Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija – miżuri minħabba l-COVID-19

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżuri li ttieħdu fl-uffiċini kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu sabiex jiġi assigurat li l-periklu ta' infezzjoni tal-COVID-19 jitnaqqas eżempju b'użu ta' screens bejn l-iskrivaniji u l-obbligu tal-ilbies tal-maskri inkluż f'dawk l-uffiċċji li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji, skont id-direzzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa biex jiġi assigurat li l-periklu tal-infezzjoni jitnaqqas.

Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija – sanitizzazzjoni ta’ uffiċċji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’prekawzjonijiet qed jittieħdu sabiex l-uffiċini jiġu sanatizzati? Ingħataw xi direct orders biex dan isir?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċini jiġu sanitizzati kull darba li jkun hemm ħtieġa u l-pagament ta’ dan is-servizz huwa a bażi tal-Public Procurement Policies maħruġa mill-Gvern ta’ Malta.

Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija – teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu li bħalissa qed jaħdmu permezz ta’ teleworking? Kemm kien hemm talbiet għal xogħol ta' teleworking minn Marzu 2020 li ma ġewx milqugħa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu għandhom jimxu mad-Direttiva 13.3 maħruġa fl-4 ta’ Marzu li għadda u li koppja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-miżuri mħaddmin fid-dipartimenti u l-entitajiet fir-rigward tal-mixja tal-COVID-19 huma dawk maħruġin mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.

Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija – impjegati li mardu bil-COVID-19

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati taħt il-Ministeru tiegħu li ġew infettati u mardu bil-COVID-19 u kemm hemm impjegati li bħalissa qegħdin kwarantina minħabba xi kuntatti li kellhom ma’ individwi pożittivi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull impjegat li hareg posittiv ghall-Covid-19 mar fi kwarantina. Attwalent hemm 8 persuni li jinsabu fi kwarantina.

Kummissjoni Nazzjonali għal Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità – task force dwar il-persuni b’diżabilità u l-COVID-19

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Parlament jekk it-TaskForce dwar il-persuni b'diżabiltà u l-COVID-19 imwaqqfa fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali għal Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità għadhiex qed tiffunzjona? Jekk iva, kemm-il darba ltaqgħet din it-Task Force minn wara s-sajf 2020 sal-jum li fih titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport tal-ħidma mwettqa minn din it-Task-Force sal-jum li fih titwieġeb din id-domanda?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-Task Force dwar il-persuni b'diżabilità u l-COVID-19 imwaqqfa fi ħdan il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) għadha qed tiffunzjona. B’kollox saru tmintax-il laqgħa, b’sebgħa minnhom saru wara Awwissu 2020 u l-aħħar waħda saret f’Marzu 2021. Minbarra li l-membri tat-Task Force jattendu l-laqgħat, is-CPRD iżżommhom infurmati u titlobhom jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom skont il-bżonn u ċ-ċirkustanzi. Il-ħidma mwettqa minn din it-Task-Force tinkludi lista ta’ azzjonijiet meħuda b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra skont il-ħtieġa. Din il-lista qed titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #20056 Sitting 448 2021-04-14 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

EU Solidarity Fund

Question

Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament x'inhi r-raġuni li Malta mhix inkluża mal-lista ta' pajjiżi benefiċċjarji tas-somma ta' kważi €530,000,000 imħabbrin mill-Kummissjoni Ewropea taħt l-EU Solidarity Fund il-ġimgħa li għaddiet?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #20057 Sitting 448 2021-04-14 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Childcare Centres – skemi

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19329, jista’ l-Ministru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija li tikkonċerna lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li operaturi ta’ childcare centres ġodda mhux jitħallew jipparteċipaw fl-iskemi ta’ sussidju li ngħatat lil childcare centres eżistenti? X’inhi r-raġuni? Jista’ jgħid jaħsibx li hu inġust li hemm min investa l-flus u ilu għaddej sena bil-proċess ta’ permessi biex fl-aħħar mument jgħidulu li l-iskema magħluqa? X’inhuma l-benefiċċji li qed jitilfu dawn l-operaturi u li l-oħrajn qed igawdu? Meta se terġa’ tiftaħ l-iskema? X’inhi r-raġuni li l-proċess ta’ childcare ġdid għandu jitlaq minn JobsPlus u mhux mill-Ministeru għall-Edukazzjoni? Ma jaħsibx il-Ministru li dan inaqqas mill-funzjoni edukattiva li għandhom ikollhom dawn iċ-childcare centers?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-operaturi ta’ childcare centres ġodda qed jitħallew jipparteċipaw fl-iskemi ta’ sussidju li ngħatat lil childcare centres ezistenti, dan għaliex l-iskema hija miftuha. Il-proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ Childcare ġdid, biex jiġi ¿gurat li jkun hemm l-istandards neċessarji, jaqa’ taħt id-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (DKSE) fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Leg 13 PQ #20058 Sitting 448 2021-04-14 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Learning Support Educators

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17438, jista’ l-Ministru jgħid minn min hu kompost il-bord li jiddeċiedi fuq każijiet umanitarji? Jista’ jispjega wkoll xi proċedura jew kriterji jsegwi dan il-bord biex jistabbilixxi jekk Learning Support Educator b’każ umanitarju timmeritax li taqbeż il-waiting list u tmur taħdem direttament f’Għawdex?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #20059 Sitting 448 2021-04-14 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Learning Support Educators Għawdxin li jaħdmu ġewwa Malta

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17440, tista' l-Ministru tinforma lill-Parlament kemm mit-tnax-il Learning Support Educator imsemmija hemmhekk ġew trasferiti lejn Għawdex? Jekk għad ma ġewx trasferiti, tista' tgħid kif u meta ser isiru dawn? Tista' tgħid ukoll jekk dawk li ġew diġà jew li ser jiġu trasferiti hux ser ikun hemm minnhom li jservu f'pool of relievers li tagħmel tajjeb għal meta LSEs oħra ma jkunux xogħol?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li sa issa matul din is-sena skolastika 2020/21 telgħu erba’ LSEs mil-lista tas-seniority. Uħud mil-LSEs li qegħdin Għawdex fil-perjodu ta' waqt jew wara t-tqala qed iservu fil-pool of relievers.
Leg 13 PQ #20060 Sitting 448 2021-04-14 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Għawdex – Ċentru tal-Università – korsijiet

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Parlament liema huma i-korsijiet li bħalissa qed isiru fiċ-Ċentru tal-Università f'Għawdex? Kemm hemm studenti li qed isegwu kull wieħed minn dawn il-korsijiet?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli interpellant hu kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #20188 Sitting 448 2021-04-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġetti marittimi f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġetti marittimi tal-Gżira ta' Għawdex jaqgħux taħt il-Ministeru għal Għawdex u jekk iva, jista’ jgħid liema huma dawk il-proġetti marittimi li hemm ippjanati li jsiru mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2021? Jista’ jgħid liema hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2021 għal dawn l-imsemmija proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #20189 Sitting 448 2021-04-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdxin li qed jaħdmu f’Malta

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid fil-preżent, kemm hemm Għawdxin fil-kariga ta’ EU Fund Officer, EU Fund Manager, Manager I, Manager II, Manager, Senior Principle, Principle, Assistant Principle, Executive Officer, Clerks u Assistant Clerks ġewwa Malta u kemm ilhom jaħdmu ġewwa Malta? Jista’ jgħid kemm minn dawn, jiġifieri mill-EU Fund Officer, EU Fund Manager, Manager I, Manager II, Manager, Senior Principle, Principle, Assistant Principle, Executives Officers, Clerks u Assistant Clerks ġew transferred biex jibdew jaħdmu ġewwa Għawdex matul is-snin 2018, 2019 u 2020? Kemm hemm ippjanat li jinġiebu ħaddiema Għawdxin jaħdmu f’Għawdex f'dawn il-gradi matul is-sena 2021?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li fil-karigi msemmija hemm 85 persuna minn Ghawdex. Tlieta ilhom iżjed minn 20 sena, 13 bejn 10 u 20 sena, 29 bejn 5 u 10 snin u 40 inqas minn ħames snin. Fil-gradi/pożizzjoni imsemmija kien hemm dawn l-impjegati li ġew transferred biex jibdew jaħdmu ġewwa Għawdex fl-2018 kien hemm 3 persuni; fl-2019 kien hemm 7 persuni; u fl-2020 kien hemm 6 persuni. Rigward kemm hemm ippjanati li jinġiebu ħaddiema Għawdxin jaħdmu f'Għawdex fil-gradi/pożizzjonijiet imsemmija, dawn jintbagħtu Għawdex skont il-vakanzi li jkun hemm u skont pjanijiet dwar ir-riżorsi umani.
Leg 13 PQ #20190 Sitting 448 2021-04-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Fond konsolidat f’Għawdex – nefqa kapitali tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kapitali tal-gvern mill-Fond Konsolidat f'Għawdex kull sena mill-2013 sal-lum? Jista' jagħti dan it-tagħrif skont in-natura tal-investiment, pereżempju investiment produttiv, infrastrutturali u soċjal? Jista' jagħti dan l-investiment bħala persentaġġ tan-nefqa kollha f'Malta mill-Fond Konsolidat għall-istess oqsma ta’ investiment?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mituba għadha qed tinġabar.

Raħal il-Ġdid – Ġnien fil-Mediterran

Question

Jista’ l-Ministru jieħu ħsieb li Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid jiġi kkurat, is-siġar jiġu miżbura u jkun imnaddaf u jkun hemm sorveljanza fl-istess post?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Itnerpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li ser ikun qed isaħħaħ l-ħidma tiegħu f'dan il-ġnien.

Paola Hub – soluzzjoni għar-residenti minħabba l-parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jara li tinstab soluzzjoni għar-residenti li jgħixu ħdejn il-Paola Hub li qed isibu diffikultajiet kbar sabiex jipparkjaw il-vetturi tagħhom u dan b’inkonvenjent kbir għalihom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awtorità tat-Trasport ma rċeviet l-ebda talba mill-Kunsill Lokali rispettiv rigward problemi ta’ parkeġġ. Temporanjament f’din iż-żona qed isiru xogħolijiet fuq il-Paola Medical Hub, li huwa proġett tal-Ministeru tas-Saħħa kif ukoll xogħlijiet ta’ titjib fis-sistemi tas-servizzi taħt l-art minn Infrastructure Malta bħala parti mit-tħejjijiet għall-istess proġett. Minħabba li saru trinek fondi madwar żewġ sulari kien hemm bżonn li jittieħdu spazji ta’ xi parkeġġi biex ix-xogħol ikun jista’ jsir b’mod sigur mingħajr ma t-triq tingħalaq kompletament. Malli jitlestew dawn ix-xogħlijiet, l-aġenzija se terġa’ tibni l-bankini u tiksi l-wiċċ tat-triq b’diversi saffi t’asfalt biex l-ispazju fit-triq jerġa’ lura għal li kien. Infurmat li fil-viċinanzi ta’ din iż-żona jinsab parkeġġ li huwa amministrat mill- Kunsill Lokali.

Paola Hub – soluzzjoni għar-residenti minħabba l-parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jara li tinstab soluzzjoni għar-residenti li jgħixu ħdejn il-Paola Hub li qed isibu diffikultajiet kbar sabiex jipparkjaw il-vetturi tagħhom u dan b’inkonvenjent kbir għalihom?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istakeholders għaddejjin bid-diskussjonijiet sabiex dan l-inkonvenjent jiġi mtaffi.

Paola Hub – soluzzjoni għar-residenti minħabba l-parkeġġ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li tinstab soluzzjoni għar-residenti li jgħixu ħdejn il-Paola Hub li qed isibu diffikultajiet kbar sabiex jipparkjaw il-vetturi tagħhom u dan b’inkonvenjent kbir għalihom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa għaddejjin xogħlijiet fi Triq Karl Chircop u Triq is-Sorijiet maġenb is-sit tal-Paola Hub minn Infrastracture Malta, li huma neċessarji għall-proġett. Dawn huma xogħlijiet temporanji u l-parkeġġ għandu jirritorna għan-normal fil-ġimgħat li ġejjin.

Raħal Ġdid – persuni li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm persuni bbenefikaw matul is-sena li għaddiet 2020 f’Raħal il-Ġdid mis-sussidju fuq il-kirjiet u kemm kienet l-ispiża?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2020 ibbenefikaw 95 familja minn Raħal il-Ġdid mis-sussidju fuq il-kera. L-ispiża kienet ta’ €152,732.21.

Ħal Tarxien – persuni li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm persuni bbenefikaw matul is-sena li għaddiet 2020 f’Ħal Tarxien mis-sussidju fuq il-kirjiet u kemm kient l-ispiża?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2020 ibbenefikaw 38 familja minn Ħal Tarxien mis-sussidju fuq il-kera. L-ispiża kienet ta’ €58,192.71.

COVID-19 – vaċċin tal-Jansen

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser jasal u jibda jintuża l-vaċċin kontra l-COVID-19 tal-Jansen (Johnson & Johnson)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa qed issir diskussjoni dwar il-vaċċin tal-Jansen (Johnson & Johnson) mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u l-rilaxx ta’ dan il-vaċċin f’Unjoni Ewropeja ġie temporanjament miżmun mill-kumpanija Johnson & Johnson.