Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20723 u jgħid jekk il-Ministeru tiegħu huwiex jiġu kkonsultat dwar ix-xogħlijiet neċessarji f’Wied Blandun, il-Fgura?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li l-Kunsill ma ġex ikkonsultat dwar ix-xogħlijiet neċessarji f’Wied Blandun.
B’referenza għall-Appell ta’ Żvilupp li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux prassi normali li d-deċiżjoni biex jinqata’ dan il-każ ilha sentejn u nofs peress li jidher li l-membri tal-bord mhux qed jimxu mal-obbligi tagħhom? . Jista’ jgħid x’teżiġi l-liġi tal-Awtorità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-appell dwar l-iżvilupp li d-dettalji dwaru ngħataw separatament mhuwiex irregolat mil-liġi tal-Awtorità tal-Ippjanar, jiġifieri l-Kapitlu 552 tal-Liġijiet ta’ Malta, iżda mill-Kapitlu 551, li jwaqqaf it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar. Dan huwa tribunal indipendenti u imparzjali li l-għan tiegħu hu li jirrevedi deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar u deċiżjonijiet tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, li jiġu referuti lilu. Skont l-Artikolu 35 tal-Kapitlu 551, it-Tribunal għandu “kull meta ma jkunx hemm talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-permess, jagħti d-deċi¿joni finali tiegħu fuq il-mertu tal-appell fi żmien sena mid-data tal-ewwel seduta tal-appell liema perjodu jista’ jiġi estiż għal darba waħda biss b’perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur f’każijiet eċċezzjonali...” L-Att jistipula wkoll li f’każ li deċiżjoni finali ma tiġix mogħtija fl-iskadenzi stabbiliti l-appell għandu jiġi assenjat mis-Segretarju lil panel ieħor. F’każ li l-appell jiġi riassenjat, il-liġi ma tistipulax skadenzi.
Ninsab infurmat li, fir-rigward tal-każ li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant l-ewwel seduta tal-appell instemgħet fl-1 ta’ Novembru 2018 minn Tribunal diversament kompost. It-Tribunal odjern beda jisma’ l-każ fil-5 ta’ Marzu 2020. Minħabba ċirkostanzi li jmorru lil hinn mill-kontroll tat-Tribunal, is-smigħ u l-prolozzjoni tad-deċiżjoni fuq dan l-Appell ġew interrotti fi tliet istanzi separati: l-ewwel darba bir-riżenja taċ-Chairperson, imbagħad minħabba l-pandemija, partikolarment għax l- aċċess fuq il-post li talab l-appellant ma setax isir minħabba r-restrizzjonijiet li kien hemm fis-seħħ, u fl-aħħarnett minħabba li kien skada t-terminu tal-membri tat-Tribunal. Madankollu dan l-appell issa ġie trattat mill-partijiet u preżentament qed jistenna s-sentenza. Is-seduta li jmiss hija appuntata għall-25 ta’ Mejju 2021.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20906, peress li l-mistoqsija u r-risposta oriġinali 16508 ma jagħtux rendikont ta' kif intnefqu l-fondi pubbliċi indikati fil-mistoqsija, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20906 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16508, jista’ l-Ministru jgħid, minħabba li l-flus mogħtija mill-Aġenzija Maltija għar-Residenza u Visas (MRVA) (€5,000) u mill-Identity Malta (€2,000) lill-Marigold Foundation huma fondi pubbliċi, dawn il-flus kif intnefqu mill-istess Marigold Foundation?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ma għandhiex iżjed xi nżid mat-tweġiba li ġa ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 16508.
Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — Kuntratti, direct orders, donations jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20907, peress li l-mistoqsija u r-risposta oriġinali 16509 ma jagħtux rendikont ta' kif intnefqu l-fondi pubbliċi indikati fil-mistoqsija, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20907 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16509, tista’ l-Ministru tgħid, minħabba li l-flus mogħtija mill-Water Services Corporation (€20,255) u mill-Enemed (€5,665) lill-Marigold Foundation huma fondi pubbliċi, dawn il-flus kif intnefqu mill-istess Marigold Foundation?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li m’għandix aktar x’inżid mat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 16509. .
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20908, peress li l-mistoqsija u r-risposta oriġinali 16747 ma jagħtux rendikont ta' kif intnefqu l-fondi pubbliċi indikati fil-mistoqsija, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20908 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16747, jista’ l-Ministru jgħid, minħabba li l-flus mogħtija mill-Awtorità għall-Ippjanar (€4,043) lill-Marigold Foundation huma fondi pubbliċi, dawn il-flus kif intnefqu mill-istess Marigold Foundation?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn iktar xi nżid mat-tweġibiet diġà mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 16747 u 20908.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20909, peress li l-mistoqsija u r-risposta oriġinali 16927 u 19404 ma jagħtux rendikont ta' kif intnefqu l-fondi pubbliċi indikati fil-mistoqsija, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20909 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16927 u 19404, jista’ l-Ministru jgħid, minħabba li l-flus mogħtija lill-Marigold Foundation minn entitajiet differenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru u li jammontaw għall-€19,775 huma fondi pubbliċi, dawn il-flus kif intnefqu mill-istess Marigold Foundation?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li m’għandna xejn aktar xi nżidu mat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari li weġiebna bin-numri 16927 u 19404.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu direttament mal-anzjani fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum kif ukoll fid-Djar Residenzjali tal-Anzjani? Kemm minn dawn il-ħaddiema jafu jamministraw l-Ewwel Għajnuna fejn ikun neċessarju?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ghadha qed tingabar u ghaldaqstant it-twegiba tinghata f'seduta ohra.
Environment Impact Assessment mill-Wasteserve dwar il-bini tal-inċineratur fil-Magħtab
Question
Jista’ l-Ministru jindika kemm ġie jiswa l-EIA li kien ikkummisjonat mill-Wasteserv dwar il-bini tal-inceneratur fil-Magħtab, liema rapport issa ġie null u ser ikollu jerġa' jsir mill-ġdid minħabba raġuni indikata mill-ERA dik ta’ kunflitt ta’ interess ta’ min ħadem fuq ir-rapport indikat? U fix-xenarju ta’ dan kollu, jista’ l-Ministru jindika min ser jerfa’ r-responsabilità politika u amministrattiva għal dan in-nuqqas serju?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kuntrarju għall-impressjoni li tagħti l-mistoqsija tiegħu, fir-rigward tal-Impjant Waste to Energy, il-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd. ma ntalbitx tagħmel il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (EIA) mill-ġdid, iżda minħabba li kien hemm allegazzjoni dwar possibiltà ta’ kunflitt ta’ interess, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) talbet lill-Wasteserv sabiex tqabbad koordinatur indipendenti ġdid biex dan janalizza l-istudiji preċedenti u jipprepara Coordinated Assessment. Dan ir-rapport huwa biss wieħed mis-sensiela ta’ studji u dokumenti li kienu meħtieġa b’rabta mal-proġett imsemmi u li b’kollox swew mija u għaxart elef, erbgħa mija u ħamsin ewro (EUR 110,450), VAT eskluża. L-ispiża relatata mal-ħatra ta’ koordinatur ġdid u t-tħejjija ta’ Coordinated Assessment kienet ta’ għaxart elef ewro (EUR 10,000), VAT eskluża.
Environment Impact Assessment dwar l-inċineratur fil-Magħtab
Question
Jista’ l-Ministru jindika kemm ġej jiswa l-EIA il-ġdid li l-Wasteserv qed tikkummisjona bħalissa dwar il-bini tal-inċineratur fil-Magħtab u fl-istess waqt jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relatati mal-proċess sabiex il-Wasteserv għażlet jew se tagħżel il-kumpanija/persuna sabiex tipprepara/jipprepara r-rapport ġdid indikat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 21154 u ninfurmah li l-proċess sabiex jinħatar koordinatur independenti ġdid sar ai termini tar-Regolament 100(2) tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03)
Il-Magħtab — bini tal-Inċineratur - effetti fuq il-baħar tal-madwar
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kollha li saru u li huma relalti mal-effett fuq il-baħar tal-madwar li ser iħalli l-bini tal-inċineratur fiż-żona tal-Magħtab?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fir-rigward tal-Impjant Waste to Energy fiż-żona tal-Magħtab, l-istudji li saru huma voluminużi u qegħdin disponibbli għall-pubbliku anke fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (https://era.org.mt/era-project/pa03012-20/). Kopja tas-sommarju eekuttiv ta’ dawn l-istudji qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Irrid infakkar li sabiex jiġu evitati danni ambjentali bit-twettiq ta’ dan il-proġett, il-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd. qed tadotta l-aqwa teknoloġija disponibbli u l-ħruġ tal-ilma sħun fil-baħar hu maħsub li jsir minn outfall iddisinjat apposta li jtul madwar kilometru.
Il-Magħtab — Applikazzjoni u permessi għal bini tal-inċineratur
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-applikazzjoni/permessi approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jinbena l-inċineratur fiż-żona tal-Magħtab?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nirreferri lill-Onor. Interpellant għall-applikazzjoni PA/3012/20 li ġiet ippubblikata fit-13 ta’ Mejju 2021. Kull pjanta u dokument huwa aċċessibbli għall-pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid mill-flejjes li rċeviet l-Awtorità tal-Ippjanar, grazzi għall-Inclusion Fund hekk kif muri mir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 20881, kemm għaddiet flus l-istess awtorità lill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità mill-2014 sa meta tkun qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma skont il-pagamenti, u bid-data ta’ meta dawn ġew magħmula?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar gabret €183,086 għall-Inclusion Fund. 10% tal-ammonti miġbura nżammu mill-Awtorità biex ikopru spejjeż amministrattivi tal-fond tal-istess Awtorità. Dawn jammontaw ghal €18,308.60. Minn dawn il-flus, l-Awtorità għaddiet €99,243 lill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità. Id-dati ta’ meta ġew magħmula l-pagamenti huma kif rappurtati fit-tabellali qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Pagament ieħor ta’ €18,423.00 bhalissa qed jiġi pproċessat u l-bilanċ ta €47,111.40 ikun jista’ jiġi trasferit meta tiġi ppreżentata l-commencement notice rispettiva tal-iżvilupp li fuqu nġabret il-kontribuzzjoni.
Tal-Pietà – parkeġġ fi Triq Zammit Clapp u Vjal l-Indipendenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm, jew jekk preżentament hemmx, applikazzjonijiet għand l-Awtorità tal-Artijiet sabiex il-parkeġġ indikat fil-mistoqsija parlamentari 20882, jgħaddix taħt il-ġestjoni ta’ xi entità? Jekk iva, liema hi l-entità jew entitajiet li qed jagħmlu din it-talba, għal liema skop u taħt liema titolu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m`hemm ebda applikazzjoni għand l-Awtorità tal-Artijiet biex il-parkeġġ indikat fil-mistoqsija parlamentari 20882 jgħaddi taħt il-ġestjoni ta` xi entita.
Applikazzjonijiet għal Housing Soċjali – lista ta’ stennija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-lista ta’ stennija ta’ applikazzjonijiet għal housing soċjali fl-aħħar ta’ kull sena bejn l-2012 u l-2020? Jista’ jgħid ukoll, b’mod separat, kemm minn dawn l-applikazzjonijiet huma minn individwi li diġà qegħdin fi proprjetà tal-Awtorità tad-Djar?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Korp tal-Pulizija — rapport dwar abbuż fuq anzjani
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il rapport dwar abbuż u x'tip ta' abbuż fuq anzjani rċieva l-korp tal-pulizija mill-2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda, mogħtija separatament għal kull sena?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li fis-sistema kompjuterizzata tal-pulizija, l-kategoriji disponibbli huma bba¿ati fuq it-tip ta’ reat imwettaq u ma hemmx kategorija speċifika għall-reat dwar abbużi fuq anzjani.
Infurmat ukoll li mis-sistema, in-numru ta’ persuni ta’ 65 sena jew aktar irreġistrati bħala vittmi tar-reati kriminali kollha li seħħew fil perjodu msemmi kien hemm total ta’ 1756. L-ammont ta’ rapporti kienu fl-2015 - 276, 2016 - 307, 2017 - 245, 2018 - 286, 2019 -261, 2020-281, 2021-100.
Dawn ir rapporti jirrigwardjaw, feriti fuq persuni, vjolenza domestika, serq b’ armi, mugging, snatch and grab u stupru.
L-informazzjoni t’hawn fuq infurmat li ma tirriflettix in-numru ta’ reati individwali, minħabba li rapport wieħed jista’ jinkludi aktar minn persuna waħda u għalkemm persuna anzjana tkun imniżżla bħala vittma f’rapport, tista’ ma’ tkunx il-persuna prinċipali fil-mira tal-aggressur.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — mandat ta' inibizzjoni kontra xi trade union
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-entitajiet fi ħdanu, u meta, li talbu l-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra xi trade union wara l-2017?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat, li l-ebda entità taħt l-portafoll tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ma talbet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inbizzjoni kontra xi trade union fil-perjodu msemmi.
Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-entitajiet fi ħdanu, u meta, li talbu l-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra xi trade union wara l-2017?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda entità fi ħdan il-Ministeru tiegħi ma talbet l-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra xi trade union wara l-2017.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — mandat ta' inibizzjoni kontra xi trade union
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-entitajiet fi ħdanu, u meta, li talbu l-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra xi trade union wara l-2017?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li mill-2017 ’l hawn, f’dak li jirrigwardja entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, kien hemm żewġ (2) okkażjonijiet fejn il-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd. talbet il-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra Trade Union. Dawn kienu f’Jannar 2018 u Settembru 2020.