Legislature:
Category:
Reset
Active:

Santa Luċija – Triq Dawret it-Torri — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tkun lesta u finalizzata Triq Dawret it-Torri Santa Luċija Malta? Jistax ukoll jindika li l-istess triq, ser tiġi lura bil-faċilità preċedenti tagħha, ta' żewġ kareġġjati u faċilitajiet għar-roti? Jistax ukoll jgħid, jekk kemm-il darba l-Kunsill Lokali huwiex jiġi konsultat f'dan?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 21371 tal-istess Seduta.

Santa Luċija – Triq Dawret it-Torri — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, jekk dejjem qed jiġi infurmat, meta ser tkun lesta u finalizzata Triq Dawret it-Torri Santa Luċija Malta? Jistax ukoll jindika li l-istess triq ser tiġi lura bil-faċilità preċedenti tagħha ta' żewġ kareġġjati u faċilitajiet għar-roti? Jistax ukoll jgħid jekk kemm-il darba l-Kunsill Lokali huwiex jiġi konsultat f'dan?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija li l-Kunsill qabel illi jagħmel proġett pilota ta' xahar b'Dawret it-Torri bħala one way. Wara dan ix-xahar ta' prova ser issir laqgħa pubblika fejn il-Kunsill ser jieħu l-opinjoni tar-residenti, sabiex tittieħed deċizjoni għaqlija jekk l-istess triq għandhiex issir one way bil-karreġġjata tar-roti, jew tiġix lura bil-faċilità preċedenti tagħha ta' żewġ kareġġjati.

Santa Luċija – residenti kumpensati għall-inkonvenjent u diffikultajiet tal-bini ta’ Triq il-Barrani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba r-residenti ta’ Santa Luċija Malta humiex se jiġu b’xi mod kumpensati għall-inkonvenjent u diffikultajiet varji li kellhom jgħaddu minnu, tul il-kostruzzjoni ta’ Triq tal-Barrani?

Response (BORG, IAN)

F’Jannar li għadda, Infrastructure Malta lestiet il-proġett taż-żewġ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, investiment ieħor ta’ €20 miljun biex ittejjeb is-sigurezza, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tar-rotta ewlenija lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta. Il-mini ġodda b’erba’ korsiji li jgħaqqdu Triq Tal-Barrani ma’ Vjal Santa Luċija (it-Telgħa tal-Addolorata) qegħdin inaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar b’aktar minn 30%. Qed itaffu wkoll it-tniġġis mid-dħaħen u l-istorbju tal-konġestjoni li kienet toħloq ir-roundabout li kien hemm qabel, li fiha kienu jiltaqgħu u jaqsmu kontra xulxin diversi rotot traffikużi, fosthom tliet toroq arterjali u tliet toroq oħrajn li jagħtu għal Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Bil-junction ġdida fuq żewġ livelli, ħafna mill-vetturi li kienu jgħaddu minn dan is-salib it-toroq issa jgħaddu dritt minn ġol-mini. B’hekk saret ukoll eħfef biex tivvjaġġa b’mod aktar sigur u b’metodi differenti bejn it-tliet lokalitajiet tal-madwar. Il-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija kien jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tal-mogħdija għall-ġiri (jogging track) li hemm fil-viċinanzi, kif ukoll punti għall-qsim pedonali bid-dwal tat-traffiku bejn Raħal Ġdid u Santa Luċija, waqfiet aktar siguri għall-karozzi tal-linja u passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti li jgħaqqad Santa Luċija mal-Marsa. Infrastructure Malta bniet ukoll mill-ġdid il-mina għall-mixi u r-roti (subway) ta’ Triq tal-Barrani b’disinn aħjar, b’rampi għaċ-ċiklisti, passaġġi aċċessibbli għal kulħadd u cameras ta’ sorveljanza li jħarsu s-sigurtà ta’ dawk li jgħaddu minnha biex jivvjaġġaw bejn Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Waqt ix-xogħlijiet, Infrastructure Malta ħadet diversi miżuri sabiex jonqsu kemm jista’ jkun id-diffikultajiet inevitabbli li proġetti bħal dawn jikkawżaw fuq dawk li jgħixu jew jivvjaġġaw fl-inħawi. Fil-fatt, is-sit tal-proġett ingħalaq b’barrikati għoljin ħalli l-passaġġi u t-toroq maġenbhom ikunu protetti mix-xogħlijiet. Fl-istess waqt, waqt ix-xogħlijiet tal-proġett Infrastructure Malta installat sistemi ġodda tad-distribuzzjoni tal-elettriku, ilma u drenaġġ fl-inħawi ħalli jwasslu servizzi aħjar fid-djar tal-inħawi. Meta kien meħtieġ tqattigħ ta’ trinek viċin id-djar, jew jintuża makkinarju ieħor kbir, intużaw metodi li jagħmlu inqas storbju u vibrazzjonijiet. Fl-istess waqt, Infrastructure Malta kienet qed tieħu kejl tal-vibrazzjonijiet u l-kwalità tal-arja fl-inħawi sabiex tiżgura li waqt ix-xogħlijiet, dawn il-fatturi jiġu affettwati mill-inqas possibbli. Grazzi għal dan il-proġett, ir-residenti ta’ Santa Luċija llum qed igawdu minn kumpens imprezzabbli – kwalità ta’ ħajja aħjar b’arja aktar nadifa, tnaqqis drastiku fit-tniġġis tal-arja mill-karozzi, inqas storbju tat-traffiku u aċċess aħjar u aktar sigur mid-djar tagħhom għal lokalitajiet tal-inħawi bil-mixi, bil-karozza, bit-trasport pubbliku u b’mezzi oħra tal-ivvjaġġar. Fl-istess żona, Infrastructure Malta ħawlet mijjiet ta’ siġar u arbuxelli, u waħħlet installazzjoni artistika ġdida, sabiex tkompli ttejjeb l-ambjent taż-żona. Fl-aħħarnett, Infrastructure Malta, b’konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija, qed twettaq proġett ta’ madwar €2.5 miljun biex tibni mill-ġdid aktar minn żewġ kilometri ta’ toroq residenzjali f’Santa Luċija u ttejjeb il-belvedere li jħares fuq il-Wied ta’ Garnaw, b’mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti. Ix-xogħlijiet prinċipali li għaddejjin bħalissa jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ tliet toroq residenzjali twal li jmissu ma’ xulxin - Dawret it-Torri, Triq il-Prinjoli u Triq Katerina Vitale - mal-ġenb tal-Wied Ta’ Garnaw. Fl-istess waqt, Infrastructure Malta se terġa’ tibni wkoll diversi toroq oħra fl-istess lokalità, fosthom Triq Klematis, Triq Dun M. Mifsud, Triq il-Ġjaċinti, Triq Stella Maris, Triq it-Tulipan u Triq iċ-Ċikwejra.

Santa Luċija – residenti kumpensati għall-inkonvenjent u diffikultajiet tal-bini ta’ Triq il-Barrani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba r-residenti ta’ Santa Luċija Malta humiex se jiġu b’xi mod kumpensati għall-inkonvenjent u diffikultajiet varji li kellhom jgħaddu minnu tul il-kostruzzjoni ta’ Triq tal-Barrani?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-residenti ta’ Santa Luċija, bħal dawk f’lokalitajiet oħrajn fil-viċinanzi, gawdew minn jogging track imkabbra għall-ġiri u l-mixi, toroq aħjar, promenade u tisbieħ ġenerali. Bla dubju, l-akbar kumpens għar-residenti jibqa’ t-tnaqqis drastiku fit-tniġġis ikkawżat mit-traffiku li jgħaddi mill-inħawi.

Protezzjoni Ċivili – żvilupp ta’ sit f’Santa Venera

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk is-Sezzjoni tal-Protezzjoni Ċivili għadhiex bil-ħsieb li tiżviluppa s-sit f'Santa Venera fid-dawl tal-aħbar ta' ftit tal-jiem ilu li ser tkun qiegħda tiżviluppa Ċentru fil-Furjana?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għadu għaddej bil-ħidma biex ikun żvillupat s-sit f' Santa Venera. Infurmat ukoll li s-sit li se jkun żviluppat fil-Furjana għandu xejriet u obbligi differenti mill-istazzjon ta’ Santa Venera.

Skema micro invest – tiġdid għall-ispejjeż min-negozji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-iskema micro invest tiġi mġedda għall-ispejjeż li se jsiru min-negozji fis-sena 2021?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema kurrenti tal-Micro Invest hija miftuħa sas-sena 2023. Għaldaqstant l-ispejjeż li ser isiru minn negozji fis-sena 2021 ser jiġu milqugħha matul is-sena 2022.
Leg 13 PQ #21395 Sitting 467 2021-05-31 Oral · Final From: OLIVER SCICLUNA To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Kalkara – San Ġużepp – xogħol fit-taraġ

Question

Tista’ l-Ministru tagħti aktar dettalji dwar ix-xogħol li għal dawn l-aħħar tliet snin kien qed isir fit-Taraġ San Ġużepp, il-Kalkara? Jista’ jingħataw dettalji meta x-xogħol ser jitlesta?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li x-xogħol għandu jkun lest sal-aħħar ta' Lulju 2021.

Djar tal-Anzjani — persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jgħixu fid-Djar tal-Anzjani, kemm tal-Gvern u kif ukoll tal-Privat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 3,913-il resident fid-djar tal-anzjani li jinkludu kemm id-djar tal-Gvern kif ukoll id-djar privati.

Djar tal-Aġenzija Sapport — Persuni b’diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm jgħixu persuni b’diżabilità fi Djar tal-Aġenzija Sapport u dawk mmexxija mill-għaqdiet?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-data tat-tweġiba hemm 74 persuna b’diżabilità li tgħix fir-residenzi mmexxija minn Aġenzija Sapport. Sal-istess data, hemm ukoll 111 persuna b’diżabilità li tgħix f’residenzi mmexxija minn numru ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi bħala parti mill-ftehim li l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja permezz ta’ Aġenzija Sapport għandu mal-istess entitajiet.

Persuni li jgħixu f’shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jgħixu f’shelters għall-persuni li ma għandhomx fejn jgħixu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ persuni li jgħixu fid-diversi shelters għal persuni li huma homeless bħalissa huwa ta’ 102 li minnhom 77 huma irġiel u 25 huma nisa. Dawn ix-shelters huma ffinanzjati prattikament 100% mill-Gvern permezz tal-Line Vote għall-Public Social Partnerships li din is-sena jlaħħaq € 10,050,000 (għaxar miljun u ħamsin elf Ewro) apparti apparti € 835,000 (tmien mija u ħamsa u teltin elf Ewro) għall- Fondazzjoni Dar il-Hena li taħdem esklussivament bħala emergency shelter għall- homeless .

Persuni li jgħixu ġo faċilitajiet għall-attenzjoni minħabba vizzju tad-droga u alkoħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandna persuni jgħixu ġo faċilitajiet li qed jingħataw attenzjoni minħabba vizzju tad-droga jew alkoħol?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, bħalissa hemm total ta’ 75 persuna li qed isegwu programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga u alkoħol f’waħda mit-3 faċilitajiet li jservu għal dan il-għan, f’pajjiżna.

Arbli tad-dawl – postijiet rurali

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 21300 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21100, tista’ l-Ministru tgħid: 1. f’liema postijiet rurali twaħħlu arbli tad-dawl (lighting poles) ġodda, fejn qabel ma kenux installati? u 2. l-2790 arblu li twaħħlu, kemm koprew kilometri?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Electrogas u Shanghai Electic – persentaġġ tal-kapaċità massima

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 21338 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21097 dwar il-persentaġġ tal-użu tal-kapaċità massima tal-interconnector, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istess informazzjoni għall-impjant tal-Electrogas, minn mindu bdiet topera, u x-Shanghai Electric minn mindu nbiegħet, għal kull ġurnata, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Tas-Sliema — Triq Amery - periklu

Question

Jista’ l-Ministru jara s-sit ta’ fejn qed isir il-bini biswit il-flats li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament li jinsabu fi Triq Amery f’Tas-Sliema peress li r-residenti qed jirraportaw li hemm periklu kbir fi djarhom? Jista’ jassigura li m’hemmx problemi fis-sit u li kollox miexi kif suppost anke jekk illum ingħataw xi tibdil fil-pjanti? Jista’ jassigura lil kulħadd li m’hemmx perikli? Min se jieħu responsabilità?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Bajja tar-Rinella – infurzar tal-liġi u spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinsisti mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu biex jagħtu aktar attenzjoni u jagħmlu spezzjonijiet frekwenti fl-inħawi tal-Bajja ta’ Rinella u d-dintorni tagħha fil-Kalkara billi qed isiru diversi abbużi speċjalment tard mal-ġurnata wara nżul ix-xemx u li l-istess abbużi qed inkunu ta’ inkonvenjent għar-residenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi dwar it-talba tal-Onor. Interpellant il-Pulizija tad-distrett, tal-Community Policing u dawk tal-RIU, diġa jagħmlu diversi spezzjonijiet fl-inħawi tal-Bajja ta’ Rinella u d-dintorni tagħha fil-Kalkara, f’ħinijiet varji matul il-ġurnata, u bħal dejjem jiżdiedu fix-xhur tas-sajf. Infurmat ukoll li l-ispezzjonijiet ser jiżdiedu sabiex jiġi assigurat illi kull abbuż jiġi ddentifikat u jitneħħa kull inkonvenjent għar-residenti.

Għajnsielem – Learning Hub

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn wasal il-proġett imħabbar fl-2017 mill-Gvern fejn il-Learning Hub ġewwa Għajnsielem Għawdex kellu jiġi estiż biex ikun hemm aktar spazju għas-servizzi offruti minn dak il-post? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu l-Gvern kera l-binja tal-Learning Hub?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet deċiżjoni biex ix-xogħolijiet jitwettqu fi 3 fażijiet bejn din is-sena u s-sena 2024. Matul din is-sena kurrenti, is-sala prinċipali għandha tkun finaliżżata u kif ukoll jitranġa l-Uffiċċju ta’ Aġenzija Sapport. Bejn is-snin 2022 u 2024, se jiġu implimentati it-tieni u t-tielet fażi fejn se jiġu aġġornati biex jakkomodaw servizzi għall-persuni b’diżabilità u ż-żona ta barra tkun armata bħala ġinnasju estern, ġnien sensorjali u żona tal-ġardinaġġ.

Formularju tal-Mediċini — Xeralto

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17880, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk ix-Xeralto ġietx approvata mill-kumitat tekniku tal-GFLAC?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed isiru l-preparamenti neċessarji sabiex jiddaħħlu aktar Novel Anticoagulant Drugs fil-formularju tal-gvern.

Ċimiterju tal-Addolorata – xogħol ta’ tkabbir

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ tkabbir taċ-Ċimiterju tal-Addolorata?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi permess tal-imsemmi proġett fejn ser ikun hemm disponibbli 2,880 oqbra ġodda, l-kostruzzjoni ta’ 1,106 minn dawn l-oqbra huwa lest u għaddej il-proċess biex jiġi iffinalizzat il-kuntratt tagħhom, fejn ta’ uħud diġa sar. Dan il-proġett, apparti l-bini ta’ oqbra ġodda jinvolvi ukoll xogħlijiet ta 'restawr fuq bini, monumenti u strutturi tal-gvern inklużi ħitan tal-konfini u ħitan ta' rfigħ, kemm daħliet, turġien u passaġġi huma lesti. Ix-xogħlijiet ta’ dan il-proġett li huma lesti huma l-Chaplains Building, Exedra, Depost, Gatt Chapel, l-monument tas-Sette Giugno, l-Mortuary, l-oqbra komuni kif ukoll l-ex Komun tat- Trabi. Ix-xogħlijiet li qed isiru bħalissa huma l-Ħajt tal-konfini, kamra għal-ħaddiema, Via Crucis, Cross & Decorative Curbs, Ossarji, il-Binja tal-amministrazzjoni, il-kripta kif ukoll il-kappella (li mistennija tkun lesta fl-2023). Qed isir xogħol ukoll f’toroq interni fejn se jkun inkluż it-trasmissjoni ta’ servizzi CCTV, Data, Provvista ta’ Ilma u Enerġija eċċ fil-parti tat-tramuntana taċ-ċimiterju flimkien mar-rinnovazzjoni tal-pjazza quddiem id-daħla prinċipali. Dawn għandhom jitlestew fi żmien 4 ġimgħat.