Il-Mellieħa — Proġett tal-Pjazza - Parkeġġi għal Karozzi, muturi, u Parkeġġ riservat għall-persuni b'abilitajiet differenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 211502 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrasturttura u l-Proġetti Kapital u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ser ikun hemm spazju għall-parkeġġ tal-karozzi, muturi u parkeġġ riservat għall-persuni b’abiltajiet differenti (numru preċiz) ġaladarba jkun lest il-proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa, liema proġett tħabbar ftit tal-jiem ilu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett mistenni jħalli l-faċilitajiet kollha li hemm preżenti bħalissa fil-pjazza.
Il-Magħtab — bini tal-Inċineratur - effetti fuq il-baħar tal-madwar
Question
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21156 dwar studju fuq l-effett fuq il-baħar tal-madwar li ser iħalli l-bini tal-inċineratur fiż-Żona tal-Magħtab, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju relatat ma’ dan is-suġġett u fl-istess waqt jindika liema hi “l-aqwa teknoloġija disponibbli” li Wasteserv ser tkun qed taddotta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħala parti mit-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 21156, poġġejt diġà fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ sommarju eżekuttiv ta’ sittin faċċata li, fost l-oħrajn, jitratta l-ekoloġija martittima, l-istudju ta’ qiegħ il-baħar u l-kunsiderazzjonijiet li ttieħdu sabiex jiġi ddisinjat pipeline apposta li jassigura li l-ambjent marittimu ma ssirlux ħsara bil-ħruġ ta’ ilma sħun. Irrid nispjega li, kuntrarju għal dak li kien sar meta nbniet l-ewwel power station f’Delimara, fejn l-ilma sħun beda jiżbokka max-xatt tal-Ħofriet, l-outfall tal-impjant tal-Waste to Energy hu propost li jkollu tul ta’ kilometru u li jkun mgħammar ukoll b’diffuser apposta sabiex, anke bil-kurrent tal-baħar, issir l-aqwa dispersion possibbli. Ir-rotta proposta għall-pipeline kienet suġġetta wkoll għal analiżi batimetrika sabiex għal darboħra l-impatt ambjentali ikun minimu.
Minbarra s-sommarju msemmi, kif anke spjegajt fit-tweġiba li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, l-istudji voluminużi li diġà saru huma disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (https://era.org.mt/era-project/pa03012-20/).
F’dawn l-istudji, fir-rigward tal-effetti fuq l-ambjent marittimu, wieħed jista’ jikkonsulta erba’ dokumenti ewlenin. Dawn huma msejħa (i) AA (Appropriate Assessment), (ii) Volume 1 Coordinated report: Environmental Impact Assessment, (iii) Volume 2 Non-technical summaries (Maltese & English) u (iv) Volume 3 Appendices: Appendix VI Ecology. F’dak li jikkonċerna l-għażla tat-teknoloġija l-istudju pertinenti huwa l-EIA Coordinated Report, li f’sezzjoni 4.3 jitratta t-teknoloġiji alternattivi.
Environment Impact Assessment mill-Wasteserve dwar il-bini tal-inċineratur fil-Magħtab
Question
B’referenza għan-nuqqas ta’ risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21154 jista’ l-Ministru jindika min ser jerfa’ r-responsabbilità politika u amministrattiva dwar in-nuqqas ta’ due diligence li saret mill-Wasteserv dwar l-għażla tal-kumpanija/persuna sabiex jagħmel il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (EIA) dwar l-inċineratur fil-Magħtab, liema għażla fissret spiża addizzjonali fuq il-poplu Malti tal-inqas €10,000 u dan li wara sar magħruf li kien hemm kunflitt ta’ interess?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li, dwar il-każ li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, ġiet ippreżentata fil-Qorti ittra ġudizzjarja. Għaldaqstant, f’dan l-istadju, ma nħossx li jkun għaqli li nżid kummenti oħra mat-tweġiba li diġà tajt għall-mistoqsija parlamentari 21154.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21158 u jindika kemm żdied l-ammont ta’ ħaddiema li hemm jaħdmu mal-kumpanija Wastserv, xahar b’xahar, bejn Jannar 2017 u April 2021?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. interpellant li t-tagħrif jingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21153 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jindika kemm ġej jiswa l-proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa, liema proġett tħabbar ftit tal-jiem ilu?
Xogħol illegali f’Kemmuna – investigazzjoni tal-Ombudsman – passi kontra uffiċjali
Question
B’referenza għad-dokument b’rabta mal-investigazzjoni li għamel l-Ombudsman fuq xogħol illegali li sar fuq Kemmuna u li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, u li kopja tiegħu ntbagħtet dirett lill-Prim Ministru, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’passi ser jieħu fil-konfront tal-uffiċjali responsabbli fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar li naqsu li jieħdu r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman liema nuqqas ta’ azzjoni fissret ksur ta’ liġi u ħsara irreparabbli fuq dan is-sit protett (Natura 2000)? Jista’ jgħid ukoll min ser jerfa r-responsabilità politika għal dan in-nuqqas serju li l-protagonisti f’din il-ħsara kollha mwettqa, kienu entitajiet governattivi?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Aġenzija tal-Għajnuna Legali – lista ta’ ħlasijiet
Question
B'referenza għar-risposta li l-Ministru ta għall-mistoqsija parlamentari 18003 fis-seduta tad-19 ta' Jannar 2021, jista' l-Ministru jagħti lista sħiħa tal-ħlasijiet kollha illi wettqet l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali matul l-2020 u mhux biss il-ħlasijiet li saru lill-avukati? Jista' jagħti l-istess lista għall-ħlasijiet li saru s'issa matul din is-sena?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara għal liema tip ta’ ħlasijiet qed jirreferi. L-Onor. Interpellant jifhem li din it-tip ta’ informazzjoni tirrikjedi ħafna ħin u ri¿orsi sabiex tinġabar, għaldaqstant ir-riżorsi umani limitati li għandna jistgħu jintużaw aħjar.
B'referenza għar-risposta li l-Ministru ta għall-mistoqsija parlamentari 18002 fis-seduta tad-19 ta' Jannar 2021, jista' l-Ministru jgħid kif intgħażel l-avukat li qed jagħmel il-ġurijiet u ż-żewġ avukati tal-għajnuna legali li qed jagħmlu l-appelli? Jista' jindika jekk dawn l-avukati humiex qed jaqdu dmirijiet oħra fi ħdan l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali barra dawk indikati fir-risposta msemmija u jekk ir-rimunerazzjoni ndikata fl-istess mistoqsija hijiex addizzjonali għal dik normalment dovuta lilhom bħala avukati tal-għajnuna legali? Jista' jindika għala nħasset il-ħtieġa illi jinħatru żewġ avukati tal-għajnuna legali speċifikament għall-appelli meta sa ftit ilu r-rikors tal-appell kien dejjem ir-responsabilità tal-avukat tal-għajnuna legali li jkun assista lill-akkużat fil-prima istanza?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, b’referenza għall-mistoqsija parlamentari 18002, li l-avukati li temporanjament qed jagħmlu l-ġurijiet u l-appelli kriminali ntagħżlu minn fost l-avukati tal-għajnuna legali li huma fuq il-lista uffiċjali. Dawn it-tliet avukati għandhom kuntratti speċifiċi sabiex jagħmlu dan ix-xogħol addizzjonali hekk kif ddetaljat fit-tabella t'hawn taħt.
Peress li l-avukati tal-għajnuna legali huma kollha b’kuntratt għas-servizz legali u jitħallsu remunerazzjoni għad-doveri tagħhom, inħasset il-ħtieġa li sabiex ix-xogħol isir aktar b’mod għaqli u professjonali, jinħatru żewġ avukati sabiex ilaħqu mad-domanda ta’ klijenti li jirreferu sabiex jappellaw mis-sentenzi tal-prima istanza. Minn April 2020 ġew assenjati madwar 94 appell kriminali bejnithom. Il-prassi minn dejjem kienet li l-appelli kriminali isiru mill-Avukat Kap u preżentament qed jagħmluhom dawn iż-żewġ avukati maħtura għal dan il-għan.
Xogħol prinċipali tal-għajnuna legali
Xogħol Addizzjonali
Ħlas għax-xogħol addizzjonali fix-xahar
Avukat fuq ir-roster tal-Qorti tal-Maġistrati u jiġi assenjat ukoll kawżi ċivili skont it-turn tar-Reġistratur tal-Qorti Ċivili.
Ġurijiet, patteġjamenti, laqgħat mal-klijenti, kull kitba ta’ atti legali, rappreżentanza u sottomissijiet orali fil-Qorti.
€1,000
Avukat fuq ir-roster tal-Qorti tal-Maġistrati u tiġi assenjata ukoll kawżi ċivili skont it-turn tar-Reġistratur tal-Qorti Ċivli.
Appelli kriminali: laqgħat mal-klijenti, kitba tal-appelli u kitba t’atti legali kollha u rappreżentanza fil-Qorti w assistenza lill-avukat tal-għajnuna legali li jirrapreżenta klijenti fil-ġurijiet.
€800
Avukat addett mal-Aġenzija tal-għajnuna legali li tara klijenti eleġibbli għas-servizz dwar it-test tal-meritu kemm f’kawżi ċivili w anke dawk kriminali; tagħmel riċerka dwar il-każijiet tal-klijenti skont il-ħtieġa u tippreżenta atti meħtieġa f’isem l-Aġenzija.
Appelli kriminali: laqgħat mal-klijenti, kitba tal-appelli u kitba t’atti legali kollha u rappreżentanza fil-Qorti w assistenza lill-avukat tal-għajnuna legali li jirrapreżenta klijenti fil-ġurijiet.
€800
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu l-esperti mqabbdin mill-Qorti tal-Maġistrati bħala qorti inkwirenti, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex, sena b'sena, mill-2013 'l hawn?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
L-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-25 ta’ Mejju 2021 tinsab fit-tabella t'hawn taħt.
Sena
Esperti Lokali (€)
Esperti Barranin (€)
Total (€)
2013
1,377,949.00
47,498.00
1,425,447.00
2014
1,174,277.00
21,874.00
1,196,151.00
2015
1,282,404.00
37,895.00
1,320,299.00
2016
1,256,719.00
47,172.00
1,303,891.00
2017
1,672,450.00
780,310.00
2,452,760.00
2018
1,998,641.00
1,486,755.00
3,485,396.00
2019
2,064,171.00
5,773,025.00
7,837,196.00
2020
3,133,440.00
6,566,013.00
9,699,453.00
Sal-25 ta’Mejju 2021
1,588,586.00
1,829,882.00
3,418,468.00
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi drittijiet pensjonabbli għandhom is-Segretarji Permanenti u liema hu l-artiklu relevanti tal-liġi illi jipprovdi għal tali pensjoni?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għal Għawdex – direct orders awtorizzati mis-Segretarju Permanenti
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-"direct orders" kollha li ġew awtorizzati mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħu, sena b'sena, mill-2010 sal-2020?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tiġi ppubblikata fuq il-Gazzetta tal-Gvern skont l-Artikolu 111(2) tar-Regolamenti tal-2016 dwar l-Akkwist Pubbliku.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk ir-residenti kollha fid-Djar Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità, għandhomx programm personali ta’ sapport? Jekk iva, dan il-programm jingħata kopja lil kull resident, kif ukoll il-qraba tiegħu/tagħha? Meta se jiġi rivedut dan il-programm personali ta’ sapport?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport toffri servizz individwalizzat lill-persuni b’diżabilità kollha inkluż dawk fid-djar residenzjali. Dawn il-pjanijiet ikunu mħejjija skont il-bżonnijiet u n-neċessitajiet tal-persuna u ċ-ċirkustanzi tal-każ. Kopji tal-ftehim huma aċċessibbli, kif obbligat, għall-klijenti tal-Aġenzija.
Il-programm personalizzat jiġi diskuss u mħejji wara konsultazzjoni mal-persuna b’diżabilità u l-familjari. Dan ukoll huwa b’konformità mal-istandards fil-provvediment ta’ servizzi ta’ ħarsien soċjali maħruġa mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA), li l-Aġenzija Sapport hi kommessa li żżomm magħhom.
Il-programmi li jkunu ġew identifikati għal persuna b’diżabilità, jiġu riveduti b’mod regolari u skont il-progress li l-klijent ikun qiegħed jagħmel jew bżonnijiet ġodda li jiġu identifikati.
Jista’ l-Ministru jindika fejn huma allokati ċ-Ċentri ta’ Riżorsi fil-komunità li issa jaqgħu taħt l-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u fil-Komunità? X’inhuma l-ħinijiet li jkunu miftuħa iċ-Ċentri kollha?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant, sabiex jirreferi għat-tweġiba parlamentari li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 21328.
Tista’ l-Ministru tindika kemm għandna Youth Cafes u minn fejn qed joperaw fil-preżent? Fiex jikkonsisti dan is-servizz?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Fil-preżent Aġenzija Żgħażagħ topera 3 Youth Cafes fl-Imsida, Santa Venera u l-Kottonera. Il-Youth Cafes joffru spazju alternativ u rikreativ kif ukoll sapport għaż-żgħazagħ bejn t-13 sa 25 sena. Dawn ż-żgħazagħ jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom ma sħabhom f’post sikur, jiskopru jew jtejbu t-talenti tagħhom kif ukoll jiżviluppaw il-ħiliet soċjali u personali tagħhom.
Jista’ l-Ministru jindika xi proġetti saru u x’se jsiru din is-sena mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fil-lokalità ta’ Marsaskala?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20893. Ninfurmah ukoll li apparti li bejn l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u l-Kunsill Lokali hemm relazzjoni kollaborattiva kontinwa fuq interventi, l-MTA qed tħares li jkun hemm viżjoni aktar fit-tul u għalhekk għadu kemm ġie mniedi Design Contest bil-għan li jitfassal pjan ħolistiku għar-riġenerazzjoni ta’ parti ċentrali ta’ Wied il-Għajn.
Kunsilli Lokali Marsaskala: Sistema ta’ records ta’ ilmenti/suġġerimenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala żżommx records ta’ ilmenti/suġġerimenti li jressqu r-residenti? X’għandu jagħmel resident jekk ikollu xi ilment/suġġeriment li jrid iressqu quddiem il-Kunsill Lokali?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li j¿omm rendikont ta kull ilment, u qiegħed jippjana sabiex idaħħal software speċjalizzat. Kull ilment li jirċievi jaġixxi fuqu. Fir-rigward ta’ ilmenti li jitressqu għall-attenzjoni ta’ enitajiet oħra, il-Kunsill ikollu rekords tal-emails formali. L-ilmenti li jikkonċernaw xogħol li jinvolvi l-ħaddiema tal-Kunsill isir fi żmien massimu ta’ ġimgħatejn. Jekk xi ħadd ikun irid iressaq xi lment/suġġeriment għall-attenzjoni tal-Kunsill, jista’ jagħmel dan billi jikteb fuq l-email ġeneriku tal-Kunsill Lokali.
Jista’ l-Ministru jgħid x'qed isir ġewwa Triq il-Prinjol Santa Luċija Malta? Jistax ukoll jindika kemm ilu jsir u kemm huwa previst li ser jiġi jiswa?
Response (BORG, IAN)
F’Jannar li għadda Infrastructure Malta tat bidu għal proġett ta’ €2.5 miljun biex tibni mill-ġdid aktar minn żewġ kilometri ta’ toroq residenzjali f’Santa Luċija u ttejjeb il-belvedere li jħares fuq il-Wied ta’ Garnaw, b’mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti.
Wara li tejbet l-aċċessi ewlenin għal din il-lokalità bil-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa fl-2019 u bil-proġett taż-żewġ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, li tlesta f’Jannar li għadda, l-aġenzija qed tikkollabora mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija biex tibni mill-ġdid diversi toroq f’din il-lokalità. Ix-xogħlijiet prinċipali tal-proġett jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ tliet toroq residenzjali twal li jmissu ma’ xulxin - Dawret it-Torri, Triq il-Prinjoli u Triq Katerina Vitale - li jestendu kważi żewġ kilometri mal-ġenb tal-Wied Ta’ Garnaw.
F’dawn it-toroq, Infrastructure Malta qed tgħaddi minn taħt l-art pajpijiet ġodda tal-provvista tal-ilma, katusi tad-drenaġġ u oħrajn għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita, kif ukoll pajpijiet għall-cables tal-Internet u telekomunikazzjonijiet oħra. Fejn meħtieġ, se ssaħħaħ ukoll il-pedamenti tat-toroq u tibni bankini ġodda, qabel ma tlestihom b’wiċċ ġdid bl-asfalt u tlesti xogħlijiet ta’ tisbieħ ieħor fl-istess inħawi.
It-titjib tal-belvedere tul medda ta’ kilometru fuq ix-xaqliba tan-nofsinhar ta’ Dawret it-Torri u Triq il-Prinjoli se jinkludi mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti u żoni msebbħin b’diversi siġar ġodda. Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija f’kolloaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta, iddisinja mill-ġdid din iż-żona mħaddra biex joħloq spazju ta’ rikreazzjoni għar-residenti u rotta aktar sigura għaċ-ċiklisti u dawk li jgħaddu mill-inħawi bil-mixi. Fl-2020, Infrastructure Malta ħawlet bosta siġar maturi f’partijiet differenti ta’ dan il-belvedere. L-aġenzija qed tkompli tieħu ħsieb dawn is-siġar u se tkompli ssebbaħ l-inħawi bit-tħawwil t’aktar siġar indiġeni u arbuxelli.
B’hekk, filwaqt li f’dawn it-tliet toroq qabel kien hemm biss bankina, issa se jkun hemm ukoll korsija sigura li tista’ tintuża miċ-ċiklisti wkoll, b’veduti sbieħ tal-wied. Id-disinn ta’ partijiet minn dawn it-toroq u tal-korsija għar-roti u l-mixi ġdida qed jiġu kontinwament diskussi mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija, li għamel id-disinn oriġinali. Infrastructure Malta infurmata li minn naħa tiegħu, il-Kunsill Lokali qed jikkonsulta r-residenti konċernati sabiex jiġi żgurat li dan l-investiment multi-miljunarju f’din il-lokalità verament iwassal għal ambjent aħjar u infrastruttura aktar sigura u sostenibbli għal dawk kollha li jgħixu, jaħdmu u jivvjaġġaw f’Santa Luċija.
Permezz tal-istess proġett, Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid ukoll toroq oħrajn fil-viċin, fosthom Triq Klematis, Triq Dun M. Mifsud, Triq il-Ġjaċinti, Triq Stella Maris, Triq it-Tulipan u Triq iċ-Ċikwejra. Fl-aħħar sentejn, permezz tal-proġett nazzjonali mifrux fuq seba’ snin għall-bini mill-ġdid tat-toroq residenzjali, l-aġenzija bniet mill-ġdid toroq oħrajn f’din il-lokalità, bħalma huma Triq Bruka, Triq il-Ġiżimin, Triq Żnuber u Triq Gardenja.
Jista’ l-Ministru jgħid, jekk dejjem hu informat, x’qed isir ġewwa Triq il-Prinjol Santa Luċija Malta? Jistax ukoll jindika kemm ilu jsir u kemm huwa previst li ser jiġi jiswa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta' Santa Luċija li fi Triq il-Prinjol ser issir il-bankina wisa' ta' tlett metri għal promenade u possibbilment t-triq tibqa two-way jekk tibqa’ tiflaħ. Fir-rigward ta kemm ilu jsir u kemm hu previst li jiswa x-xogħol imsemmi, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.