Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bdiewa fin-nofsinhar ta’ Malta – provvista ta’ new water

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-bdiewa tan-naħa t'isfel ta' Malta, speċjalment dawk li għandhom ir-raba’ tagħhom fil-limiti tax-Xgħajra u Ħaż-Żabbar u l-lokalitajiet tal-madwar, ilhom madwar sitt xhur bla 'new water'? X'inhi r-raġuni li naqset din il-provvista tant importanti għall-bdiewa ta' dawn l-akkwati?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Bdiewa fin-nofsinhar ta’ Malta – provvista ta’ new water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-bdiewa tan-naħa t'isfel ta' Malta, speċjalment dawk li għandhom ir-raba tagħhom fil-limiti tax-Xgħajra u Ħaż-Żabbar u l-lokalitajiet tal-madwar, ilhom madwar sitt xhur bla 'new water'? X'inhi r-raġuni li naqset din il-provvista tant importanti għall-bdiewa ta' dawn l-akkwati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Ottubru tal-2020 u Marzu tal-2021 ġew mqassma 130,000m3 ta’ ‘New Water’ fil-limiti ndikati. Meta tqabbel is-sena 2020 mal-2019, il-Korporazzjoni pproduċiet 506,665m3 ta’ ilma mill-impjant ta’ Barkat, kontra l-304,779m3 tal-2019. Din tfisser żieda ta’ 66%. L-impjant ta’ Barkat għandu potenzjal biex jittratta iżjed drenaġġ u jiġġenera iżjed ilma għal bdiewa tagħna. Filfatt fil-ġimgħat li għaddew nedejna faċilitajiet iddedikati biex nittrattaw Farm Waste f’ Sant Antnin. Mistennija wkoll li f’Lulju nniedu faċilitajiet ġodda ta’ trattament tad-drenaġġ sabiex l-impjant ta’ Barkat jaħdem aħjar b’iżjed stabilita. B’hekk inkunu qed niġġeneraw iżjed ilma għal bdiewa li kull ma jmur qed jintuża iżjed, u li jgħin lil ambjent ta’ madwarna.

Tal-Barkat Sewage Treatment Plant — ħsarat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux minnu li minħabba ħsarat fis-Sewage Treatment Plant li hemm f'Tal-Barkat, ix-Xgħajra, il-bdiewa tal-madwar mhux jiġu provduti bil-provvista ta' 'new water'? Jekk fl-affermattiv, tista’ tgħid x'inhi din il-ħsara? Xi kemm qed jiġi kkalkulat biex din il-ħsara tiġi rranġata u għalhekk dan is-servizz jerġa’ jiġi pprovdut mill-ġdid?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm ikun hemm xi ħsarat temporanji minħabba fatturi esterni bħal ngħidu aħna inflows ta’ Farm Waste, il-Korporazzjoni dejjem tara kif tista ssolvi kwalunkwe tip ta’ inkonvenjenza. B'hekk kif ġie referut fit-tweġiba għal-mistoqsija parlamentari 20397 tnedew facilitajiet biex jiġi trattat il-Farm Waste.

Tal-Barkat Sewage Treatment Plant – xogħlijiet fuq il-ġibjuni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk meta saru x-xogħlijiet biex jissaqqfu tliet ġibjuni viċin is-Sewage Treatment Plant li hemm f'Tal-Barkat, ix-Xgħajra biex jieħdu ġo fihom in-'new water', saretx ħsara lill-istess ġibjuni bil-konsegwenza li mhux iżommu ilma fihom? Meta ser jissewwew dawn il-ġibjuni u meta x-xogħol fihom ser ikun lest għal kollox?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mill-investiment fin-‘New Water network’ fin-naħa t’isfel ta’ Malta, saru xogħlijiet fuq tlett ġibjuni fl-inħawi indikati biex iservu ta’ riserva għal dan l-ilma ġdid. Il-ġibjun tax-Xagħjra beda jintuża fi Frar tal-2021 filwaqt li bħalissa għaddej xogħol fuq San Anard u Bidni li mistennija jittlestew sa l-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena.

Network ta’ provvista ta’ new water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jitlesta n-network ta' provvista ta' 'new water' fil-pajjiż? Fiex wasal ix-xogħol s’issa u f'liema lokalitajiet dan is-servizz twassal? Meta ser jitwassal dan is-servizz f'lokalitajiet oħra (lokalità b’lokalità)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ ‘New Water dispensers’ kemm dawk attivi u kif ukoll dawk li huma ppjanati matul is-snin li ġejjin, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #20401 Sitting 449 2021-04-19 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex – ingaġġ ta’ uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm uffiċjali huma ingaġġati mal-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta' Għawdex u f'liema grad huma? Jista' jgħid ukoll jekk dawn l-uffiċjali ġewx ingaġġati permezz ta' sejħa għall-applikazzjonijiet, interna jew esterna? Jekk dan ma kienx il-każ, jista' jgħid liema metodu ġie segwit biex sar l-ingaġġ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Vinċenz – ordni biex anzjani jitħallew fi floor waħedhom

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li s-CEO tal-Isptar San Vinċenz tat ordni biex fis-Sala Narċis pazjenti jitħallew waħedhom fi floor għalihom bl-istaff jiġu ordnati joqogħdu fil-floor ta’ isfel fejn hemm in-nursing staff station? Kif is-CEO iddeċidiet li tħalli pazjenti jitħallew waħedhom bin-nursing staff fi floor ieħor? Infurmat il-Ministru li dawn il-pazjenti jbatu minn diżabilità u allura tpoġġew f riskju u s-sitwazzjoni ġiet ratifikata biss wara intervent tal-MUMN?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-residenti u l-impjegati jridu jkunu flimkien f’kull ħin, kemm jekk f’sular jew ieħor ġewwa ċ-ċentru skont l-attivita’ li tkun għaddejja.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – ħabsin li kellhom sentenza ta’ ħabs oħra qabel din li qed jiskontaw issa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm hemm detenuti fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin li kienu ġa ġew ikkundannati għal sentenza ta' ħabs għal xi reat ieħor, qabel is-sentenza ta’ ħabs li qegħdin jiskontaw bħalissa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor interpellant li preżentement fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin hemm 228 detenut li kienu ġa ġew ikkundannati għal sentenza ta' ħabs għal xi reat ieħor, qabel is-sentenza ta’ ħabs li qegħdin jiskontaw bħalissa.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – persuni l-ħabs fuq falsifikazzjoni ta’ passaporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm hemm persuni fil-ħabs li qegħdin jiskontaw sentenza ta’ ħabs wara li ġew ikkundannati bir-reat ta' falsifikazzjoni ta’ passaport?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor interpellant li preżentement fil-ħabs, hemm 72 persuna li qegħdin jiskontaw sentenza ta’ ħabs wara li ġew ikkundannati bir-reat ta' falsifikazzjoni ta’ passaport.

Siġġiewi – passaġġ mill-Faqqanija għas-Salib tal-Għolja — inġenji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex bħalissa hemm inġenji kbar biex iwessgħu passaġġ li jagħti mill-Faqqanija għas-Salib tal-Għolja Siġġiewi, peress li numru ta’ residenti mis-Siġġiewi wrew it-tħassib tagħhom? Jista’ jagħti d-dettalji dawn dan ix-xogħol inkluż l-iskop u l-ispiża?

Response (BORG, IAN)

Bħala parti mill-investiment kontinwu tagħha biex ittejjeb il-kwalità u s-sigurezza fit-toroq f’Malta, Infrastructure Malta qed twettaq ukoll programm estensiv ta’ manutenzjoni u bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq rurali f’lokalitajiet differenti. Ħafna minn dawn it-toroq qalb il-kampanja tħallew fi stat ta’ telqa għal għexieren ta’ snin. Illum il-ġurnata dawn it-toroq ma jintu¿awx biss mill-bdiewa li jkollhom l-għelieqi fl-inħawi, imma huma wkoll imfittxijin ħafna minn minn bosta dilettanti tal-ġiri, tal-mixi u miċ-ċiklisti. Uħud minn dawn it-toroq ma kienux sarulhom pedamenti adegwati u Infrastructure Malta qed terġa’ tibnihom b’materjali aktar b’saħħithom u li jservu aktar fit-tul. Nifhem li l-“passaġġ” li qed jirreferi għalih l-Onorevoli interpellant hija t-triq bla isem li tinfed ma’ Triq San Lawrenz tal-Għolja u li Infrastructure Malta għadha kemm għamlitilha wiċċ ġdid bħala parti minn dan il-programm b’investiment ta’ madwar €92,000. Ix-xogħol tlesta fil-jiem li għaddew mingħajr ebda impatt fuq l-ambjent rurali mal-ġenb tat-triq u għalhekk mhux minnu li sar twessiegħ kif ġie allegat. Mill-2019, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet ta’ titjib f’aktar minn 230 triq rurali f’iżjed minn 30 lokalità differenti. Dan l-investiment biex tittejjeb l-infrastruttura għas-settur agrikolu se jissokta matul din is-sena u fis-snin li ġejjin, bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq rurali u xogħlijet oħrajn simili.

Ħal Qormi — Triq San Bastjan - pavimentar

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 15097, 15391, 15392, 15702, jista’ l-Ministru jgħid meta sar ix-xogħol ta’ pavimentar imsemmi quddiem il-Knisja ż-żgħira ta’ San Bastjan? Jista’ jgħid jekk l-Awtorità aċċettatx ir-rapport ta’ konformità mitlub minnha stess mingħajr verifikazzjonijiet ulterjuri jew jekk għamlitx spezzjonijiet qabel iċċertifikat dan ix-xogħol? X’irriżulta minn dawk l-ispezzjonijiet? Jista’ jqiegħed ir-rapport taċ-ċertifikazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid x’nuqqasijiet kellu dan il-pavimentar li kienu qed iwasslu għal tant inċidenti ta’ skiddjar f’din it-triq? Jista’ jgħid kif qed jiġu rrimedjati dawk in-nuqqasijiet? X’inhu x-xogħol li qed isir u x’garanziji qed jingħataw li l-iskiddjar jieqaf?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa’ ġie mwieġeb fil-mistoqsija PQ18192 ta’ Seduta 419 ix-xogħol msemmi ġie ikkumisjonat mill-Kunsil Lokali. Għalhekk din il-mistoqsija għandha tiġi mwieġba mill-Ministru kkonċernat.

Ħal Qormi – flyover — proposti

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 17873, 17874, 20136 u 20137 dwar il-flyover li trid tibni Infrastructure Malta fil-bypass tal-Imrieħel, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-reazzjoni tiegħu u ta’ Infrastructure Malta għall-proposta alternattiva li ppreżenta l-Kunsill Lokali Qormi għall-proposta tal-gvern għall-flyover? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti bil-proposta tal-periti tal-kunsill u l-proposta ta’ Infrastructure Malta? Jista’ jgħid kemm se teqred raba’ l-proposta tiegħu u x’se ssalva dik tal-kunsill?

Response (BORG, IAN)

Kif diġa spjegajna fit-tweġibiet għal mistoqsijiet Parlamentari oħra, Infrastructure Malta qed taħdem sabiex issib soluzzjonijiet sostenibbli għal aktar sigurezza f’s-salib it-toroq bejn il-Bypass tal-Imrieħel (Vjal ir-Royal Malta Artillery) u Triq in-Negozju, kisra perikoluża li ilha biex titneħħa snin twal peress li fiha ta’ spiss iseħħu aċċidenti serji. Il-ħtieġa ta’ dan l-investiment għal aktar sigurezza għal mezzi differenti ta’ vvjaġġar f’din it-triq ewlenija hija speċifikata fil-Pjan Nazzjonali għat-Trasport ta’ Malta tal-2025. Fil-fatt, it-titjib tal-Bypass tal-Imrieħel huwa mniżżel bħala t-tmien l-aktar proġett importanti li Malta teħtieġ twettaq fix-xibka tat-toroq ewlenin li tifforma parti min-netwerk Ewropea, magħrufa bħala TEN-T (Trans-European Transport Network), hekk kif stipulat fil-liġi Ewropea (EU) 1315/2013. Il-bżonn ta’ titjib tas-sigurezza ta’ din it-triq huwa wkoll speċifikat b’mod ċar bħala diffikultà inkwetanti anke fil-Pjan Lokali taċ-Ċentru ta’ Malta mfassal fl-2006. Dan il-pjan jidentifika t-titjib fis-sigurezza tal-Bypass tal-Imrieħel bħala waħda mill-prioritajiet ewlenin: “Il-MEPA tappoġġja u tħeġġeġ lil ADT u lil entitajiet oħra biex iwettqu xogħlijiet u miżuri biex jikkontrollaw il-parkeġġ, ineħħu l-perikli u jirregolaw il-movimenti fil-Bypass tal-Imrieħel.” Biex issir il-flyover ġdida b’roundabout taħtha, hekk kif qed tipproponi l-aġenzija biex tiġi eliminata żona fejn spiss iseħħu aċċidenti fil-junction ma’ Triq in-Negozju, se jkun hemm bżonn 5,657 metru kwadru ta’ art, 75% inqas minn kif ġie allegat (20 tomna) b’mod falz minn uħud fix-xhur li għaddew. Kif spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija 17873, filwaqt li telimina l-periklu f’salib it-toroq ma’ Triq in-Negozju, Infrastructure Malta qed taħseb ukoll li f’din it-triq tintroduċi faċilitajiet ġodda għall-ivvjaġġar b’mezzi alternattivi, fosthom il-mixi u r-roti. Biex issir din il-korsija ġdida għal modi ta’ vjaġġar aktar sostenibbli, ikunu meħtieġa madwar 8,800 metru kwadru ieħor t’art maġenb it-triq eżistenti. Infrastructure Malta rċeviet mingħand il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi disinn artistiku b’diversi stampi li jipproponu li l-Bypass tal-Imrieħel, li bħalissa għandha erba’ korsiji, titħaffer kollha kemm hi sabiex taħtha ssir mina b’ħames korsiji għall-karozzi u fuqha ssir triq b’żewġ korsiji għall-karozzi u korsija għar-roti. Naturalment, huwa diffiċli li din il-proposta tiġi evalwata biss fuq il-bażi ta’ disinn artistiku. Għalhekk, Infrastructure Malta nediet diversi studji sabiex tevalwa din il-proposta b’mod tekniku, ħalli jsiru magħrufa eżattament l-impatti u l-benefiċċji tagħha, bħal ma jsir għal kull proposta oħra fl-istadju ta’ ppjanar ta’ proġetti infrastrutturali kbar. Dawn l-istudji se jqisu wkoll l-ammont t’art maġenb it-triq eżistenti li jeħtieġ tittieħed sabiex titħaffer mina ta’ ħames korsiji, il-ġeoloġija tal-inħawi, studji arkeoloġiċi u anke studji dwar fejn jista’ jintrema l-ammont kbir ta’ materjal li se jiġi ġġenerat jekk il-Bypass tal-Imrieħel titħaffer f’fond biżżejjed biex taħtha tinbena din il-mina twila aktar minn kilometru. Fl-istess waqt, jeħtieġ li jsiru wkoll road safety audit u traffic impact assessment, biex din il-proposta tkun evalwata b’mod sħiħ. Meta Infrastructure Malta tlesti dawn l-istudji, tkun tista’ tevalwa liema mill-proposti li għandha quddiemha huma l-aktar sostenibbli bħala parti mill-proċess tal-ippjanar ta’ dan l-investiment, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti. L-aġenzija ttenni l-impenn tagħha li tkompli taħdem sabiex tistabbilixxi l-aktar soluzzjonijiet sostenibbli u fattibbli, fl-aħjar interess ta’ dawk kollha konċernati, għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Kopja tad-disinji sottomessi mill-Kunsill Lokali Ħal Qormi u tal-pjanta tal-proposta ta’ Infrastructure Malta qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korsa tal-Marsa – stat ħażin tat-toroq – manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx ħsieb li jsir manutenzjoni jew xogħol mill-ġdid minħabba l-istat ħażin tat-toroq, b’ħofor fondi, ta’ madwar il-Korsa tal-Marsa minħabba wkoll li żwiemel iridu jgħaddu minnhom għall-korsa? Jaf il-Ministru li l-istat ta’ dawn it-toroq, fosthom Triq il-Ġerrejja u Triq in-Nagħal, huwa ta’ periklu għaż-żwiemel speċjalment filgħodu kmieni fid-dlam meta jitħaddmu ż-żwiemel? Jista’ jgħid min suppost iwettaq xogħol fuq dawn it-toroq minħabba li dilettanti qed jgħidu li lill-Kunsill Lokali tal-Marsa jgħid li dawn it-toroq jaqgħu taħt Infrastructure Malta u Infrastructure Malta tgħid li dawn it-toroq responsabbiltà tal-Kunsill Lokali tal-Marsa? Jistgħu ż-żewġ ministeri kkonċernati jiftehmu bejniethom u jsolvu din il-problema speċjalment meta nafu li ħafna kunsilli lokali ġew ixxottati mill-fondi neċessarji biex jaħdmu kif xieraq fuq il-manutenzjoni tat-toroq?

Response (BORG, IAN)

Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit ¿mien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn. Infrastructure Malta hija f’kuntatt dirett mal-Kunsilli Lokali biex fejn verament hemm bżonn, bħalma diġà għamlet f’ċerti lokalitajiet, tappoġġjahom fil-manutenzjoni tat-toroq liema ħidma hija fir-responsabbiltà tagħhom sakemm it-toroq jinbnew mill-ġdid. Fil-każ tat-toroq indikati, l-aġenzija diġà kellha ppjanati li jsiru xogħlijiet simili ta’ manutenzjoni fil-ġimgħat li ġejjin.

Korsa tal-Marsa – tapit imqatta’ fl-entratura

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta t-tapit fl-entratura tal-Korsa tal-Marsa li ilu xhur imqatta’ u li minn fuqu jgħaddi kull żiemel li jrid jidħol fil-korsa ser jiġi rranġat kif xieraq? Il-Ministru hija infurmata li dan huwa ta’ periklu kbir għax faċli li żiemel iweġġa’ ma’ dan it-tapit? Min ser jinżamm responsabbli għaż-żwiemel li qed iweġġgħu minħabba negliġenza u telqa fil-korsa?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru hija infurmata li r-rampa tad-dħul li fuqha jinsab it-tapit, ser tkun qed tinbidel biex tkun aktar aċċessibli u komda għal min jagħmel użu minnha.

Korsa tal-Marsa – żwiemel imweġġgħin minħabba r-ramel

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20129 u t-tweġiba tagħha li ma hijiex infurmata li żwiemel weġġgħu fil-Korsa tal-Marsa minħabba kwalità ħażina tar-ramel, tista’ l-Ministru tgħid għadhiex tal-istess fehma llum wara żjarat mis-Segretarju Parlamentari fil-korsa u wegħda li ser jinbidel ir-ramel? Min ser jinżamm responsabbli għaż-żwiemel li qed iweġġgħu minħabba negliġenza u telqa fil-korsa?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Racing Club dejjem bidlet ir-ramel skont l-eżigenzi u mhux kull meta jmur is-Segretarju Parlamentari fuq il-post.

Suwiċidji

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20239, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta’ suwiċidji matul is-sena 2020?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2020 kien hemm 23 każi ta` mwiet minn suwiċidju. Peress illi l-informazzjoni kollha qed tiġi kkonfermata, din il-figura hija proviżorja.

Mwiet minħabba problemi relatati ma’ mard fil-qalb

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20240, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta’ mwiet minn problemi relatati ma’ mard fil-qalb fis-sena 2020?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn Jannar sa Lulju tal-2020 kien hemm 515 imwiet kaw¿a ta’ problemi relatati minn mard fil-qalb. L-informazzjoni għal kumplament tax-xhur l-oħra ghal-2020 għadha provi¿orja.

National Report on the drug situation in Malta 2020

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20172 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tan-"National Report on the drug situation in Malta 2020"?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tar-rapport Nazzjonali dwar is-sitwazzjoni tad-Droga f’Malta 2020, kemm f’verżjoni bil-Malti kif ukoll f’verżjoni bl-Ingliż.
Leg 13 PQ #20430 Sitting 449 2021-04-19 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Innovation Fund — proġetti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema huma l-proġetti sottokritti mill-Gvern Malti li għaddew mill-ewwel stadju tal-għażla fis-sejħa għall-proġetti taħt l-Innovation Fund, sejħa li għalqet f’Ottubru 2020?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma għandu l-ebda proġett sottoskritt taħt l-Innovation Fund fl-imsemmija sejħa.

Catering establishments – sussidju fuq ħaddiema

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20077, tista’ l-Ministru tistħarreġ il-possibbilità li sidien ta’ catering establishments ikunu jistgħu japplikaw għal sussidju fuq ħaddiema ġodda li jkunu daħlu jaħdmu magħhomwara Mejju 2020?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozji kollha li qed jieħdu il-wage supplement, minn Jannar ta’ din is-sena setgħu japplikaw għall-ħaddiema ġodda li daħlu wara Mejju tal-2020 bħala replacements ta’ dawk l-impjegati li rrizenjaw minn jeddhom. Barra minn hekk dawk in-negozji li kienu affetwati minħabba d-direttivi tal-Awtoritajiet u kellhom jingħalqu minnħabba l-legal notice, setgħu japplikaw ukoll biex jibbenifikaw mill-wage supplement għal dak iż-żmien li jkunu malgħuqin.