Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #20628 Sitting 452 2021-04-26 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Mtarfa – binja li ser issir skola privata — xogħlijiet

Question

B’referenza għall-binja fl-Imtarfa li ser issir skola privata, tista’ l-Ministru tgħid kif u għaliex beda xogħol fuq bini ta’ boundary wall u beda xogħol fil-grawnd tal-football u dan kollu qabel ma ħarġu l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar u bla ma saru l-ebda komunikazzjoni mal-ebda entità fl-Imtarfa?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li s-sit tal-binja fl-Imtarfa, inkluż il-grawnd, għadda għand terzi u għalhekk hija l-entità/kumpanija li lilha ngħatat il-konċessjoni tal-art li għandha r-responsabbiltà li timxi mal-liġijiet/permessi relatati għax-xogħlijiet meħtieġa.

COVID-19 — Amministrazzjoni tal-Vaċċin Pfizer

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20506, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji kollha kif mitluba fil-mistoqsija speċjalment il-punti (i) - (vi)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-24 t’April 2021 ingħataw 197,908 dożi tal-vaċċin Comirnaty.

COVID-19 — Amministrazzjoni tal-Vaċċin Astrazeneca

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20507, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb u jagħti d-dettalji mitluba, speċjalment punti (i) - (vi)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-24 t’April 2021 ingħataw 92,228 dożi tal-vaċċin Vaxzevria.

Persuni l-ħabs minħabba pussess sempliċi għall-użu personali tal-kannabis

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20509 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20351, jista' l-Ministru jgħid: a. kemm hemm persuni li bħalissa qed jiskontaw sentenza ta' ħabs fuq pussess sempli1i tal-Kannabis; b. bejn l-2016 u l-2021, kemm kien hemm persuni li skontaw sentenza ta' ħabs fuq pussess sempliċi tal-Kannabis; c. kemm hemm persuni li qed jiskontaw sentenza ta' ħabs minħabba li nstabu ħatja li kkomettew att kriminali marbuta mal-użu tal-Kannabis (eż. serq); u d. bejn l-2016 u l-2021, kemm kien hemm persuni li skontaw sentenza ta' ħabs minħabba li nstabu ħatja li kkommettew att kriminali marbut mal-użu tal-Kannabis (eż. serq)?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

B’referenza għall-ewwel żewġ punti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20350. Għall-bqija, ninfurmaha li fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex ma tinżammx din it-tip ta’ statistika li tirriżulta mill-investigazzjoni u ma tkunx imdaħħla fl-akkużi li jiġu ppreżentati.

Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali — esperti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20237 u jgħid min huma l-esperti li għandu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista: a. bl-ismijiet; b. kemm qegħdin jitħallsu mill-istess Ministeru; u c. jagħti l-informazzjoni dwar dawn l-esperti u ta’ xiex huma esperti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.

Sidien ta’ white taxis – wage supplement

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20438 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid x’inhi r-raġuni li sidien ta’ white taxis qegħdin jirċievu €498 bħala wage supplement u mhux €800 bħal sidien tal-karozzini, gwidi u kull min hu affetwat ħażin fl-industrija tat-turiżmu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li minn Jannar il-wage supplement bdiet tinħadem skont id-differenza fit-tnaqqis tas-sales li kellhom bejn l-2019 u l-2020. Dawk is-self employed li huma eżentati mill-VAT baqgħu jirċievu s-supplement bir-rata li kienu jirċevuh bejn Lulju u Diċembru tal-2020.

Mellieħa – Triq il-Marfa – bini ta’ ħajt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bini ta’ estensjoni ta’ ħajt fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa, li ritratt ta’ dan il-ħajt qed jingħata separatament, għandux il-permessi meħtieġa biex isir, u jekk le x’passi ħadu jew qed jieħdu l-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-istess Ministeru (primarjament l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi) sabiex jerġa’ jitneħħa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħajt imsemmi għandu l-permess meħtieġ mill-Awtorità tal-Ippjanar biex isir.

Korsa tal-Marsa – ramel

Question

Wara li l-Ministru ċaħdet li r-ramel tal-Korsa tal-Marsa kien ħażin u li qed iweġġgħu ż-żwiemel u allura ma kellux għalfejn jinbidel ir-ramel, meta wara biss ftit ġranet is-Segretarju Parlamentari niżel il-Korsa u wiegħed li se jinbidel ir-ramel, u wara li l-Ministru wegħditni li r-ramel tal-korsa kien se jinbidel il-ġimgħa li għaddiet u wara li l-Kumitat tal-Korsa tal-Marsa avża lis-sidien taż-żwiemel li l-korsa se tingħalaq biex jingħata r-ramel biex imbagħad skoprew li r-ramel ma kienx tajjeb u reġgħu għalquha, tista’ l-Ministru tgħid meta se jingħata r-ramel tal-Korsa? Tista’ tgħid x’tip ta’ ramel se jingħata? Tista’ tgħid min qed iħallas għar-ramel? Min ser jinżamm responsabbli għaż-żwiemel li qed iweġġgħu minħabba negliġenza u telqa fil-Korsa?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-ramel beda’ jingħata l-Ħamis 22 t’April u dan huwa tip ta’ ramel li min jaħdem il-korsa b’mod regolari u għandu esperjenza għal numru ta’ snin f’dan is-settur ikkonferma li dan huwa ta’ kwalita’ tajba. Rigward l-aħħar mistoqsija nitolbok tirreferi għal Mistoqsija Parlamentari Numru 20416.

Kunsill tal-Korsa tal-Marsa – rappreżentanti tal-horse owners

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ilha ma ssir elezzjoni għar-rappreżentanti tal-horse owners fil-Kunsill tal-Korsa tal-Marsa? Tista’ tgħid jekk in-nuqqas ta’ horse owners fil-Kunsill tal-Korsa tal-Marsa hux konformi ma dak li jitlob l-istatut? Tista’ tpoġġi kopja tal-istatut tal-kunsill fuq il-Mejda tal-Kamra? Fin-nuqqas ta’ rappreżentanti tal-horse owners fil-kunsill, tista’ tgħid min hu dak ir-rappreżentant uffiċjali li qed jitkellem f’isimhom? Dan ir-rappreżentant minn min inħatar, mill-Gvern jew mill-horse owners? U jekk inħatar mill-Gvern, l-interessi ta’ min qed iħares tal-Gvern jew tal-owners?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-aħħar elezzjoni tal-horse owners saret bejn l-Ġimgħa 9 ta’ Frar u l-Ħadd 11 ta’ Frar 2018 fejn għall-ewwel darba fl-istorja kien hemm rekord ta’ aktar minn 50% ta’ dawk eliġibbli li jivvutaw biex jaħtru r-rappreżentanti fil-Kunsill. Għalkemm fil-Malta Racing Club jidher li m’hemmx rekord ta’ elezzjonijiet preċedenti, dawn qatt ma’ saru b’mod regolari jew kull sena. L-ebda rappreżentant elett mill-elezzjoni tal-‘horse owners’ ma huwa maħtur mill-Gvern fil-Kunsill tal-Malta Racing Club. Tajjeb li wieħed ifakkar li minkejja li l-Malta Racing Club tkun ta’ sostenn sabiex jiġu organizzati dawn l-elezzjonijiet il-HOADA hija totalment indipendenti mill-Malta Racing Club u l-istess Malta Racing Club ma’ għandu l-ebda obbligu li jorganizza dawn l-elezzjonijiet.

Korsa tal-Marsa – training licence u driving licence

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm tiswa training licence għall-Korsa tal-Marsa? Tista’ tgħid kemm tiswa driving licence għall-Korsa tal-Marsa? Tista’ tgħid kemm daħlu flus f’Jannar li għadda minn dawn il-liċenzji?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-‘Training licence’ tiswa €125 pero’ ma jeżisti l-ebda ħlas speċifiku bħala ‘driving license’

Korsa tal-Marsa – horse owners reġistrati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu t-total ta’ horse owners reġistrati mal-Korsa tal-Marsa, kemm hu t-total ta’ ġerrejja reġistrati u kemm hu t-total ta’ żwiemel? Tista’ tgħid x’inhu l-valur finanzjarju taż-żwiemel reġistrati magħha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-totali mitluba għas-sena preżenti li fl-istess waqt konformi ma’ ħlasijiet li huma obbligati li jitħallsu qabel jibda l-istagun, bħalma dejjem kien, huma dawn; Horse Owners 251, Ġerrejja 242 u żwiemel 511. Ma jeżistix u qatt ma eżista xi forma ta’ reġistru biex wieħed ikun jaf kemm jinxtraw iż-żwiemel. Li hu żgur hu li l-valur ta’ żiemel tat-tiġrija jista jogħla jew jitbaxxa abbażi ta’ numru ta’ ċirkustanzi.

Berġa tal-Mellieħa – servizzi relatati mal-qasam tas-saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-servizzi relatati mal-Qasam tas-Saħħa li qed jingħataw bħalissa fil-Berġa tal-Mellieħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizzi offruti mid-Dipartiment tal-Kura Primarja tal-klinika fil- komunità tal-Mellieħa preżentament u temporanjament qegħdin sospiżi peress li din il-klinika qed tintuża sabiex tkun tista’ tingħata t-tilqima kontra l-Covid-19. Madanakollu persuni li kienu jużaw is-servizzi mill-klinika tal- komunità’ tal-Mellieħa setgħu u jistgħu jagħmlu dan mill-klinika fil-komunita’ tal-Imġarr, miċ-Ċentri tas-Saħħa kollha, kif ukoll permezz tas-servizz tat-telemedicine.

Berġa tal-Mellieħa – servizz ta’ speech therapist

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li s-servizz ta’ speech therapist fil-Berġa tal-Mellieħa ilu xhur ma jingħata jew biex inkun aktar speċifiku hemm pazjenti li ilhom jistennew appuntament għal numru ta’ xhur?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 20683.

Mandatory Reporting Guidelines for professionals in terms of the Minor Protection (Alternative Care) Act, Cap. 602 of the Laws of Malta

Question

B’referenza għad-dokument “Mandatory Reporting Guidelines for professionals in terms of the Minor Protection (Alternative Care) Act, Cap. 602 of the Laws of Malta” ippubblikat mill-Ministeru għas-Solidarjetà u Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal f’Settembru 2020, jista’ l-Ministru jgħid, minn min kien magħmul il-Kumitat Tekniku li kiteb dan ir-rapport?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li d-Dokument li qed issir referenza għalih ġie ppubblikat f’Marzu 2021 u mhux f’Settembru 2020. Il-Kumitat Tekniku kien magħmul mis-segwenti tmien (8) professjonisti: 1. Is-Sa Remenda GRECH fl-irwol tagħha ta’ Direttur tad-Direttorat Kura Alternattiva 2. Is-Sur Steve LIBRERI fl-irwol tiegħu bħala Direttur tad-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal 3. Dr Daniela AZZOPARDI BONANNO bħala konsulent legali 4. L-Ispettur Sylvana GAFÀ bħala rappreżentanta tal-korp tal-Pulizija 5. Dr Vanessa GRECH bħala rappreżentanta tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati 6. Is-Sa Marija ZAHRA nominata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni 7. Dr Mariella MANGION nominata mill-Ministeru tas-Saħħa 8. Is-Sur Mauro FARRUGIA nominat mill-Ministeru tal-Intern, is-Sigurta Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi.

Mandatory Reporting Guidelines for professionals in terms of the Minor Protection (Alternative Care) Act, Cap. 602 of the Laws of Malta

Question

B’referenza għad-dokument “Mandatory Reporting Guidelines for professionals in terms of the Minor Protection (Alternative Care) Act, Cap. 602 of the Laws of Malta” ippubblikat mill- Ministeru għas-Solidarjetà u Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal f’Settembru 2020, jista’ l-Ministru jgħid, għalfejn tħallew barra l-pulizija fl-istess linji gwida?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellanta li mhux ċar kif qiegħed jingħad illi tħallew barra l-Pulizija meta ma jissemmew l-ebda professjonisti b’mod speċifiku. Kull professjonist, inkluż uffiċjal tal-Pulizija, illi fil-qadi ta’ dmirijietu jiġi f’kuntatt ma’ minuri, japplikaw għalih id-dispożizzjonijiet fuq raportaġġ mandatarju. Inoltre, kif ġa imwieġeb f’ Mistoqsija Nru 20692, il-Pulizija jissemmew b’mod speċifiku fil-proviso tal-artklu 9(1) tal-Kap. 602 fejn b’mod speċifiku jingħad illi kull rapport ta’ maltrattament fuq minuri li jidħol għand il-Pulizija jrid jiġi mgħoddi lid-Direttur għall-Ħarsien tat-Tfal b’mod immedjat.

Mandatory Reporting Guidelines for professionals in terms of the Minor Protection (Alternative Care) Act, Cap. 602 of the Laws of Malta

Question

B’referenza għad-dokument “Mandatory Reporting Guidelines for professionals in terms of the Minor Protection (Alternative Care) Act, Cap. 602 of the Laws of Malta” ippubblikat mill- Ministeru għas-Solidarjetà u Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal f’Settembru 2020, jista’ l-Ministru jgħid, jekk saritx konsultazzjoni biex inkiteb dan id-dokument? Jekk iva, ma’ liema stakeholders?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellanta li qabel daħal fis-seħħ il-Kap. 602 tal-Liġijiet ta’ Malta, inżammu żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi fuq medda ta’ diversi xhur u allura l-artiklu 9 tal-istess Kap li jittratta r-rapportaġġ mandatarju kien ukoll miftuħ għall-konsultazzjoni. Id-dokument li jipprovdi linji gwida lill-professjonisti ġie abbozzat, kif ġa imwieġeb f’ Mistoqsija Nru 20692, minn kumitat tekniku li kien jirrapreżenta b’mod wiesgħa diversi setturi u professjonisti. Il-membri li kienu jiffurmaw parti minn dan il-kumitat tekniku huma kollha professjonisti illi qiegħdin jaħdmu f’dan is-settur kuljum u, għalhekk, qiegħdin jiltaqgħu ma’ dawn ir-realtajiet b’mod konkret fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Tista’ tgħid li l-maġġoranza ta’ dawn il-membri huma speċjalizzati f’dan il-qasam u huwa għal din ir-raġuni li jitqiesu bħala esperti fil-materja tal-protezzjoni tat-tfal. Minbarra dan, il-konsulent legali li kienet tifforma parti minn dan il-kumitat kienet eżaminat u studjat fil-fond is-suġġett tar-rapportaġġ mandatarju fit-teżi tad-dottorat tagħha f’liema studju hi kienet ikkonsultat ma’ professjonisti minn dixxiplini diversi. Id-dokument ta’ linji gwida minnu nnifsu ma jorbotx iżda, kif jfisser l-isem, joffri direzzjoni lill-professjonisti. Mhux eskluż li l-istess dokument jiġi rivedut fil-futur skond il-bżonn.

Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — sponsorships

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18440 u tagħti lista ta’ kull tip ta’ sponsorship li taw id-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru tagħha, kemm jekk l-isponsorship kien jikkonsisti f’għotja ta’ flus kif ukoll jekk l-isponsorship kien in kind, jiġifieri billi ġie provdut xi servizz b’xejn, bejn l-2017 sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza? Tista’ f’kull każ tgħid taħt liema skema ngħata l-isponsorship, meta saret it-talba għal dan l-isponsorship u min approva f’kull każ l-isponsorship?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Fabbrika liċenzjata għall-produzzjoni tal-medical cannabis

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18439 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli u jgħid kemm-il fabbrika hawn liċenzjata s’issa għall-produzzjoni tal-medical cannabis?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-lum inħarġet liċenzja waħda għall-produzzjoni tal-kannabis għal skopijiet mediċinali u ta ’riċerka.

Investiment barrani f’Malta u f’Għawdex

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18448 u kemm kien l-ammont ta' investiment barrani f'Malta u f'Għawdex maqsuma separatament sena b’sena wara l-2017? Kemm ġew impjegati nies, settur b'settur għal kull proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill Onor. Interpellant jagħmel referenza għall risposta mogħtija għall-mistoqsija 18071. Il-Korporazzjoni hija koperta bil-kunfidenzjalita' imposta fl’Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Malta Enterprise Act) l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Business Promotion Act) u allura tali informazzjoni mitluba tista tidentifika kumpaniji speċifiċi bi ksur tad-dispożizzjonijiet hawnhekk imsemmija.
Leg 13 PQ #18962 Sitting 451 2021-04-21 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Chairman tal-Employment Relations Board – kundanna mit-Tribunal Industrijali

Question

Kif jista’ l-Prim Ministru jiġġustifika li persuna (hi min hi) li tkun iċ-Chairman tal-Employment Relations Board wara li tkun ġiet ikkundannata/misjuba ħatja mit-Tribunal Industrijali meta kienet Chairman ta’ entità governattiva u allura employer talli huwa keċċa illegalment impjegat, iktar u iktar meta dan l-impjegat kien tkeċċa mill-istess Chairman għax l-impjegat ried iwaqqaf l-abbużi tal-allura Chairman tal-PBS mit-taxxi tal-poplu?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.