Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #20556 Sitting 452 2021-04-26 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Att li jirregola l-Professjonijiet fl-Edukazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu ppjanat li jidħol fis-seħħ l-Att li jirregola l-professjonijiet fl-Edukazzjoni?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li in vista ta’ direttiva tal-UE, qed issir ri-evalwazzjoni intiera. Dan sabiex nassiguraw konformità sħiħa u nevitaw infringements kontra pajjiżna.
Leg 13 PQ #20557 Sitting 452 2021-04-26 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ħlasijiet lill-Università Amerikana fl-Isla

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm tħallas fil-passat, u/jew għadu qed jitħallas minn fondi pubbliċi biex ġie restawrat il-bini tal-Università Amerikana fl-Isla? Tista’ tgħid jekk dawn il-figuri jinkludux ukoll xi sussidji li qed jitħallsu għal din l-entità privata kif ukoll promessi li ġew inklużi fil-kuntratt ta’ taxxa sussidjata fuq il-qligħ?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li jien infurmata li ma tħallsu l-ebda fondi pubbliċi kif qed jindika hu.
Leg 13 PQ #20560 Sitting 452 2021-04-26 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Serq minn skejjel pubbliċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm kien hemm każijiet ta' serq minn skejjel pubbliċi? Tista’ tgħid f’liema lokalitajiet kienu dawn l-iskejjel pubbliċi u x’kienu l-oġġetti li ġew misruqa, il-valur tal-istess oġġetti u/jew il-valur tal-flus li ġew misruqa? Tista’ tgħid jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dawn il-każijiet u jekk iva kemm kien in-numru ta’ persuni li tressqu?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li għal dak li jirrigwarda informazzjoni bejn is-sena 2013 u Mejju 2020, nirreferih għat-tagħrif li diġà ingħata fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14516. Infurmata wkoll li sa issa tressqu żewġ persuni l-Qorti fuq żewġ każijiet separati. Qiegħda inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, il-każijiet ta' serq li seħħew bejn Mejju 2020 u llum.

Serq minn skejjel pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm ġew irrapurtati lill-Pulizija każijiet ta' serq minn skejjel pubbliċi? Jista’ jgħid f’liema lokalitajiet kienu dawn l-iskejjel pubbliċi u x’kienu l-oġġetti li ġew misruqa, il-valur tal-istess oġġetti u/jew il-valur tal-flus li ġew misruqa? Jista’ jgħid jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dawn il-każijiet u jekk iva kemm kien in-numru ta’ persuni li tressqu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-ammont ta’ kazijiet ta’ serq irrapurtat minn skejjel pubblici bejn l-ewwel ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Marzu 2021 kien kif indikat fit-tabelli qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. It-tabelli jinkludu kemm il-lokalita minn fejn insterqu l-oġġetti, it-tip ta’ oġġetti misruqa u l-valur tagħhom. Il-propjeta misruqa mill-iskejjel setgħet kienet propjetà li tappartjeni lill-iskola jew propjeta misruqa mill-iskola pero li tappartjeni lill-individwi privati.

Inawgurazzjoni tal-Marsa Junction — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa li saret b'rabta mal-inawgurazzjoni tal-proġett tal-Marsa Junction u li saret nhar il-Ħamis 15 ta' April 2021? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija inawgurazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Nieħu gost li kull darba li nlestu proġett ewlieni sabiex inkomplu nagħtu lill-familji u n-negozji f’Malta infrastruttura tal-ogħla kwalità, bilkemm nilħqu nikxfu l-plakka li l-Onorevoli Aquilina ma jkunx pront jistaqsina kemm swiet l-inawgurazzjoni. Dwar l-inawgurazzjonijiet hemm ħafna x’wieħed jista’ jgħid. Iżda, qabel xejn, ħasra li minkejja daqstant investimenti kbar li qed inwettqu, l-Oppożizzjoni għadha ma tgħallmitx tagħraf il-ġid nazzjonali li qed jistinkaw għalih mijjiet ta’ ħaddiema involuti f’dawn il-proġetti u fejn hu tajjeb tgħidlu tajjeb. Minflok, malli l-Oppożizzjoni rrealizzat li l-poplu kien sodisfatt bit-tlestija tal-Marsa Junction Project, intefgħet b’ruħha u ġisimha tara kif se ttappan dan il-proġett ħalli forsi tiggwadanja xi ftit punti f’xi sondaġġ. B’investiment ta’ €70 miljun, permezz tal-Marsa Junction Project il-Gvern qed inaqqas il-ħin fl-ivvjaġġar b’79% u sa 70% mit-tniġġis tal-ajra fl-iżjed żona li minnha jivvjaġġaw persuni f’Malta, tul ir-rotta ewlenija lejn in-nofsinhar tal-pajjiż. Dan huwa proġett li minnu qed igawdu aktar minn 100,000 persuna kuljum. Kif qed igawdu? Studju li sar fl-2019 mill-ekonomista Gordon Cordina wera li għal kull €1 miljun investiment li sar fil-Marsa Junction Project, Malta qed tieħu lura €4.2 miljun f’benefiċċji, fosthom it-tnaqqis fil-ħin tal-ivvjaġġar, inqas konsum ta’ fjuwil, tnaqqis t’aċċidenti u spejjeż mediċi relatati, produttività akbar u titjib kbir fil-kwalità tal-arja. Fi ftit kliem, kwalità ta’ ħajja aħjar għal dawk li jivvjaġġaw jew jgħixu fin-nofsinhar ta’ Malta. Il-Marsa Junction Project kien jinkludi l-bini ta’ seba’ strutturi ta’ flyovers u 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, 3 kilometri u nofs ta’ bankini, mogħdijiet u korsiji għar-roti, żewġ pontijiet pedonali, korsiji għall-karozzi tal-linja, parkeġġ ta’ 380 vettura għas-servizz tal-park and ride, 15-il kilometru ta’ sistemi għas-servizzi taħt l-art u ¿oni estensivi ta’ pajsaġġ b’eluf ta’ siġar ġodda. Il-proġett irriġenera spazju pubbliku ta’ 97,000 metru kwadru bejn il-Marsa u Raħal Ġdid, bl-introduzzjoni ta’ infrastruttura ta’ kwalità aħjar u aktar sigura għal dawk kollha li jużaw dawn it-toroq kif ukoll għar-residenti u l-ħaddiema fl-inħawi. Sa ftit snin ilu, ħafna minn din iż-żona kienet mitluqa, b’bini industrijali qadim, strutturi oħrajn abbandunati, bankini u punti minn fejn taqsam it-triq perikolużi u spazji għall-parkeġġ mhux użati. It-toroq u l-flyovers ġodda tal-proġett ħolqu konnessjonijiet diretti lejn ir-rotot kollha li jingħaqdu f’din il-junction, li jinkludu toroq arterjali bħalma huma Triq Aldo Moro, Vjal Santa Luċija, Vjal Sir Paul Boffa u Triq Giuseppe Garibaldi. B’hekk il-proġett elimina s-sistema ta’ traffic lights li kienet saret lejn l-aħħar tad-disgħinijiet biswit iċ-Ċimiterju tal-Addolorata, li kien ilu li għadda żmienha, bil-konsegwenza li bdiet toħloq konġestjonijiet kbar u konċentrazzjoni għolja ta’ tniġġis tal-arja u storbju. L-eliminazzjoni tal-ħinijiet ta’ stennija li kien ikun hemm qabel minħabba t-traffic lights għal aktar minn 100,000 persuna li ta’ kuljum jivvjaġġaw f’din il-junction qed jissarraf f’titjib kbir fil-kwalità tal-arja f’Raħal Ġdid u l-Marsa. Il-Marsa Junction Project qed inaqqas sa 70% tal-materja f’partiċelli u 52% tal-ossidji tan-nitroġenu, li huma żewġ kawżi prinċipali ta’ mard respiratorju u problemi oħrajn ta’ saħħa. Dan l-investiment qed inaqqas ukoll bin-nofs id-dijossidu tal-karbonju, kontributur ewlieni għall-emerġenza klimatika. Il-bankini, il-pontijiet pedonali u l-korsiji ġodda għar-roti ta’ dan il-proġett jiffurmaw parti minn netwerk akbar ta’ bankini u mogħdijiet, korsiji għar-roti, mini (subways) u pontijiet li Infrastructure Malta qed tiżviluppa f’dan ir-reġjun biex iżżid is-sigurezza għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, bil-karozzi tal-linja jew bir-rota, bejn Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, Santa Luċija, il-Marsa, Ħal Luqa, il-Gudja, Ħal Qormi u nħawi oħrajn fil-viċin. Dawn jinkludu infrastruttura oħra ġdida li tlestiet fl-aħħar sentejn, fosthom il-korsija ġdida għall-mixi u r-roti tul Triq Ħal Luqa u Vjal Santa Luċija u l-mina (subway) taħt Triq tal-Barrani, bejn Santa Luċija u Ħal Tarxien. Taħt it-toroq ġodda, l-aġenzija għaddiet 15-il kilometru ta’ sistemi għas-servizzi taħt l-art, li jinkludu pajpijiet għall-ilma, katusi tad-drenaġġ, mini (walk-through culverts) li minnhom jgħaddu l-cables tal-elettriku, pajpijiet għall-cables tal-Internet u servizzi tat-telekomunikazzjoni oħrajn u katusi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita. Fiż-żoni ġodda mħaddrin tal-proġett, qed inħawlu 7,770 siġra u 10,495 arbuxell. Dawn iż-żoni biswit il-mogħdijiet u l-korsiji ġodda għar-roti tal-proġett qed ikomplu jissebbħu b’erba’ xogħlijiet artistiċi monumentali li nħadmu minn artisti lokali u internazzjonali. Sabiex nirringrazzjaw lill-pubbliku għal tliet snin ta’ koperazzjoni biex wettaqna dan il-proġett, u sabiex nirrikonoxxu u nfaħħru l-impenn u l-ħila tal-ħaddiema kollha li taw is-sehem tagħhom f’din il-ħidma, nhar il-15 t’April li għadda organizzajna ċerimonja ta’ ringrazzjament u inawgurazzjoni, hekk kif xieraq għal proġett daqstant importanti. Kellna l-ħsieb li għal din iċ-ċerimonja jkollna magħna lil dawk kollha li ħadmu biex dan il-proġett sar realtà iżda ċ-ċirkostanzi preżenti ma ppermettewx li jsir dan. Għalhekk, stedinna lill-pubbliku u l-ħaddiema tal-proġett isegwu ċ-ċerimonja, li saret mingħajr mistednin, permezz tal-mezzi soċjali u t-televiżjoni. In-nefqa ta’ din l-attività (inkluż l-ispejjeż tal-iffilmjar u x-xandir tagħha mill-PBS), sabiex nirringrazzjaw lill-ħaddiema u l-pubbliku għal dan il-proġett ta’ €70 miljun swiet €45,480. Dan ifisser inqas minn terz tal-ispiża tal-inawgurazzjoni ta’ Pjazza San Ġorg fl-2009, meta kienu ntefqu €141,770 f’attivitajiet t’inawgurazzjoni għal proġett b’investiment infrastrutturali ta’ €1.2 miljun, jew madwar nofs l-ispiża ta’ €80,123 li ntefqet fl-inawgurazzjoni tal-proġett ta’ €10 miljun għat-terminus ġdid tal-bendy buses u xarabanks oħra tal-Arriva f’Lulju 2011. Kif għidt fil-bidu ta’ din it-tweġiba, dwar l-infieq fl-inawgurazzjonijiet, hemm ħafna x’tgħid.
Leg 13 PQ #20563 Sitting 452 2021-04-26 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Inawgurazzjoni tal-Marsa Junction — nefqa

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont tan-nefqa li saret b'rabta mal-inawgurazzjoni tal-proġett tal-Marsa Junction u li saret nhar il-Ħamis 15 ta' April 2021? Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija inawgurazzjoni?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill- Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari nru 20562.

Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji — impjegati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna preżentement tinsab impjegata fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u tgħid ukoll il-grad u l-funzjoni rispettivi li tali persuni għandhom fl-imsemmi uffiċċju?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm 39 persuna mpjegata fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazjonijiet Volontarji li jaħdmu fi gradi li jvarjaw. Ninfurmaħ ukoll li dejjem ġew segwiti l-proċeduri stabbilliti tal-ingaġġ fis-servizz pubbliku. Il-grad u l-funzjoni rispettivi qed jitpoġġew fuq l-Mejda tal-Kamra.

Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji — impjegati

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-dati li fihom mill-1 ta' Jannar tas-sena 2013 sal-lum, persuni ġew impjegati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u tispeċifika l-gradi, il-karigi u l-funzjonijiet rispettivi ta' tali persuni?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ninfurmah ukoll li dejjem ġew segwiti l-proċeduri stabbilliti tal-ingaġġ fis-servizz pubbliku.

Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji — impjegati

Question

Tista' l-Ministru tgħid b'każ b'każ il-lokalità fejn tirrisjedi kull waħda mill-persuni li preżentement jinsabu impjegati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni li preżentament jinsabu mpjegati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazjonijiet Volontarji jirrisjedu l-Imsida, San Ġwann, Għargħur, Rabat Malta, Qala Ghawdex, San Ġiljan, Żejtun, Swieqi, Santa Venera, Sliema, Iklin, Naxxar, Żurrieq, Attard, Mosta, Pembroke, Luqa. Ninfurmaħ ukoll li dejjem ġew segwiti l-proċeduri stabbilliti tal-ingaġġ fis-servizz

Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji — impjegati

Question

Tista' l-Ministru tgħid minn liema binjiet/indirizzi (mhux residenzi) joperaw il-persuni li jinsabu impjegati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni li jinsabu mpjegati mal-Uffiċju tal-Kummissarju għall-Organizzazjonijiet Volontarji qed joperaw mill-istess binja fejn jinsab l-istess uffiċċju tal-Kummissarju l-Belt Valletta.
Leg 13 PQ #20609 Sitting 452 2021-04-26 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi strutturali tal-budget Ewropew għas-snin 2014-2020

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Parlament f'ċifri perċentwali u reali kemm Malta użat mill-fondi strutturali tal-Budget Ewropew għas-snin 2014 - 2020? Jista' jagħti d-dettalji?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li sa issa Malta użat madwar €65.8 miljun jew 52% mill-allokazzjoni taħt il- Fond Soċjali Ewropew; €224.5 miljun jew 64.1% mill-allokazzjoni taħt il- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali; u €141.9 miljun jew 73% mill-allokazzjoni taħt il- Fond ta’ Koeżjoni. Ta min ifakkar li Malta għandha sal-aħħar tal-2023 sabiex tutilizza l-fondi kollha allokati taħt dawn il-programmi għas-snin 2014 – 2020.
Leg 13 PQ #20610 Sitting 452 2021-04-26 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi strutturali għall-budget Ewropew – pjan dwar nefqa

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Parlament f'liema stadju waslet Malta fil-pjan tagħha dwar kif se jintefqu l-fondi strutturali għall-budget Ewropew li beda fl-2021? Jista' jagħti d-dettalji?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-proċess li ser iwassal għal-pjan finali ta’ kif ser jintefqu l-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni f’pajjizna ilu li nbeda u issa wasal f’livell avvanzat. F’dawn l-aħħar sentejn saret konsultazzjoni wiesgħa mal- ministeri u entitajiet pubbliċi, kif ukoll l-imsieħba socjali u partijiet interessati oħrajn. Qed isiru ukoll diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea dwar dan. Huwa mistenni li fix-xhur li ġejjin il-Gvern ser ikun qiegħed jiffinalizza dan ix-xogħol u l-abbozzi tal-programmi varji jitpoġġew għal konsultazzjoni aktar wiesgħa mal-pubbliku.

Passi fil-konfront ta’ eks Kummissarju tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ser jittieħdu fil-konfront tal-eks Kummissarju tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar l-illegalitajiet, abbużi u mġieba ħażina li wettaq matul iż-żmien li dam iservi fil-Korp tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

F’dan il-pajjiż l-investigazzjonijiet jsiru mill-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet relevanti li huma regolati mil-liġijiet tal-pajjiż u mhux mill-politiku.

Passi fil-konfront ta’ eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ser jittieħdu fil-konfront tal-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar l-illegalitajiet, abbużi u mġieba ħażina li wettaq matul iż-żmien li dam iservi fil-Korp tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

F’dan il-pajjiż l-investigazzjonijiet jsiru mill-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet relevanti li huma regolati mil-liġijiet tal-pajjiż u mhux mill-politiku.

Kunsilli lokali – ħlasijiet lill-perit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru pagamenti mill-Kunsilli Lokali, wieħed b’wieħed, fuq xogħol ta’ konsulenza u servizzi lill-perit li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament mill-2013 sal-lum?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Ħal Għaxaq – għaqdiet volontarji – faċilitajiet finanzjarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-possibbilità ta' faċilitajiet finanzjarji li għaqdiet volontarji bħal Għaqda Mużikali San Ġużepp Ħal Għaxaq u Għaqda Mużikali Santa Marija Ħal Għaxaq AD 1873 huma intitolati u jistgħu jigwadanjaw minnhom fl-2021?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20469.

Ħal Għaxaq, Marsaxlokk, Marsaskala u ż-Żejtun – persuni li huma computer literate/ħadu edukazzjoni post-sekondarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi r-rata ta’ dawk meqjusa computer literate fil-lokalitajiet ta’ Ħal Għaxaq, Marsaxlokk, Marsaskala u ż-Żejtun, u kemm jammontaw ir-residenti f’perċentwali li ħadu edukazzjoni post-sekondarja fl-istess inħawi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-NSO qed jipprovdi informazzjoni fuq livell ta’ distrett skont il-klassifikazzjoni Local Administrative Unit (LAU). Informazzjoni dwar il-lokalitajiet m’hijiex disponnibli. Il-lokalitajiet ta’ Ħal Għaxaq, Marsaxlokk, Marsaskala u z-Zejtun jagħmlu parti mis-South Eastern district, li jinkludi wkoll il-lokalitajiet ta’ Birzebbuġia, il-Gudja, Ħal Kirkop, Mqabba, Qrendi, Ħal Safi u z-Zurrieq. Skont l-istħarriġ tal-Uzu ta' l-ICT fost il-familji, madwar 85% tal-individwi li għandhom bejn is-16 u l-74 sena u jgħixu fi djar privati fis-South Eastern district għamlu uzu mill-internet fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2020. Dan il-persentaġġ qed jiġi meqjus li huwa proxy għal computer literacy. Skont l-istħarrig fuq is-Suq tax-Xoghol għas-sena 2020, hu stmat li 51% tal-popolazzjoni li għandha bejn is-16 u l-74 sena u li tgħix fi djar privati fis-South Eastern district għandhom livell ta’ edukazzjoni post-sekondarju jew aktar.
Leg 13 PQ #20625 Sitting 452 2021-04-26 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Mtarfa – Kappella San Oswald

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-kappella San Oswald li hija parti mill-bini fejn ser issir skola fl-Imtarfa, hijiex ser tibqa’ tiffunzjona bħala kappella fejn isir il-quddies kif diġà qed isir?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-kappella li qiegħda fil-konfini tal-art, għaddiet għand terzi wara sejħa pubblika u riżoluzzjoni parlamentari. Għalhekk hija l-entità li lilha ġiet mgħoddija l-art li tista’ twieġeb dwar l-użu tal-kappella.
Leg 13 PQ #20626 Sitting 452 2021-04-26 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Mtarfa – ftehim għal skola – Mtarfa Drama Group

Question

B’referenza għal ftehim li għamlet l-istess Ministru ma’ min ser ikun qiegħed imexxi l-iskola fil-binja tal-Imtarfa li qabel kienet sptar u wara kienet inbidel fi’skola tal-Gvern, u issa ser issir skola li ser titmexxa mill-ftehim li sar dan l-aħħar, tista’ l-Ministru tgħid jekk f’parti mill-iskola, l-Imtarfa Drama Group hux ser jibqa’ jkollu aċċess skont il-ftehim li kien hemm bejn il-Gvern u l-istess Mtarfa Drama Group?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Infurmata li l-Imtarfa Drama Group se jibqa’ jkollu aċċess għall-iskola meta din isirilha x-xogħol meħtieġ.
Leg 13 PQ #20627 Sitting 452 2021-04-26 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Mtarfa – ftehim għal skola – aċċess għall-partijiet fil-binja

Question

B’referenza għall-ftehim li għamlet l-istess Ministru, dwar il-bini fl-Imtarfa li qabel kien sptar u issa ser jiġi mogħti lill-barranin biex titmexxa bħala skola privata, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux ser jibqa’ jkun possibbli għall-pubbliku inġenerali li jkollu aċċess għall-partijiet mill-istess binja li huma ta’ wirt u patrimonju kulturali?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Jiena infurmata li ser jibqa' jkun hemm aċċess għall-partijiet tal-binja li huma ta’ wirt u patrimonju kulturali.