Id-Disa’ Distrett Elettorali – persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni residenti fid-Disa’ Distrett Elettorali li qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru? Kemm kien hemm fl-2019 u fl-2020? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel? Jista’ jipprovdi n-numru għal kull lokalità?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, għandek issib in-numru ta’ nisa u rġiel, li huma residenti fid-Disa’ Distrett Elettorali u li qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru sal-aħħar ta’ Diċembru 2019 u Diċembru 2020.
Id-Disa’ Distrett Elettorali – użu minn kull librerija pubblika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar użu minn kull librerija pubblika rispettivament fid-Disa’ Distrett Elettorali fl-2018, 2019 u 2020?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Malta Libraries li l-uzu tal-librerija pubbliċi fid-Disa’ Distrett Elettorali hu kif ġej:
Lokalità
Kotba mislufa 2018
Kotba mislufa 2019
Kotba mislufa 2020
Għargħur
3910
3117
2502
Msida
11838
11194
9910
San Ġwann
8856
7531
4091
Fil-lokalitajiet ta’ Swatar, Kappara, Madliena u Ta' Xbiex ma hemmx librerija pubblika.
Id-Disa’ Distrett Elettorali – toroq li ser ikunu asfaltati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li ser ikunu asfaltati din is-sena fid-Disa’ Distrett Elettorali?
Response (BORG, IAN)
Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.
Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq oħra.
Fil-lokalità tal-Imsida diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Trejqa Boxbox, Triq Giorgio Mitrovich, Triq Ħwann Mamo, Triq is-Sarġ u Triq is-Snajja, waqt li fix-xhur li ġejjin se jitlestew xogħlijiet f’Bieb it-Torri, Triq ta' Xmiex, Triq it-Torri, Triq Tal-Qroqq, Triq Nazju Falzon u Triq Zamenhof.
Fil-lokalità ta’ San Ġwann diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq ġdida fi Triq Albert Mayr, Triq G Despott, Triq iċ-Ċawsli, Triq il-Ġojjin, Triq il-Mensija, Triq iż-Żebbuġ, Triq Prepostu, Triq Wied Għollieqa u Vjal ir-Riħan, waqt li fix-xhur li ġejjin se jitlestew xogħlijiet fi Triq bla isem bejn Triq Taż-Żwejt u Triq Sir Anthony Mamo, u Triq in-Naxxar.
Fil-lokalità tal-Għargħur diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Caravaggio, Triq bla isem fi Triq Santa Katerina, Sqaq Santa Marija taż-Żellieqa, Sqaq il-Qiegħed, Sqaq il-Ħofra, Sqaq iċ-Ċawl, Sqaq fi Triq il-Ferħa, Triq Dun Karm Vella, Triq l-Indipendenza, Triq Santa Katerina u Triq Santa Marija taż-Żellieqa.
Fil-lokalità tas-Swieqi diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq il-Ġiebja, Triq il-Kejla, Triq ir-Ratal u Triq it-Tomna, waqt li fix-xhur li ġejjin se jitlestew xogħlijiet fi Triq l-Ilqugħ, Triq tal-Franċi¿, Triq it-Tiben u Triq Sant’ Andrija.
Fil-lokalità ta’ Ta’ Xbiex diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq l-Imradd u Vjal Sir Temi Zammit waqt li fix-xhur li ġejjin se jitlestew xogħlijiet fix-Xatt ta’ Xbiex u Triq Abate Rigord.
Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq se jissokta fis-snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19975 u jgħid liema xogħol sar fuq ix-shooting range taż-Żebbuġ, Għawdex f’dawn l-aħħar erba’ snin? Kemm sewa dan ix-xogħol u jekk dan sarx b'direct order jew b’tender? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim dwar l-amministrazzjoni ta' din ix-shooting range mill-Gozo Clay Target Association? Jista’ jgħid kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu f'din ix-shooting range u min ħallas il-pagi ta' dawn il-ħaddiema, sena b'sena għal dawn l-aħħar erba’ snin? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' xogħlijiet hemm ippjanat li jsir fix-xhur li ġejjin f'din ix-shooting range?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma sar l-ebda ftehim dwar l-amministrazzjoni tar-Range mal-kumitat preżenti – Gozo Clay Target Association. Ix-xogħlijiet ippjanati huma infrastrutturali u tisbieħ tal-post. Il-bqija tal-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 21006 – Żebbuġ Għawdex – shooting Range – xogħol - papers laid.pdf
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19573 u jgħid kemm ingħataw contracts of service mill-Ministeru tiegħu inkluż mid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Jannar 2020 sal-lum? Jista’ jagħti wkoll dettalji dwar it-tul ta’ żmien ta’ kull kuntratt, is-servizzi li ngħataw kif ukoll il-pakkett finanzjarju u perkaċċi oħra fir-rigward ta’ kull tali kuntratt?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hemm għoxrin persuna ngaġġata fuq contract of service, b’perjodi ta’ kuntratt ta’ sena, bl-eċċezzjoni ta’ persuna waħda, li l-kuntratt tagħha jintemm hekk kif ix-xogħol relatat ikun komplut. Il-ħlas tal-persuni konċernati, b’konformità mar-regolamenti tal-Gvern, hu skont id-dmirijiet li huma assenjati lilhom.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jispjega fiex tikkonsisti t-tender li ħarġet reċentement 'negotiated Procedure For The Management Of Historic Sites In Gozo' (CfT CA Unique ID: MG 137/2021)? Jista’ jgħid liema huma dawn il-Historic Sites ġewwa Għawdex u min fil-preżent u f'dawn l-aħħar xhur kien jieħu ħsiebhom u kemm kien qed jitħallas?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender li ħarġet reċentement 'Negotiated Procedure For The Management Of Historic Sites In Gozo' (CfT CA Unique ID: MG 137/2021), kienet tirreferi għal servizz tal-immaniġġjar għal siti storiċi f’Għawdex li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru għal Għawdex.
Dan it-tender intrebaħ minn Tal-Fuklar Folk Group, VO/0922 u l-valur tal- kuntratt hu għas-somma ta’ €230,424.82 u qiegħed għal perjodu ta’ sena.
Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta’ investimenti saru u fiex kienu jikkonsistu u kemm kien il-valur ġewwa l-bini tal-Cold Stores fix-Xewkija Għawdex mill-1 ta' Jannar 2020 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x'tip ta’ investimenti u fiex jikkonsistu u kemm hu stmat li jkun il-valur tagħhom u li hemm ippjanati li jsiru ġewwa l-bini tal-Cold Stores matul is-sena 2021?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2020 it-total ta` investiment fil-Cold Stores tax-Xewkija kien jammonta għal €99,229.94 imqassma kif ġej:
Ġeneratur Elettriku - €74,069.78 vat inkluża,
Magna li tipproduċi s-silġ - €25,160.16 vat inkluża.
Hemm ippjanati wkoll diversi xogħlijiet oħra li għandhom iwasslu għar-rinnovar komplet ta` dawn il-faċilitajiet użati mill-bdiewa u s-sajjieda.
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema impjegati mas-Servizz Pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar 2021 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm ħaddiema u xi grad, li huma impjegati jew ġew impjegati mas-Servizz Pubbliku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u li kellhom jew għad għandhom 'Contract for Service' mal-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Quotation għal ġarr ta’ makkinarji u materjal mill-Imġarr Għawdex għal Kemmuna
Question
B’referenza għal quotation li ħarġet reċentement mill-Ministeru tiegħu li hi 'Quotation for the Provision of Hiring Service of Barge with Pilot and Crew to be used to Transport Machinery and Material to and from Comino to Mġarr Harbour' jista’ l-Ministru jgħid min, f'dawn l-aħħar ġimgħat kien qed joffri dan is-servizz, fejn ħarġet is-sejħa biex jipprovdi dan is-servizz u kemm-il vjaġġ għamel mill-port tal-Imġarr għal Kemmuna u viċi-versa u kemm tħallas u b’liema rata tħallas s’issa biex ipprovda dan is-servizz u kemm fadallu jitħallas?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz kien qiegħed jingħata minn Polaris Marine Services Co. Ltd, u din kienet l-irħas offerta li nġabret permezz ta’ hand quotation. Is-servizz mitlub huwa għal 130 siegħa, liema servizz s’issa għadu ma tħallasx.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16163 u jgħid kemm qed jiswa fil-preżent l-inċineratur? Jista' jagħti break down ta' dawn l-ispejjeż u tal-kwantità ta' tunellaġġ li qed jiġi inċinerat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16193 u jgħid eżatt f’liema direttivi u liġijiet Ewropej konnessi mal-ambjent, pajjiżna ma laħħaqx mal-implimentazzjoni rikjesta u mitluba minnha? Fir-rigward ta’ dawn id-direttivi u liġijiet, jista' jelenka l-isem u n-numru ta’ liġi Maltija fejn kull waħda minnhom tapplika?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern Malti qiegħed jaħdem bis-sħiħ sabiex jassigura l-implimentazzjoni sħiħa tal-liġijiet ambjentali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu hemm numru ta’ allegat nuqqasijiet li ssarrfu f’każijiet ta’ ksur mill-Kummissjoni Ewropea minħabba nuqqasijiet fejn jidħlu s-setturi tal-arja/air, ilmijiet/water, natura/nature u skart/waste.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument dwar il-każijiet taħt il-kappa diretta tal-Ministeru tal-Ambjent.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16189 u jippubblika figuri li juri r-recycling performance ta' pajjiżna minn 2013 sa issa sena b’sena u jekk id-data neċessarja tal-waste streams tagħna dejjem kenitx available fil-ħin lill-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid jekk Malta jew qattx talbet u/jew ingħatat xi perjodu tranżitorju biex tilħaq dawn ir-recycling targets? Jista' jagħmel dan b’mod komparattiv mal-istati membri ġodda li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-istess żmien tagħna?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – PR u media events organizzati
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16200 u jgħid mill-2017 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?
Response (FARRUGIA, AARON)
Kif l-Onor. Interpellant huwa żgur konxju t-tagħrif speċifiku mitlub diffiċli li jinġabar mingħajr ma jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati. Ninfurmah li l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili spiss tinvolvi xogħol u materjali li jintużaw aktar minn darba, speċjalment f’kampanji li jtulu. L-ispejjeż ivarjaw għal kull attività.
Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru – miżuri minħabba l-COVID-19
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19757 u jgħid x’inhuma l-miżuri li ttieħdu fl-uffiċini kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu sabiex jiġi assigurat li l-periklu ta' infezzjoni tal-COVID-19 jitnaqqas eżempju b'użu ta' screens bejn l-iskrivaniji u l-obbligu tal-ilbies tal-maskri inkluż f'dawk l-uffiċċji li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku?
Response (ABELA, CARMELO)
Nassigura lill-Onor. Interpellant li qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji, skont id-direzzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa biex jiġi assigurat li l-periklu ta’ infezzjoni jitnaqqas.
Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru – sanitizzazzjoni ta’ uffiċċji
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19758 u jgħid x’prekawzjonijiet qed jittieħdu sabiex l-uffiċini jiġu sanatizzati? Ingħataw xi direct orders biex dan isir?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċini jiġu sanatizzati kull darba li jkun hemm ħtieġa. Ingħatat direct order waħda minħabba l-urġenza tal-każ.