Air Malta – ħlas lill-kuntrattur għall-ħasil ta’ ajruplani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallset flus l-Airmalta lill-kuntrattur għall-ħasil tal-ajruplani tagħha (li jsir kull ftit ġimgħat) f’forma ta’ manutenzjoni, kull sena mill-2016 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Air Malta għamlet ħlas ta’ €85,000 għall-ħasil tal-ajruplani tagħha li jsir kull ftit ġimgħat f’forma ta’ manutenzjoni.
Ministeru – konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni — nefqa
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2390 u jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li ebda entita u dipartiment fid-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma nefqu flus għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni minn Marzu 2013 l’hawn.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 13518 u 13355 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu l-Malta Industrial Parks (MIP) qed tikri l-uffiċċji tagħha f’Valley Road, Birkirkara? Jista' jgħid x’kienet il-proċedura wżata mill-MIP biex inkera dan il-bini?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghar-risposti li nghataw ghall-mistoqsijiet parlamentari bin-numru 13592 u 14409.
Taxxa fuq lump sum wara li jsir ftehim ġdid kollettiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid b’liema rata jkun intaxxat impjegat jew ħaddiem fuq il-lump sum li jirċievi wara li jkun konkluż ftehim ġdid ta’ collective agreement, liema ftehim ikun backdated għax in-negozjati dwar il-ftehim il-ġdid ikunu twalu xhur jew snin?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li arretrati ta’ salarju li jistgħu jkunu dovuti lill-impjegat bis-saħħa ta’ collective agreement ġdid backdated, jkunu ntaxxati bir-rati normali tat-taxxa ta’ dak l-impjegat (rati ta’ single, parent jew married), flimkien mad-dħul l-ieħor tiegħu fis-sena meta jirċevihom.
B’referenza għall-ftehim kollettiv ġdid iffirmat mal-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), tista’ l-Ministru tgħid jekk dan jipprovdix għal ħlas lump sum lill-ħaddiema biex ikopri żidiet b’lura?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-ftehim kollettiv indikat ma jipprovdi għal l-ebda ħlas ta’ lump sum. L-arretrati applikabbli tħallsu individwalment lil kull ħaddiem b’pagament supplementari fl-aħħar tax-xhar ta’ April, kif ġie maqbul mal-union rappreżentattiva. .
Jista’ l-Ministru jagħti time frame dwar meta ser tinfetaħ Triq Durumblat fil-Mosta?
Response (BORG, IAN)
Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn.
Fil-lokalità tal-Mosta diġà saru Triq Dawret il-Wied, Triq il-Qares, Triq is-Snajja’, Triq San Pawl tal-Qliegħa, Triq tas-Sriedek, Sqaq Madre Tereża Spinelli, Triq Rużar Briffa (Żokrija), Triq Kumbu, Triq San Silvestru, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Ballata, Triq Dun Karm Schembri, Triq il-Bdoti, Triq il-Familja Cumbo, Triq it-Taħħan, Triq ta’ Venezja, Triq il-Baqqunier u Triq tal-Wej, waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq Durumblat, Triq il-Kbira u Triq Patri Ġuże Delia. Saru wkoll xogħlijiet fi Triq il-Fortizza, Triq il-Fortizza tal-Mosta u Triq il-Kostituzzjoni waqt li diġà hemm ippjanti diversi toroq oħrajn f’din il-lokalità biex isiru fiż-żmien li ġej.
Triq Durumblat hija arterja ta' 1.8 kilometri bejn Ħ’Attard, Ta’ Qali u l-Mosta, u minħabba l-kobor tagħha x-xogħlijiet qegħdin isiru f’fażijiet. Minbarra tisħieħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid b’diversi kisjiet bl-asfalt, f’din it-triq qegħdin isiru diversi xogħlijiet ta’ servizzi taħt l-art għall-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni kif ukoll dwal tat-triq ġodda. Barra minn hekk, Infrastructure Malta qed tintroduċi roundabouts u punti ta’ qsim (pelican crossings) għal aktar sigurezza f’din it-triq, kif ukoll qed tibni bankini maż-żewġ naħat biex tiffaċilita l-konnessjonijiet bil-mixi bejn il-lokalitajiet li semmejt u biex ittejjeb ukoll l-aċċess għall-ġonna pubbliċi u l-faċilitajiet sportivi ta’ Ta’ Qali. Wara li tlestiet l-ewwel parti nkluż l-asfalt, għaddej ix-xogħol fil-bqija tat-triq li issa reġgħet infetħet fid-direzzjoni mill-Mosta lejn Ħ’Attard sakemm jitlestew it-trinek li hemm bżonn isiru għas-servizz tal-elettriku.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid minn dawk is-60 infermier ġodda li semma’ li se jiġu ingaġġati, kemm minnhom huma Maltin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fi Frar ta’ din is-sena ħarġet sejħa pubblika għal parteċipazzjoni skont il-public regulations għal servizzi ta’ infermiera, managers kif ukoll clerical support workers, sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-servizzi tagħhom
f’diversi ċentri u
hubs
tat-tilqim għal kontra l-
Covid-19
. Fost dawk ingaġġati kien hemm persuni ta’ nazzjonalitajiet differenti.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19083 fejn staqsejt lill-Ministru Galdes kemm huwa n-numru ta’ housing estates f’Malta u Għawdex u f’liema sena nbnew u b’referenza għat-tweġiba li kienet 1,167 blokka tal-Gvern, jista’ l-Ministru jgħid fejn jinsabu dawn il-blokok, lokalità b’lokalità? Kemm minnhom inbnew f’Għawdex? X’kienet l-ispiża ta’ dawn il-blokok?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ispiża ta' dawn il-blokok hija impossibbli li tingħata minħabba li ħafna minnhom inbnew diversi snin ilu.
Infrastructure Malta – permessi għal bini fi Triq ta’ Ħad-Dingli
Question
Jista' l-Ministru jagħmel elenku tal-permessi validi li kienu f'idejn Infrastructure Malta sad-data tat-23 ta' Marzu għall-bini fit-triq ta' Ħad Dingli, u jipprovdi kopja tad-dokumenti kollha fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-permessi u d-dokumenti kollha mitluba mill-Onorevoli interpellant, se nelenka x’inhuma l-fatti kif jikkonfermaw dawn l-istess dokumenti dwar ix-xogħlijiet li bdiet Infrastructure Malta għat-triq ġdida sekdata li qed tibni bejn Triq San Ġwann Bosco, Triq id-Daħla tas-Sienja u Sqaq il-MUSEUM, f’Ħad-Dingli.
L-Awtorità tal-Ippjanar ikkonfermat li x-xogħlijiet minn Infrastructure Malta mhumiex illegali. F’deċiżjoni meħuda mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, din l-Awtorità ddikjarat: “it-triq [ġdida] hija waħda skedata fil-Pjan Lokali, u li skont il-liġi sussidjarja 552.08, m’hemmx obbligu li l-Awtorità tiġi notifikata bix-xogħol relatat mat-triq.” Din it-triq kienet approvata bħala parti mill-Pjan Lokali fl-2006, wara konsultazzjoni pubblika.
L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi ħarġet permess fid-9 t’Ottubru 2020 biex jinqalgħu 3 siġriet ħalli tinbena t-triq ġdida. L-ebda siġra ma tneħħiet jew inżabret illegalment, qabel jew wara li nħareġ dan il-permess. Dan kien ikkonfermat ukoll mit-Tribunal.
Transport Malta ħarġet Road Works Permit għax-xogħlijiet li qegħdin isiru fis-17 ta’ Marzu 2021. Mhuma jsiru l-ebda xogħlijiet illegali fit-triq.
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli approva unanimament il-bini ta’ din it-triq ġdida, fejn iddikjara li r-residenti ta’ Sqaq il-MUSEUM kienu talbu lill-Kunsill Lokali biex itejjeb l-“aċċess inaċċettabbli” eżistenti billi jifforma t-triq ġdida skedata.
Is-Sovrintedenza tal-Patrimonju Kulturali kkonfermat ukoll l-approvazzjoni tagħha għax-xogħlijiet billi ddikjarat li “Dawn ix-xogħlijiet, li ġew approvati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, qegħdin kontinwament jiġu segwiti minn arkeologu taħt id-direzzjoni tas-Sovrintendenza... Il-formazzjoni tat-triq proposta bejn Triq Daħlet is-Sienja u Triq San Ġwann Bosco ma titqiesx li toħloq theddida għall-integrità fiżika tal-fdalijiet medjevali tal-Kappella ta’ Santa Duminka.”
Infrastructure Malta laħqet ftehim dwar l-esproprjazzjoni ma’ maġġoranza ta sidien tal-art fejn qegħdin isiru x-xogħlijiet. Dawn ser jiġu kkumpensati kif xieraq, skont il-proċeduri applikabbli tal-Awtorità tal-Artijiet. L-espropji kollha meħtiega nfurmat li ġew approvati minn Lands Authority u tħallas kollu lil istess Awtorita’ minn Infrastructure Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-perit (ditta ta' periti) inkarigata mill-pjanti/designs kif ukoll mix-xogħol li beda fl-aħħar ġimgħat ġewwa Kemmuna? Jista’ jgħid kif intgħażlu meta ntgħażlu u kemm tħallas s’issa l-perit (ditta ta' Periti) inkarigati minn dan ix-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-periti imqabbda mill-Ministeru huma tad-ditta tal-periti William Lewis. Dawn intgħażlu abbażi tal-esperjenza tagħhom f’dawn it-tip ta’ xogħlijiet ta’ natura sensittiva fis-sena 2020 u s’issa tħallset s-somma ta’ € 3,650.00.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20108 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta u kemm ser ikun hemm pontoons fil-Port tal-Imġarr f'Għawdex li mhux ser ikunu operati mill-kuntrattur privat? Jista' jgħid kemm minn dawn ser ikunu għas-sajjieda, kemm għall-sajjieda full-time u kemm għal dawk part-time? Jista' jgħid ukoll meta hu maħsub li jiġu allokati dawn il-pontoons?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li ser ikun hemm total ta 3 puntuni ġodda ta’ daqsijiet differenti bejn 27 u 55 metru. Kif ukoll estensjoni ta’ 30 metru fuq wieħed mill-puntuni ezistenti.
Bil-puntuni ġodda inkluzi, ser ikun hemm total ta’ 7 puntuni ta’ daqsijiet differenti u li m’humiex ser ikunu operati minn xi kuntrattur privat.
Dawn il-puntuni għandhom ikun fil-post sa l-aħħar ta’ Mejju 2021.
Fl-allokazzjoni tal-irmiġġi ġodda li se jinħolqu b’dawn il-puntuni se tingħata prijorita’ lid-dgħajjes tas-sajjieda kemm full-time kif ukoll part-time.
Barra minn hekk, wara interventi strutturali fuq il-mollijiet e¿istenti, nħoloq aktar spazju biex jiġu allokati aktar dgħajjes.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender 'CfT title: IM049/2019 Prequalification questionnaire (PQQ) for the award of a concession contract for the design, build, finance, operate, maintain and transfer of a Malta-Gozo (partly sub-sea)' li għalqet fl-4 ta' Ġunju 2020 u jgħid fiex wasal il-proċess ta' din l-imsemmija offerta biex tiġi awarded?
Response (BORG, IAN)
Il-Proġett tal-Mina bejn Malta u Għawdex jinkludi l-bini ta’ mina twila 14-il kilometru, parti minnha taħt il-baħar, li jkollha żewġ korsiji għall-vetturi, waħda f’kull direzzjoni, bi spazju bejniethom li jkun wiesgħa biżżejjed għall-inġenji t’emerġenza. Din il-konnessjoni permanenti bejn iż-żewġ gżejjer se telimina l-isfidi ekonomiċi u soċjali li l-familji u n-negozji Għawdxin ilhom iħabbtu wiċċhom magħhom diversi snin minħabba l-limitazzjonijiet li jeżistu fis-servizzi eżistenti bil-baħar u bl-ajru.
L-ippjanar tal-Proġett tal-Mina bejn Malta u Għawdex beda diversi snin ilu meta Transport Malta kienet varat diversi studji tekniċi, soċjali u ekonomiċi dwar il-vijabilità tal-proġett. Infrastructure Malta ġiet fdata b’dan il-proġett malli twaqqfet fl-2018. Ftit wara, f’Diċembru tal-istess sena, l-aġenzija ppubblikat pre-information notice fejn ħabbret li kienet se tniedi proċess kompetittiv biex tagħżel il-konċessjonarji li hemm bżonn biex tinbena din l-infrastruttura ġdida.
Fl-2019, Infrastructure Malta intensifikat il-ħidma fuq l-istudji preliminari li kienu meħtieġa biex tvara dan il-proċess. F’Jannar tal-2020, l-aġenzija nediet l-ewwel stadju minn tlieta tal-proċess li għandu jwassal biex jintgħażel il-kunċessjonarju li ser jiddisinja, jibni, jiffinanzja, jopera u jieħu ħsieb il-Mina bejn Malta u Għawdex għal numru predefinit ta’snin. Fl-ewwel stadju ta’ dan il-proċess kompetittiv, dak tal-pre-qualification questionnaire (PQQ), l-aġenxija stiednet lill-offerenti prospettivi biex jipprovdu informazzjoni u dokumentazzjoni li juru li diġà għandhom esperjenza fil-bini ta’ mini simili, li għandhom rekord tajjeb fl-ħarsien tal-ambjent u s-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll li għandhom il-kapaċità teknika u finanzjarja biex iwettqu dan il-proġett b’suċċess.
Iż-żmien biex isiru is-sottomissjonijiet tal-PQQ skada l-Ħamis, 4 ta’ Ġunju 2020. Infrastructure Malta rċeviet erba’ sottomissjonijiet minn kumpaniji internazzjonali u konsorzji li huma interessati li jibnu u joperaw il-mina. Bord tal-Evalwazzjoni qed jevalwa l-pre-qualification questionnaires skont il-kriterji li kienu stabbiliti fid-dokumentazzjoni tal-PQQ ippubblikati f’Jannar.
L-offerenti li jgħaddu b’suċċess mill-istadju tal-PQQ jikkwalifikaw għat-tieni stadju, li jinkludi l-Invitation to Participate in Dialogue (ITPD). F’dan l-istadju, il-parteċipanti jridu jissottomettu pjanijiet tekniċi dettaljati tal-istruttura proposta minnhom għall-mina, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni, l-operat u l-manutenzjoni tagħha kemm-il darba jingħataw il-konċessjoni. Il-parteċipanti jiġu mistiedna għal taħditiet biex jispjegaw il-proposta lit-tim tal-evalwazzjoni li se jkun qed janalizza kull proposta. Dan it-tieni stadju jibda malli jitlesta l-proċess tal-evalwazzjoni tas-sottomissjonijiet tal-PQQ.
Wara l-istadju tal-ITPD, il-proċess tal-għażla jiġi konkluż bl-istadju tal-Best and Final Offer (BAFO). Offerenti li jkunu ħadu sehem fl-istadju tal-ITPD jintalbu jagħmlu l-proposta finali tagħhom għall-proġett. Din trid tinkludi offerta dettaljata kemm mil-lat tekniku kif ukoll finanzjarju li tkun ibba¿ata fuq il-proposta li jkunu għamlu fl-istadju preċedenti. It-tim tal-għażla mbagħad jiddeċiedi u jirrakkomanda liema tkun l-aħjar offerta skon il-kriterji stabbiliti.
Fl-istess ħin li qed isir il-proċess tal-għażla, tim t’esperti indipendenti approvati mill-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar qed jagħmlu wkoll studju estensiv dwar l-impatt abjentali (EIA) tal-proġett propost, kif ukoll studji oħrajn tekniċi.
Il-Bord tal-Evalwazzjoni jaħdem b’mod kunfidenzjali u indipendenti. Għalhekk, Infrastructure Malta mhix f’pożizzjoni li tgħid meta dan il-proċess se jkun konkluż. Il-Gvern jemmen li ħadd m’għandu jagħmel pressjoni fuq dan il-Bord, sabiex ikompli jaħdem b’serenità u indipendenza biex niksbu l-aħjar riżultat possibbli għal dan il-proġett nazzjonali.
Ministeru għal Għawdex — Impjegati fi gradi tekniċi u industrijali tas-Servizz Pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fil-gradi tekniċi u industrijali tas-Servizz Pubbliku skont il-grad fil-Ministeru tiegħu? Fejn hu l-post tax-xogħol tagħhom? Kemm hemm impjegati li mhumiex fil-gradi ġenerali tas-Servizz Pubbliku u qed jagħmlu xogħol tas-Servizz Ġenerali? Fejn hu l-post tax-xogħol tagħhom? X'xogħol qed jagħmlu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeri — fondi ewropej taħt il-Programm ta' Fondi Strutturali u Fondi ta Koezjoni Ewropej
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intużaw Fondi Ewropej minn kull Ministeru taħt il-programm ta' Fondi Strutturali u Fondi ta' Koezjoni Ewropej 2014-2020, sena b'sena? Kemm baqa; fondi minn dan il-programm x'jintefqu fis-snin li ġejjin?
Response (ABELA, ROBERT)
Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq l-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għal Għawdex — Ġbid ta’ videos live u xogħol ta’ editing
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min qed jiġbed il-videos live u jagħmel ix-xogħol ta’ editing tal-filmati li qed jidhru fuq il-mezzi soċjali, tax-xogħol li jkun qed isir mill-Ministeru għal Għawdex? Kif intgħażel, kemm-il siegħa xogħol għamel s’issa, mil-liema xahar u sena beda jsir dan il-ġbid ta’ videos u xi kwalifiċi u esperjenza għandha dan il-persuna fuq il-ġbid u editing ta' videos?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ħadd ma ntagħżel għall- videos live tax-xogħlijiet. L-imsemmija videos live jittieħdu minn mobile phone konvenzjonali li jista’ jagħmlu kulħadd permezz tal-apps tal-midja soċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu kontravenzjonijiet riżultat ta’ Speed Cameras, sena b'sena, mill-2010 sakemm tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari u x'ammont ta' flus tħallsu f'multi?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid liema Speed Camera rriżulta li minnha ħarġu l-aktar kontravenzjonijiet u x'ammont ta' flus tħallsu f'multi sena b'sena mill-2010 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari,?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm seħħew inċidenti fit-toroq ta’ hawn taħt, sena b'sena, mill-2013 sal-2020 u kemm minn dawn l-inċidenti kienu 'slight / serious injuries,grievousinjuries' u 'fatal':
(a) Triq tal-Balal (bejn San Ġwann u n-Naxxar);
(b) Triq Ħal Luqa f'Santa Luċija;
(c) Triq Garibaldi limiti tal-Marsa;
(d) Triq il-Kunsill tal-Ewropa, Luqa;
(e) Triq il-Kosta (bejn San Ġiljan u San Pawl il-Baħar);
(f) Triq Buqqana (bejn ir-Rabat u l-Mosta);
(g) Triq San Tumas u Triq Ħal Qormi, Luqa;
(h) Triq iċ-Ċawsli, Żejtun;
(i) Vjal il-25 ta' Novembru, iż-Żejtun;
(j) Triq Pantar, Mosta; u
(k) Marsa - Ħamrun By Pass?
Jista’ jgħid jekk wasalx iż-żmien li bl-użu tat-teknoloġija, inċidenti jiġu geo-referenced biex jiġu identifikati 'accident black-spots' f'dawn it-toroq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-ewwel parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ninsab infurmat li rigward it-tieni mistoqsija diġa saru u għadhom għaddejjin diversi taħdidiet bejn l-Awtorita’ ta’ Transport f’ Malta u l-Pulizija dwar dan is-suġġett.