Jista’ l-Ministru jara li jsiru s-sinjali tat-traffiku u manutenzjoni meħtieġa fiż-żewġ daħliet u ħrug taż-żona tax-Xemxija preċiżament fit-triq Telgħet ix-Xemxija? (Dawn jinsabu biswit l-istabbiliment Porto del Sol u faċċata tal-Knisja tax-Xemxija, viċin id-daħla ta’ dik li qabel kienet il-Mistra Village (ritratti annessi))
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet diġà kienu fil-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta tant li nbdew fil-jiem li għaddew u se jinkludu manutenzjoni fejn meħtieġ fit-triq arterjali.
Persuni li jiltaqgħu ma’ xi diffikultajiet b’xi xogħlijiet ta’ Infrastructure Malta, jew li jixtiequ jwasslu xi suġġerimenti lill-istess entità, jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jibgħatu messaġġ permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.
Jista’ l-Ministru jara li Transport Malta tagħmel mera fit-tarf ta’ Triq Simar kantuniera ma’ Triq ir-Ridott u dan sabiex jiġu evitati inċidenti tat-traffiku? (ritratt anness)
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta ser tkun qed tara l-bżonn għal din il-mera u tieħu azzjoni skond il-bżonn.
Jista’ l-Ministru jara li jsiru tiswijiet meħtieġa u bini mill-ġdid fuq numru ta’ bankini minn Infrastruttura Malta li jinsabu fit-toroq: Triq Oqbra Puniċi, Triq Radded ir-Roti, Triq ir-Ridott, Triq il-Fuħħar u Triq is-Simar kollha fix-Xemxija, limiti ta’ San Pawl il-Baħar, Triq Telgħat ix-Xemxija, Triq il-Maqdes Megalitiku u Triq il-Preistorja?(uħud mir-ritratti annessi)
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li fil-każ ta’ Telgħet ix-Xemxija, filwaqt li parti minnha diġà nbniet mill-ġdid, il-parti l-oħra diġà sarilha xogħol ta’ manutenzjoni u tiswijiet minħabba li qabel ma tkun tista’ tinbena wkoll mill-ġdid f’din il-parti tat-triq iridu jitlestew xogħlijiet ta’ servizzi taħt l-art li jridu jsiru minn entitajiet terzi. Madankollu, minħabba li kien hemm parti minnha li ddeterjorat billi ġarrbet ħsarat estensivi kkaġunati mill-pedamenti dgħajfa tagħha peress li din hija mibnija fuq it-tafal, Infrastructure Malta diġà għamlet xogħlijiet t’emerġenza biex għamel tiswijiet temporanji biex neħħiet perikli li kien hemm f’din it-triq. Xogħlijiet oħrajn inkluż manutenzjoni ta’ bankini f’din it-triq huma ppjanti li jsiru mill-aġenzija fil-jiem li ġejjin. Infrastructure Malta hija kommessa li wara li jitlestew ix-xogħlijiet ta’ titjib fis-sistemi tal-ilma u tad-drenaġġ taħt l-art li hemm ippjanati li jsiru mill-entitajiet konċernati, din il-parti tat-triq tibniha wkoll mill-ġdid bħalma qed tagħmel fil-każ ta’ diversi toroq oħrajn.
Għal dak li jirrigwarda t-toroq l-oħrajn indikati fil-mistoqsija parlamentari, mistoqsijiet dwar tiswijiet fihom għandhom isiru lill-ministeru konċernat miż-żamma ta’ toroq lokali.
Ċentru tal-Università ta’ Għawdex – xogħlijiet ta’ Estensjoni
Question
Tista' l-Ministru tgħid fiex jikkonsistu x-xogħlijiet ta' estensjoni taċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex u meta ser jitlestew dawn ix-xogħlijiet?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bl-estensjoni tal-Kampus t’Għawdex ser ikun hemm laboratorju tal-kompjuters, sala tal-lekċers, kmamar għas-seminars/konferenzi bi spazju għall-interpretazzjoni simultanja u board room, imħażen kif ukoll zona msaqqfa għall-karozza tal-kampus.
Bl-ammont ta’ xogħol involut, qegħdin nippjanaw li dan ix-xogħol jitlesta sal-2023.
Tista' l-Ministru tgħid x'korsijiet jingħataw miċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex, kemm kien hemm studenti bejn l-2015 u l-2020 f'dawn il-korsijiet u xi pjanijiet hemm għal korsijiet oħra fl-istess ċentru?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Rigward is-snin akkademiċi 2018/19, 2019/20 u 2020/21, nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 17681 u 20060. Fir-rigward tal-korsijiet li kienu ngħataw bejn sitta u erba' snin ilu, din l-informazzjoni tkun tista' titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra appena tinġabar.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20529, jista’ l-Ministru jikkonferma li din ir-risposta tfisser li l-Gvern ma jafx meta ser titlesta d-Dar tal-Anzjani li hemm ippjanata fl-ex Dar ta' San Ġużepp f'Għajnsielem? Jista' jagħti risposta għat-tieni parti ta' dik id-domanda u jgħid kemm hi mikrija din id-dar u meta ser tiskadi l-kirja?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 20529.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm sar tilqim kontra l-COVID-19, xahar b'xahar u x'tip ta' vaċċin intuża kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex sal-aħħar ta' April 2021?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-aħħar t’April ta’ din is-sena ngħataw 98,330 dożi tal-vaċċin Vaxzevria, 19,517 mill-Moderna u 218,001 mill-Comirnaty.
Jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm telefonati fuq is-Servizz tal-179 is-sena l-oħra?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, t-tagħrif mitlub minnhu jinsab fir-Rapport Statistiku Annwali tal-Aġenzija Appoġġ li jinsab ippubblikat fuq is-sit elettroniku tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS).
Dan ir-rapport jista’ jiġi aċċessat mis-sit elettroniku, li madanakollu, kopja tal-paġni fejn tissemma l-informazzjoni mitluba, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra (paġni 69 u 73).
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 38002 tal-11-il leġislatura, tista’ l-Ministru tindika kemm tiġi l-ispiża fil-preżent għal kull klijent li jattendi fiċ-Ċentri tal-Persuni b’Diżabilità kif ukoll għal kull resident li jgħix f’xi Dar Residenzjali mmexxija mill-Aġenzija Sapport?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża għal kull persuna b’diżabilità li tattendi ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tal-Aġenzija Sapport hi medja ta’ €85 kuljum. L-ispiża għal kull persuna b’diżabilità li tgħix fir-residenzi ta’ Aġenzija Sapport hi medja ta’ €280 kuljum.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21017, jista’ l-Ministru jgħid hekk hux possibbli li dan il-bieb li jinsab fi Spinola Bay, ma’ ġenb u taħt ir-restoranti kollha, jinżamm kif inhu xieraq, u jkun b’kuluri sbieħ li jpaxxu l-għajn u mhux telqa tul San Ġiljan?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jipprovdi Site Plan tal-propjeta li qed issir il-mistoqsija dwarha.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20954, peress li fil-blokka msemmija ħadd għadu ma mar jinvestiga, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din il-problema tissolva?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess biex tigi solvuta l-problema ta’ skular ta’ ilma fil-lift pit tal-blokka msemmija jirrikjedi xogħlijiet biex jissaħħaħ l-ilqugħ kontra penetrazzjoni ta’ ilma kif ukoll investigazzjoni fis-sistemi tad-drenaġġ fil-madwar sabiex jiġu identifikati l-ħsarat. Dawn il-proċessi diġa nbdew mill-Awtorità tad-Djar u diġa qed naraw li jsiru l-interventi meħtieġa.
B’referenza għall-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li hemm residenti li għandhom problema ta’ mobilità u peress li hemm spazju għal lift, jista’ l-Ministru jgħid għala s’issa għadu ma sarx lift fil-blokka? Jista’ jieħu rimedju u dan il-lift isir?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċedura li tittieħed mill-Awtorità tad-Djar rigward l-għażla jekk joqgħodx il-lift, tiddependi fuq il-wisgħa tat-taraġ li ma jkunx iktar dejjaq mil-limitu stabbilit u li kien ġie maqbul mas-CRPD (Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’ Diżabilita’) u mas-CPD (Civil Protection Department). L-Awtorità tagħmel dak kollu possibli biex taċċerta li t-taraġ ma jkunx dejjaq b’tali mod li joħloq problemi ikbar f’każijiet ta’ emerġenza.
L-imsemmi każ jaqa’ taħt il-limitu stabbillit u għalhekk il-
lift
ma jistax jiġi akkomodat. Dan ma jistax jiġi direttament imqabbel ma’ blokki oħra fiż-żona li għandhom qisien tal-wisgħa tal-komun varji.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21093 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u l-mistoqsija parlamentari 20979 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Fid-dawl li diversi kollezzjonisti ta’ tajr ibbalzmat għandhom dan it-tajr ibbalzmat, u wara li snin ilu saru talbiet għand diversi entitajiet li skont iż-żmien kienu responsabbli mit-tagging ta’ dan it-tajr ibbalzmat u wara kull amestija li saret, saru l-verifikazzjonijiet, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew isiru l-verifikazzjonijiet meħtieġa, sabiex ikunu jistgħu jiġu rregolati t-trasferimenti li ġew mitluba?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li biex tkun tista' tipproċessa t-talbiet pendenti għal trasferimenti li jeħtieġu l-identifikazzjoni tassonomika u t-tagging ta' kull kampjun, it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) introduċiet sistema elettronika intitolata Stuffed Birds Registration System (SBRS) li permezz tagħha r-rekords marbuta mar-reġistrazzjoni u l-moviment ta' għasafar ibbalzmati (dawk reġistrati sal-aħħar ta’ Mejju 2003) jiġu diġitalizzati. B'hekk id-WBRU tkun tista' timplimenta l-obbligi legali rigward il-moviment tal-għasafar b'mod elettroniku u b’mod aktar effiċjenti.
F’Marzu tal-2021, it-Taqsima lestiet mill-proċess ta’ inputting tal-kampjuni kollha irreġistrati fis-sistema SBRS, total ta’ 515,719 kampjun. Jonqos l-inputtjar tal-informazzjoni tal-każijiet kollha tal-Qorti. Bħalissa id-WBRU qed tistenna li l-informazzjoni tiġi mgħoddija lilha biex ikun jista' jkompli l-proċess ta' inputtjar tad-data. Malli jitlesta l-inputtjar, jibda’ x-xogħol ta’ proċessar tat-talbiet għal trasferimenti u rimi ta’ tajr irreġistrat. L-eżerċizzju kollu jitlob diliġenza biex jiġi żgurat li l-verifiki meħtieġa jsiru sewwa.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21093 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u l-mistoqsija parlamentari 20979 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Fid-dawl li diversi kollezzjonisti ta’ tajr ibbalzmat għandhom dan it-tajr ibbalzmat, u wara li snin ilu saru talbiet għand diversi entitajiet li skont iż-żmien kienu responsabbli mit-tagging ta’ dan it-tajr ibbalzmat u wara kull amestija li saret, saru l-verifikazzjonijiet, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew isiru l-verifikazzjonijiet meħtieġa, sabiex ikunu jistgħu jiġu rregolati t-trasferimenti li ġew mitluba?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Infrastructure Malta – xogħlijiet f’Ħaż-Żabbar, Birgu, Bormla, Kalkara, Isla u Xgħajra
Question
Jista’ l-Ministru jindika lista ta’ xogħlijiet li qegħdin isiru, jew li hemm ippjanati li jsiru, minn Infrastructure Malta, fil-lokalitajiet ta’ Żabbar, Birgu, Bormla, Kalkara, Isla u Xgħajra?
Response (BORG, IAN)
Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.
Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq oħra.
Fil-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq Francis X. Attard, Triq Ħadd- in-Nies, Triq in-Naħla, Sqaq San Franġisk, Trejqet San Franġisk, Triq bla isem fi Triq San Ġużepp, Triq is-Serer, Triq in-Newl, Triq ir-Rand, Triq il-Fikus, Triq il-Ġiżimina u Triq Salvu Darmanin. Bħalissa qegħdin isiru Triq ix-Xgħajra, Triq il-Madaffa, Triq il-Baħrija, Triq Żabrella, Triq id-Dliela, Triq Bieb is-Sultan, Triq ġdida fi Triq is-Saħħara, Triq Alessio Erardi, Triq il-Luq, Triq il-Figel u Triq il-Qaqoċċ, waqt li fix-xhur li ġejjin se jinbdew xogħlijiet fi Triq Ta’ Lanza, Triq il-Werżieq, Triq iz-Zarzarell, Triq in-Nissieġ, Triq Renato Agius Muscat u Triq il-Bajada.
Fil-lokalità tal-Birgu Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq iċ-Ċentinarju tal-Parroċċa, Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur u Triq San Dwardu. Bħalissa qegħdin isiru Triq La Vallette, Pjazzetta San Filippu u Triq Patri Indri Vella, waqt li fix-xhur li ġejjin se jinbdew xogħlijiet fi Triq il-Miratur, Triq San Filippu u Misraħ ir-Rebħa.
Fil-lokalità ta’ Bormla Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq Alessandra, Triq il-Pellegrinaġġ, Triq l-Iljun u Triq San Ġorġ. Bħalissa qed issir Triq Santa Margerita u fix-xhur li ġejjin se jinbdew xogħlijiet fi Triq San Franġisk.
Fil-lokalità tal-Kalkara Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq il-Kapuċċini, Triq Rinella, Trejqet Francesco Chircop u Triq il-Ġir. Bħalissa qegħdin isiru Triq is-Sienja u Triq il-Progress, waqt li fix-xhur li ġejjin se jinbdew xogħlijiet fi Triq ġdida fi Triq il-Kapuċċini.
Fil-lokalità tal-Isla Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq il-Kunċizzjoni u Triq iż-Żewġ Mini, waqt li fix-xhur li ġejjin se jinbdew xogħlijiet fi Triq Portu Salvu u Triq San Ġiljan.
Fil-lokalità tax-Xgħajra Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Sqaq l-Arkati, Triq Ħaż-Żabbar, Triq il-Fortizza tal-Grazzja, Triq l-Iskola u Triq l-Ispnott, waqt li fix-xhur li ġejjin se inbdew xogħlijiet fi Triq it-Tumbrell u Triq il-Mulett.
Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq se jissokta fis-snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Park ta’ San Klement –Vjal Kottoner – pedestrian crossing
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li ssir xi pedestrian crossing fi Vjal Kottoner biex dawk li jmorru l-Park ta’ San Klement ikollhom aċċess iżjed sigur?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat li din il-pedestrian crossing kienet ġiet approvata minn naħa ta’ Transport Malta u fiż-żmien li ġej ser ikunu qedgħin jibdew ix-xogħolijiet fuqha.
Tista’ l-Ministru tgħid hemmx xi pjanijiet biex jiġi rinovat il-ġnien li jinsab f’Santa Liena Bormla?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejin diskussjonijiet bejn il-Parks Malta u l-Kunsill Lokali ta’ Bormla biex jitfassal pjan għar-riġenerazzjoni u kif ukoll manutenzjoni tal-ġnien indikat.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21100, tista’ l-Ministru tgħid:
1. f’liema postijiet rurali twaħħlu arbli tad-dawl (lighting poles) ġodda, fejn qabel ma kenux installati? u
2. l-2790 arblu li twaħħlu, kemm koprew kilometri?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lil Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21120, jista’ l-Ministru jikkonferma li hu fil-fatt ma jafx kif intefqu dawn il-fondi pubbliċi li jammontaw għal total ta’ €222,000?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellanta li l-mistoqsijiet li għamlet dwar is-suġġett kienu diġà sodisfaċentement imwieġba.