Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20696 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji, inkluż studji li saru (jekk saru) b'rabta mal-proposta tal-estensjoni tal-Bajja tal-Għadira fil-Mellieħa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-istudji b’rabta ma’ dan il-proġett għadhom għaddejjin. La darba jkunu konklużi, se jkunu qed jiġu ppubblikati.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri se jittieħdu sabiex l-inkonvenjent tal-irwejjaħ li r-residenti tal-Kalkara damu s-snin jilmentaw minnhom minħabba l-attività relatata mal-użu tat-tankijiet ġewwa Ricasoli, ma jiġix trasferit lill-Marsa b’detriment għar-residenti tal-Marsa?
Indis Malta Ltd — talbiet minn inkwilini fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija – kera tinbidel f’ċens temporanju
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba għandha Indis Malta Ltd minn inkwilini fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija ħalli l-kera li għandhom tinbidel f'ċens temporanju u jkunu jistgħu jagħmlu investiment kapitali minn buthom fl-istess fabbriki li llum huma mikrija lilhom?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm erbgħa talbiet minn inkwilini li bħalissa joperaw minn fabbriki b’titlu ta’ kirja u li jixtiequ titlu aktar b’saħħtu u ċioe ċens temporanju. Dawn it-talbiet huma suġġetti għal process ta’ evalwazzjoni, liema proċess għadu għaddejj.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20101, jista' l-Ministru jispeċifika kemm mill-flus li ntefqu fl-Iskema tax-Xogħol tal-Komunita' bejn l-2009 u l-2020 kienu fondi ewropej u kemm minnhom kienu fondi nazzjonali?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Iskema tax-Xogħol tal-Komunità dejjem kienet iffinanzjata minn fondi nazzjonali.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10374, jista d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li s-servizz tas-Support Group li jismu Reach Out, jibda jiġi organizzat ukoll f’lokalitajiet oħra u mhux bil-fors fiċ-Ċentru Tommaso Chetcuti li qiegħed fl-Isptar Monte Carmeli?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz tas-Support Group (Reach Out) waqaf jingħata fl-2020 kemm minħabba nuqqas ta’ konkorrenza kif ukoll minħabba l-pandemija tal-Covid-19.
Bħalissa aktar sapport lill-familjari qed jingħata minn diversi professjonisti li jaħdmu fis-Servizzi tas-Saħħa Mentali. Fil-ħames Ċentri ta’ Rijabilitazzjoni, jiġi offrut sapport lill-familjari ta' klijenti li jużaw dawn is-servizzi mill-
Occupational Therapists
. L-
Occupational Therapists
qegħdin ukoll jaħdmu biex jagħtu sapport, tagħrif u tagħlim fuq bażi iktar wiesgħa biex jilħqu kemm jista’ jkun iktar familji u dan qed isir permezz ta’
webinars online
, li jsiru darba f’xahar u huma miftuħin kemm għas-
service users
u l-familjari tagħhom, għall-membri tal-istaff, kif ukoll għall-pubbliku. Familji li jkollhom bżonn terapija jiġu riferuti lill tim ta’ psikoloġisti għal-
family therapy.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 19100, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, permezz tad-Department of Health Information and Research fi ħdan il-Ministeru tiegħu, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-qasam tas-saħħa mentali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liem rapport qed jirreferi.
Tista’ l-Ministru tindika n-numru ta’ każijiet pendenti fis-servizzi mogħtija mill-Aġenzija Sapport?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ każijiet pendenti fuq il-lista ta’ stennija fis-servizzi ta’ Aġenzija Sapport sad-data tat-30 ta’ April, qed titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20376, jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm xi progress biex il-katavru tal-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw separatament, li ġie maqtul fi qtil razzista f’Ħal Far b’tir ta’ arma tan-nar, jintbagħat għand il-familja tiegħu ġewwa l-Kosta tal-Avorju biex ikunu jistgħu jagħmlu d-difna wara aktar minn sentejn mill-qtil barbaru tiegħu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Kif ġa għidt fil-mistoqsija parlamentari 20376 l-Gvern ikkommetta ruħu li jħallas l-ammont sabiex l-katavru tal-vittma jiġi trasportat lura lejn pajjiżu u dan jinkludi t-trasport lejn il-post tad-difna, permessi u ħlas tal-kamra mortwarja. Il-Gvern ser ikopri wkoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tar-rappreżentant tal-familja li ser jakkumpanja l-katavru minn Malta.
Il-familja ingħatat assigurazzjoni li dawn ser jitħallsu f’Marzu 2020. Minkejja diversi emails mibgħuta mill-Ministeru lir-rapreżentant tal-familja fl-aħħar sena, l-awtoritajiet għadhom bla risposta rigward data għat-trasferiment tal-katavru.
Madanakollu ma kienx hemm zviluppi ġodda wara li ngħatat din it-tweġiba parlamentari, dan għad illi r-rappreżentanti tal-familja reġgħu gew ikkuntattjati għal darb’oħra.
Raħal Ġdid – Triq l-Arkata, L-Ibjar u Triq Ninu Cremona – miżuri biex jitnaqqas l-inkonvenjent
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20370, jista’ l-Ministru jikkonsidra li billi xorta hemm inkonvenjent kbir għall-ġirien, ikun hemm pjan u ordni aqwa biex dan jonqos drastikament?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għal mistoqsija parlamentari 20370 ta’ Seduta 451.
Paola Hub – Soluzzjoni għar-residenti dwar parkeġġ
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20213, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’passi se jkun hemm biex meta l-Paola Hub ikun lest, il-ġirien ikollhom faċilitajiet adegwati biex jipparkjaw u li ma jkollhomx bżonn iħallsu spejjeż?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi parti mill-ispazji tal-parkeġġ pubbliċi tal-Vincent Moran Paola Regional Hub se jkunu aċċessibbli għal kulħadd u se jkunu bla ħlas.
Paola Hub – Soluzzjoni għar-residenti dwar parkeġġ
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20211, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ġew preparati sabiex waqt it-tkomplija tax-xogħol u wara li jkun lest il-Paola Hub, il-ġirien ikollhom faċilitajiet biex jipparjkaw u mingħajr spejjeż?
Response (BORG, IAN)
Kif diġà spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20211 tal-istess Onorevoli membru, temporanjament f’din iż-żona qed isiru xogħolijiet fuq il-Paola Medical Hub, li huwa proġett tal-Ministeru tas-Saħħa kif ukoll xogħlijiet ta’ titjib fis-sistemi tas-servizzi taħt l-art minn Infrastructure Malta bħala parti mit-tħejjijiet għall-istess proġett. Minħabba li saru trinek fondi madwar żewġ sulari kien hemm bżonn li jittieħdu spazji ta’ xi parkeġġi biex ix-xogħol ikun jista’ jsir b’mod sigur mingħajr ma t-triq tingħalaq kompletament. Malli jitlestew dawn ix-xogħlijiet, l-aġenzija se terġa’ tibni l-bankini u tiksi l-wiċċ tat-triq b’diversi saffi t’asfalt biex l-ispazju fit-triq jerġa’ lura għal li kien. Infurmat ukoll li fil-viċinanzi ta’ din iż-żona jinsab parkeġġ li huwa amministrat mill- Kunsill Lokali. Il-mistoqsija għandha tiġi referruta lil Ministeru Kkonċernat.
Paola Hub – Soluzzjoni għar-residenti dwar parkeġġ
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20212, jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jkunu qed jitfasslu sabiex wara li jkun lest il-Paola Hub, il-ġirien ikollhom faċilitajiet biex jipparkjaw mingħajr spejjeż?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Studji dwar ir-rilokazzjoni tat-Tankijiet mill-Kalkara għal Marsa
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, studji li saru dwar ir-rilokazzjoni tat-tankijiet ġewwa Ricasoli fil-Kalkara għal Marsa u ma’ liema entitajiet saret il-konsultazzjoni pubblika?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif se jingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jippreżenta kopja tal-annual report tal-Awtorità tal-Ippjanar tas-sena 2020 fuq il-Mejda tal-Kamra, kif ukoll l-estimi finanzjarji tal-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li kopja tal-annual report tal-Awtorità tal-Ippjanar tas-sena 2020, kif ukoll l-estimi finanzjarji tal-Awtorità tal-Ippjanar ser jiġu preżentati fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif stabbilit mill-Att dwar l-Ippjanar tal-Izvilupp, Kap 552.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti kontra l-Awtorità tal-Ippjanar mis-sena 2013 - 2020? Kemm minn dawn il-kawżi ġew deċiżi sal-2020? Kif ukoll kemm kienu dawk il-kawżi li ġew irtirati mill-Awtorità u fuq liema bażi? X’inhi l-pożizzjoni tal-kawżi pendenti li għandha l-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni kif deċiżjonijiet meħuda mill-Environment and Planning Review Tribunal (EPRT) kontra petizzjonijiet mill-multa ta’ kuljum imposti minn avviż ta infurzar skont Reg. 5 tal Avviż Legali 276 tas-sena 2012, mhux qegħdin fuq il-website tal-Awtorità tal-Ippjanar 'available to public'?
Response (FARRUGIA, AARON)
Filwaqt li infakkar li l-Environment and Planning Review Tribunal (EPRT) huwa indipendenti mil-Awtorità tal-Ippjanar, ninsab infurmat li t-Tribunal beda proċess sabiex tkun aġġornata l-websajt tiegħu u meta din tkun lesta iktar tard din is-sena din ser tkun qed tinkorpora l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet kontra petizzjonijiet mill-multa ta’ kuljum imposti minn avviż ta infurzar skont Reg. 5 tal Avviż Legali 276 tas-sena 2012. Sadanittant tali decizjonijiet huma aċċessibli fir-reġistru tat-Tribunal u anke jekk issir talba b’permezz ta’ email.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm petizzjonijiet ġew deċiżi mill-Kunsill Eżekuttiv Penali kuljum mill-avviżi ta’ infurzar skont Reg 6 tal-Avviż Legali 276 tas-sena 2012 mis-sena 2013 sal-2020?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata seduta oħra.