ San Pawl il-Baħar li huma Triq Andrew Cunningham u triq ġdida li tiġi bejniethom, kif uoll Triq Annetto Caruana. Filwaqt li l-ewwel tlieta jonqoshom l-aħħar saff t’asfalt, għad irid isir ix-xogħol fit-triq l-oħra.
Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid diversi toroq residenzjali fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar fosthom Triq il-Luzzu, Triq Għawdex, Triq it-Turisti, Triq Port Ruman, Triq l-Istamnar, Triq Nicola Ardonio, Triq Ġużeppi Despot u Triq l-Iskuna. Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq se jissokta fis-snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Awtorità tal-Ippjanar – Il-Baħrija – Post magħruf bħala il-Blata tal-Melħ — xatba
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex setgħet titpoġġa xatba li għalqet l-aċċess għall-post magħruf bħala “Il-Blata tal-Melħ”, limiti tal-Baħrija? Jekk m’hemmx permessi, jista’ l-Ministru jara li b’mod immedjat jerġa’ jinfetaħ dan l-aċċess?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemmx permessi approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex setgħet titpoġġa x-xatba. Iżda jirriżulta li saret applikazzjoni sanatorja fejn l-applikant qed jiddikjara li hu sid tal-art. L-Awtorità tal-Ippjanar tirregola biss żvilupp illegali, iżda mhux drittijiet ta’ aċċess, li huwa l-irwol tal-Awtorita tal-Artijiet.