Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali – impjegati li mardu bil-COVID-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati taħt il-Ministeru tiegħu li ġew infettati u mardu bil-COVID-19 u kemm hemm impjegati li bħalissa qegħdin kwarantina minħabba xi kuntatti li kellhom ma’ individwi pożittivi?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull impjegat li ħareġ pożittiv għall-COVID-19 mar fi kwarantina. Sat-8 t’April, ma kien hemm l-ebda persuna li jinsab fi kwarantina.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Parlament meta fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ser jibda jkun hemm servizz xieraq ta’ MRI?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizz tal-MRI f’Għawdex huwa ppjanat u maħsub li jitnieda mat-tlestija tal-bini ta’ sptar akut ġdid.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Parlament liema speċjalisti qed iservu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex fil-mument? Għal kemm ħin fix-xahar qed iservu kull wieħed minn dawn l-ispeċjalisti? Hemm xi restrizzjonijiet fl-għoti tas-servizz minn dawn l-ispeċjalisti minħabba l-pandemija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Intepellant illi hemm 112 speċjalisti/ konsulenti li jservu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li minnhom 30 jagħtu is-servizzi tagħhom speċifikament f’dan l-isptar biss. Is-servizzi minn dawn l-ispeċjalisti/konsulenti mhux qed jiġi affetwat mill-pandemija tal-Covid-19.
Persuni residenti f’Għawdex li rriżultaw pożittivi għall-varjant Ingliż
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Parlament kemm persuni residenti f'Għawdex irriżultaw pożittivi għall-varjant Ingliż tal-COVID-19 sal-jum li fih titwieġeb din il-mistoqsija Parlamentari? Kemm minnhom fiequ?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sat-8 ta’April 2021 kien hemm 1225 persuna residenti f'Għawdex li rriżultat pożittiv għal-COVID-19 li minnhom 32 kienu attivi sad-data msemmija. Ninfurmah ukoll illi ta’ kull ġimgħa qed jittieħed il-genome sequencing minn kampjuni ta’ każijiet pożittivi u huwa smat illi mill-każijiet pożittivi kurrenti 75% huma pożittivi bil-varjant B117.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Parlament kemm persuni residenti f'Għawdex ingħataw it-tilqima tal-COVID-19 sal-jum li fih titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn it-tilqimiet kienu Pfizer u kemm minnhom kienu AstraZeneca?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sat-8 t’April tal-2021, ingħataw 13,306 dożi tal-vaċċin għal kontra l-Covid-19 lill-persuni residenti f’Għawdex.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19494, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għaliex mhux il-mediċini kollha relatati mal-Genitourinary jistgħu jingħataw mill-ispiżerija tal-komunità permezz tas-sistema tal-POYC? Jista’ jgħid liema kundizzjonijiet jirrigwardaw dawn il-mediċini?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-mediċini li huma fil-formularju jingħataw mill-ispiżeriji tal-komunità kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, permezz tas-sistema tal-POYC. Skont l-Avviż Legali 188 tal-2009, l-Gentiourinary drugs li ma jingħatawx mill-POYC għax ma jaqawx taħt l-iSkeda Ħamsa, l-pazjenti li jattendu l-klinika jew li ġew riferuti lill-klinika, issirilhom preskrizzjoni u jingħataw dawn il-mediċini bla ħlas mill-konsulent, mill-GU Clinic direttament.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Parlament jekk il-mediċina kwantu l-kundizzjoni tal-HIV titqassamx minn Għawdex u jekk iva minn fejn?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-mediċina kwantu l-kundizzjoni tal-HIV titqassam minn Għawdex, mill-ispiżerija tal-isptar.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — impjegati
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 19271 u tgħid kemm-il persuna hija impjegata fil-Ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha f’kull skala tas-salarju provdut fil-gradi ta’ salarji għas-servizz pubbliku u tgħid kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba PQ 19253
Ministeru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija wara COVID-19 — impjegati
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19272 u jgħid kemm-il persuna hija impjegata fil-Ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f’kull skala tas-salarju provdut fil-gradi ta’ salarji għas-servizz pubbliku u jgħid kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19253.
Awtorità dwar l-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex – post
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn fejn qed topera l-Awtorità dwar l-Iżvilupp Reġjonali ta' Għawdex? Jista' jgħid kemm qed jitħallas kera kull xahar għall-post li minnu qed topera din l-Awtorità? Jista' jgħid kemm-il metru kwadru ta' uffiċċini kriet din l-Awtorità u minn għand min kriethom? Jista' jgħid għal kemm żmien inkera dan il-post? Minn fejn hemm il-ħsieb li topera b'mod permanenti din l-Awtorità?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità dwar l-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex qed topera mill-bini tal-Innovation Hub, li jinsab fi Triq il-Pitkalija, ix-Xewkija. L-użu tal-post - abbażi ta’ temporary agreement - hu ta’ €1,991.25 (exl. VAT) fix-xahar. L-użu tal-post hu fuq bażi ta ‘temporary agreement’ minn xahar għal xahar suġġet għal ‘encroachment fee’. Apparti hekk, il-GRDA qed tuża madwar 177 metru kwadru minn għand Indis Malta. Bħalissa l-Awtorita qed tagħmel l-evalwazzjonijiet tagħha, għal post permanenti.
Jista' l-Ministru jgħid meta u kemm ser ikun hemm pontoons fil-Port tal-Imġarr f'Għawdex li mhux ser ikunu operati mill-kuntrattur privat? Jista' jgħid kemm minn dawn ser ikunu għas-sajjieda, kemm għall-sajjieda full time u kemm għal dawk part time? Jista' jgħid ukoll meta hu maħsub li jiġu allokati dawn il-pontoons?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex meta xi ħadd minn Għawdex iċempel fuq il-112 jaqbad ma’ Malta? Jista' jgħid għaliex kien hemm okkażżjonjiet fejn persuni ċemplu 112 minħabba xi emerġenza f'Għawdex u x’ħin qabdu talbuhom in-numru u qalulhom biex jaqtgħu t-telefonata u li ser iċemplulhom lura minn Għawdex? Ma jaħsibx li dan għandu jinbidel biex it-telefonata tgħaddi direttament fl-emerġenza f'Għawdex u dan għaliex f'ċertu ċirkostanzi kull minuta tgħodd biex tiġi salvata ħajja ta 'persuna?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għal Għawdex – impjegati fil-gradi ġenerali tas-Servizz Pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-Mistoqsija Parlamentari 18370 u jgħid kemm hemm impjegati fil-gradi ġenerali tas-Servizz Pubbliku skont il-grad fil-Ministeru tiegħu? Fejn hu l-post tax-xogħol tagħhom? Kemm hemm impjegati li mhumiex fil-gradi ġenerali tas-Servizz Pubbliku u qed jagħmlu xogħol tas-Servizz Ġenerali? Fejn hu l-post tax-xogħol tagħhom? X'xogħol qed jagħmlu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 20110 Ministeru għal Għawdex – impjegati fil-gradi ġenerali tas-Servizz Pubbliku.pdf
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema taħt il-Community Scheme Workers
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16997 u 18105 u jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema tal-Iskema (Community Scheme Workers) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid taħt liema Direttorat jiffurmaw parti dawn il-ħaddiema, kif ukoll jgħid x'inhu xogħolhom, kif ukoll jgħid x'korsijiet sarulhom sa issa lil dawn il-ħaddiema u x'korsijiet hemm ippjanati li jsirilhom matul is-sena 2021 mill-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 19719.
Ministeru għal Għawdex – sejħiet għal kiri ta’ postijiet għall-Ministeru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex f'dawn l-aħħar ħmistax f'żewġ gazzetti partikolari dehru żewġ sejħiet differenti tal-Ministeru għal Għawdex biex jinkrew postijiet għall-Ministeru għal Għawdex u li t-tnejn jagħlqu fid-9 ta' April 2021: i) 'Publication of Tender for Leasing of Premises by the Ministry for Gozo'. ii) 'Publication of Tenders for Leasing of Office Spaces in Gozo and Malta and a Warehouse in Gozo'? Jista’ jgħid liema huwa l-avviż it-tajjeb minn dawn it-tnejn? Jista’ jgħid x'inhuma r-raġunijiet li fl-ewwel avviż hemm miktub li l-Ministeru għal Għawdex ħareġ sejħa biex jikri ħames postijiet differenti u fl-ieħor hemm miktub li l-Ministeru għal Għawdex irid jikri seba’ postijiet differenti? Jista’ jgħid x'inhuma r-raġunijiet li fuq il-website www.etenders.gov.mt jidhru biss ħames sejħiet għall-kiri ta' postijiet u mhux seba'?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħiet għall-offerti msemmija huma ħamsa kif jidhru fuq il-websajt uffiċjali tat-tendersu fuq diversi gazzetti. Ninsab infurmat li l-avviż li jsemmi seba’ offerti kien żball tal-istampatur li ġie kkoreġut f’ħarġa oħra tal-istess gazzetta.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-investiment fis-settur tad-diżabilità mil-2013 sal-lum f’termini finanzjarji? Tistax ukoll tindika kemm hemm benefiċċjarji mis-servizzi provduti mill-Aġenzija Sapport?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ser titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra
COVID-19 — Persuni mlaqqma minħabba safar għal kura
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni li sas-16 ta’ Marzu 2021 ħadu t-tilqima kontra l-COVID-19 minħabba li se jmorru barra minn Malta għal kura (treatment abroad)?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sas-6 t’April ta’ din is-sena kien hemm 279 persuna li ħadu t-tilqima kontra l-COVID-19 minħabba li se jmorru barra minn Malta għal kura.
COVID-19 — Persuni li ħadu t-tilqima u jaħdmu f’Segretarjat ta’ Ministri/Segretarji Parlamentari
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni li ħadu t-tilqima kontra l-COVID-19 li jaħdmu fis-Segretarjat ta’ Ministri u/jew Segretarji Parlamentari? Jista’ jgħid ukoll liema vaċċin ġie amministrat lil dawn il-persuni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sa issa diġa ngħataw il-fuq minn 243,000 doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19. Ħlief fil-każ tal-frontliners u ħaddiema f’setturi essenzjali tagħrif dwar l-impjieg ta’ persuni li jiġu mlaqqma ma tinżammx.
COVID-19 — Persuni li jaħdmu f’supermarkets u ħwienet oħra essenzjali - tilqima
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk hux minnu li qed ikun hemm firxa ta’ infezzjonijiet bil-COVID-19 u/jew xi varjant minn supermarkets? Jekk dan huwa minnu, x’qed jagħmel il-Gvern f’dan ir-rigward? Meta biħsiebu jlaqqam il-persuni li jaħdmu f’supermarkets u ħwienet oħra essenzjali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-trasmissjoni tal-Covid-19 fil-komunità hija relatata ma' kuntatt mill-qrib bejn persuni. Il-maġġoranza tal-każijiet kienu relatati mal-households filwaqt li f'numru ta' każijiet sporadiċi, is-sors mhuwiex identifikat. Hemm standards li huma fis-seħħ rigward il-mitigazzjoni tar-riskju fis-supermarkets.