Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16030 u 15930 u ċjoè: B’referenza għall-proposti relatati mal-imxija tal-COVID-19 li ressqet l-Oppożizzjoni b’rabta mal-għajnuna lill-għaqdiet u klabbs sportivi, tista’ l-Ministru tikkonferma jekk dawn l-istess għaqdiet u klabbs sportivi humiex se jkunu qed jibbenefikaw minn tnaqqis/sussidju/eżenzjoni fuq ħlasijiet relatati ma’ affiljazzjoni kif ukoll minn ħlasijiet fuq kirjiet dovuti lil Sport Malta?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel referenza għal Mistoqsija Parlamentari 17952.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16090 u 16052 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji u li issa ġiet riferuta lilu u jindika għal liema raġuni, minn wara li ntemmet l-emerġenza medika b’rabta mal-imxija tal-COVID-19, fergħat tal-Bank of Valletta fetħu fl-1 ta’ Lulju 2020 f’numru ta’ lokalitajiet iżda mhux l-istess ġara fil-lokalità tal-Mellieħa? Jista’ l-Ministru jindika jekk hux ser tinfetaħ jew le l-imsemmija fergħa u jekk iva meta hi d-data prevista li ser isir dan il-ftuħ?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-Bank of Valletta huwa bank privat fejn il-Gvern ghandu share żgħir. Għaldaqstant, il-Gvern ma jistax iwieġeb mistoqsijiet bhal dawn, f’isem is-Share Holders l-oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16094 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kollha relatati mal-inċineratur li l-Gvern qed jibqa’ jinsisti li jrid jagħmel fil-Magħtab u fl-istess waqt jgħid ukoll x’tip/mudell hu dan l-istess inċineratur li l-Gvern qed jgħid li se jibni u jindika jekk dan il-mudell hawnx bħalu f’xi pajjiż ieħor fid-dinja? Jekk iva, jista' jindika l-isem tal-pajjiż/i?
Response (FARRUGIA, AARON)
Fir-rigward tal-istudji relatati mal-impjant tal-Waste to Energy nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li diġà tajtu għal diversi Mistoqsijiet Parlamentari, fosthom 21310, 21157 u 21156. Irrid ngħid li, fuq dan il-proġett, il-Gvern kien dispost li jagħmel konsultazzjoni wiesa’ sa mill-bidu nett. Fil-fatt, lura f’Ottubru 2017, b’risposta għall-Mistoqsijiet Parlamentari 1478 u 1677, il-predeċessur tiegħi kien spjegalu, forst l-oħrajn, kif “il-Gvern appunta kumitat t’esperti mgħejjun minn tekniċi internazzjonali biex jagħtu l-pariri tagħhom dwar l-aħjar teknoloġija li għandha tiġi wżata u li l-Oppożizzjoni għażlet li ma tipparteċipax.” F’dak li jikkonċerna t-teknoloġija wżata, ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-Project Description Statement, li diġà huwa dokument pubbliku imma li xorta qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra, jispjega kif din il-faċilità se tkun waħda tat-tip “grate incineration”. Ninsab infurmat li din it-teknoloġija qed tintuża diġà f’diversi pajjiżi fosthom f’Singapore (Tuas Facility), fid-Danimarka (Amager Bakke Facility, f’Copenhagen u anke f’H¸rsholm), fir-Repubblika Irlandiýa (Covanta Facility f’Dublin), fir-Renju Unit (Trident Park Facility f’Cardiff) u anke f’Isle of Man.
kunsilli lokail — persuni li qed jaħdmu bit-telework
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16953 u jgħid kemm u liema huma dawk il-kunsilli lokali li fi ħdanhom, minħabba l-imxija tal-COVID 19 ‘għandhom ħaddiema li qed jaħdmu bit-teleworking jew xi miżura oħra simili (family measures) ?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi kif ġej:
Kunsill Lokali
Teleworking
Miżuri Oħra simili (
family measures
)
Il-Belt Valletta
8
Il-Gżira
3
Għajnsielem
1
Il-Ħamrun
1
Ta’ Kerċem
1
L-Imġarr
2
Il-Mosta
10
L-Imsida
1
Paola
1
Pembroke
1
Ħal Safi
2
San Ġiljan
1
San Pawl il-Baħar
3
Ta’ Xbiex
1
Ix-Xgħajra
4
Iż-Żurrieq
2
Applikazzjonijiet għal Housing Soċjali – lista ta’ stennija
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21164, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-lista ta’ stennija ta’ applikazzjonijiet għal housing soċjali fl-aħħar tal-2012 u fl-aħħar tal-2020? Jista’ jgħid ukoll, b’mod separat, jekk żdidux l-applikazzjonijiet fuq il-lista għal akkomodazzjoni soċjali?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2013, il-lista ta’ stennija li wiret dan il-Gvern kienet ta’ 2910 persuna.
Grazzi għall-ħidma li mbarkajna fuqha u d-diversi skemi li nidejna bħal tal-
equity sharing
, is-self soċjali u t-tisħiħ tal-benefiċċju tal-kera fost oħrajn, illum il-ġurnata il-lista ta’ stennija tinsab fl-inqas livell li qatt kienet u hemm 1,900 persuna.
Marsaskala – ħatra ta’ sottokumitat mingħajr approvazzjoni tal-kunsilliera
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li f'Marsaskala nħatar sottokumitat bla Termini & Referenza mingħajr approvazzjoni tal-kunsilliera bit-titlu ta' "Sotto Kumitat għal Riġenerazzjoni ta' Marsaskala" u li l-membri tiegħu qed jagħmlu laqgħat ma' entitajiet bl-iskop aħħari jkun li jifformulaw direzzjonijiet tat-traffiku ġodda?
Nitlob konferma jekk f'dan l-istess sottokumitat kienx jew hux kompost fost oħrajn minn:
1. Uffiċjali f'dekasteri ministerjali
2. Kandidati politiċi
3. Żviluppaturi b'applikazzjonijiet f'Marsaskala
4. Residenti Skalin
5. NGOs
6. Operaturi ta' negozji f'Marsaskala
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21406 u 21300 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21100, tista’ l-Ministru tgħid:
1. f’liema postijiet rurali twaħħlu arbli tad-dawl (lighting poles) ġodda, fejn qabel ma kenux installati? u
2. l-2790 arblu li twaħħlu, kemm koprew kilometri?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21422, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jiċċara jekk fil-fatt hux qed jiġi kkontemplat id-dħul fil-formularju tal-mediċini, ta’ mediċina simili għax-Xeralto, imma mhux neċessarjament hi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern beda’ l-proċess biex dawn it-tip ta’ mediċini jidħlu fil-formularju.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21423, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta huwa maħsub li jitlesta x-xogħol kollu ta’ tkabbir taċ-Ċimiterju tal-Addolorata?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 21423.
Peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20926 ma’ tpoġġa ebda dokument fuq il-Mejda tal-Kamra, imma l-Ministru wieġeb li ser ipoġġi dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra f’seduta oħra, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi dan il-ftehim kif mitlub fil-mistoqsijiet parlamentari 21424 u 20926?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 21424.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21425, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-imsemmi maintenace agreement? Jista’ jgħid ukoll xi ħlas qed jintalab lil-pubbliku fejn jidħol użu, tindif u maintenance tal-oqbra fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata?
Response (FEARNE, CHRIS)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 21424, ninfurmaha ukoll illi rigward għall-użu, tindif u manutenzjoni tal-oqbra fiċ-ċimiterju tal-Addolorata is-segwenti huma il-ħlas li jintalab skont Avviż Legali 353 tal-2018:
Ħlas (€)
inkl. tal- VAT
Għal eżumazzjoni u/jew għat-trasferiment ta' fdalijiet fl-ossarju fl-istess qabar, jew għat-trasferiment tal-fdalijiet fl-ossarju komunali jew fl-ossarju użat għal dak il-qabar
59.00
Għal tindif ta’ qabar
47.20
Għat-tneħħija ta' fdalijiet minn qabar għal qabar ieħor fl-istess ċimiterju
47.20
Għat-tneħħija ta' fdalijiet minn qabar għal qabar ieħor f’ċimiterju ieħor
88.50
L-imsemmija drittijiet huma applikabbli fuq kull dritt li jista’ jkun pagabbli fuq kull katavru u ma jinkludux kull dritt li jista' jkun pagabbli lill-Pulizija jew awtorità kompetenti oħra għal permessi relatati ma' dfin jew eżumazzjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija 21427 li oriġinarjament sart lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li Malta poġġiet lil ċertu pajjiżi fuq green light, fosthom hemm xi pajjiżi li għandhom bżonn visa biex jidħlu, jista’ l-Ministru jgħid x’arranġamenti hemm?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Il-ħtieġa ta' viża sabiex tiġi Malta hija regolata minn Regulation (EU) 2018/1806. Persuni li qegħdin fuq listi maħruġa mill-Ministeru għas-Saħħa u li ġejjin minn dawk il-pajjiżi li qegħdin elenkati f'annex 1 ta' dan ir-regolament għandhom bżonn viża.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21408 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jara s-sit ta’ fejn qed isir il-bini biswit il-flats li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament li jinsabu fi Triq Amery f’Tas-Sliema peress li r-residenti qed jirraportaw li hemm periklu kbir fi djarhom? Jista’ jassigura li m’hemmx problemi fis-sit u li kollox miexi kif suppost anke jekk illum ingħataw xi tibdil fil-pjanti? Jista’ jassigura lil kulħadd li m’hemmx perikli? Min se jieħu responsabilità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li, fir-rigward tal-iżvilupp li qed isir fi Triq Amery f’Tas-Sliema, biswit il-flats li d-dettalji dwarhom ingħataw separatment, saru diversi spezzjonijiet mill-Awtorità responsabbli mill-Bini u l-Kostruzzjoni, li anke waqqfet ix-xogħlijiet aktar minn darba sakemm saru l-verifikazzjonijiet meħtieġa. Fost l-oħrajn dawn il-verifikazzjonijiet kienu jinkludu interazzjoni mal-Uffiċjal Tekniku fuq is-sit, biex tiġi żgurat li x-xogħlijiet ikunu konformi mad-dikjarazzjoni tal-metodu, u anke mal-Perit responsabbli, li ntalab jidentifika l-miżuri li ttieħdu kontra danni għal terzi persuni. F’dawk li huma responsabbiltajiet, il-liġijiet pertinenti jgħabbu lill-Perit li jħejji d-dikjarazzjoni tal-metodu bir-responsabbiltà professjonali, filwaqt li l-infurzar tat-tali dikjarazzjoni huwa fir-responsabbiltà tal-Uffiċjal Tekniku fuq is-sit. Min-naħa tiegħu il-kuntrattur huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri li tipprovdi għalihom id-dikjarazzjoni tal-metodu.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21462 li saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, 21463 li saret lill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija u 21464 li saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġew riferuti lilu u ċjoè B’referenza għar-ritratti li jinsabu annessi, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li fix-Xatt ta’ Spinola, San Ġiljan, fejn biswit hemm lukandi ta’ 4 u 5 stilel, inħallu nġenji sbieħ, kkuluriti u Maltin, minflok dawk li qed jidhru fir-ritratti, biex il-post ikun ta’ kwalità kif mixtieq?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan li f’din iż-żona hemm by-law tal-Kunsill biex tikkontrolla l-aċċess. Bħalissa hemm CCTV camera kontrollata mill-LESA u qed isir wkoll installazzjoni ta’ barriers sabiex ikun hemm sorveljanza aħjar għall-aċċess. Din iż-żona kostantement tiġi mnaddfa u jitneħħa kull ingombru fosthom inġenji abbandunati.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19473, 19195, 18951 u 18392 u jgħid kif tinqasam ir-responsabilità tal-manutenzjoni - upkeep - taċ-Ċentru Ċiviku tal-Mosta bejn l-entitajiet kollha li qed jagħmlu użu minn din il-binja? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
a. il-kuntratt li l-Lands għandha mal-Kunsill Lokali tal-Mosta;
b. il-kuntratt tal-Lands mal-Pulizija;
c. il-kuntratt tal-Lands mad-Dipartiment tas-Saħħa;
d. il-kuntratt tal-Lands mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali; u
e. jekk hemm xi kuntratt ieħor ma' xi entità oħra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Oner. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika l-għanijiet tal-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa Mentali u x’qiegħed isir biex dawn l-għanijiet jintlaħqu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed nerga inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa Mentali. Dan diġa kien tpoġġa fuq il-mejda tal-kamra fis-seduta 249, tas-17 ta’ Lulju tal-2019.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm hemm professjonisti neqsin fil-qasam tas-saħħa mentali fil-preżent f’pajjiżna? Xi professjoni jħaddnu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 543 professjonist jagħti s-servizzi tiegħu fil-qasam tas-Saħħa Mentali. Peress illi qiegħed isir żvilupp kbir f’dan il-qasam, il-compliment tal-professjonisti qiegħed dejjem jiżdied.
Għajnuna lill-familji ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’sapport qiegħed jingħata lill-familji li jieħdu ħsieb xi membru tal-familja tagħhom, li għandu problema ta’ saħħa mentali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Occupational Therapists li jaħdmu fil-komunita’ joffru tagħrif, pariri u sapport professjonali lill-familjari ta' klijenti li jużaw dawn is-servizzi. Dawn isiru l-iktar fuq bażi individwali peress li jingħata servizz li jiffoka fuq il-persuna. Is-sessjonijiet jingħataw face-to-face, bit-telefon jew online.
L-Occupational Therapists li jaħdmu fil-komunita’ jiġu nvoluti (skont l-imxija tal-Covid-19 u pariri tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika) fi gruppi ta’ tagħrif u tagħlim, pero ma jsirx biss mal-familji li jibbenfikaw mis-servizzi tagħna. Fuq il-punti tal-istrateġija nazzjonali, l-Occupational Therapists qed jaħdmu biex jilħqu kemm jista’ jkun familji u dan qed isir permezz ta’ webinars online, li jsiru darba f’xahar u huma miftuħin kemm għal-service users u l-familjari tagħhom, kif ukoll għall-pubbliku. Isir ukoll kollaborazzjoni ma’ diversi NGO’s biex il-qraba jingħataw pariri u tagħlim professjonali.
Il-qraba ta' persuni b'diffikulta’ ta' saħħa mentali, skont il-bżonn, u kemm jista' jkun f'ħidma terapewtika id f'id mal-pazjent:
- jiġu mistiedna għall-ward round
- jiġu riferuti għas-servizz tal-qraba fl-Isptar Monte Carmeli
- jingħataw tagħrif dwar l-għaqdiet mhux governattivi, bħal Mental Health Association
- jingħataw appoġġ u gwida mill-occupational therapist, b'kollaborazzjoni ma' membri oħra tat-tim multidixxiplinarju
- qraba u out-patients għandhom il-faċilita li jagħmlu kuntatt telefoniku.
Minn naħa tad-Dipartiment tal-Psikoloġija jiġu offruti sessjonijiet ta' terapija psikoloġika lill-qraba tal-pazjenti li jkollhom bżonn jidħlu l-isptar Monte Carmeli. Jiġu offruti wkoll sessjonijiet ta' Family Therapy fejn ikun hemm bżonn. Minn Lulju ta’ din is-sena se jiġu offruti sessjonijiet f'ambjent ta' gruppi lill-familjari tal-pazjenti li jiddaħħlu l-isptar. Il-familjari tal-pazjenti li jirċievu l-kura fil-komunita' ukoll ikollhom l-opportunita' li jirċievu sessjonijiet ta' terapija psikoloġika jekk dawn ikunu jixtiequ. Id-Dipartiment tal-Psikoloġija flimkien mal-konsulent Psikjatra qed iħejju pjanijiet biex fiż-żmien li ġej jibda jiġi offrut ukoll sapport f'ambitu ta' grupp lill-qraba tal-pazjenti tal-Acute Wards ġewwa l-isptar Monte Karmeli.
Il-pazjenti li jirċievu l-kura fil-kliniċi tas-saħħa mentali fil-komunita, jiġu segwiti flimkien mal-familjari tagħhom skont il-ħtieġa u jingħataw ukoll sapport u sostenn bħala unit wieħed, dejjem jekk il-pazjent jagħti kunsens għal dan. Il-professjonisiti fejn hemm bżonn jirreferu wkoll l-membri familjari skont il-ħtieġa għas-servizz meħtieġ. Tingħata wkoll edukazzjoni fuq il-kundizzjoni mentali lil-familjari u kif dawn għandhom jassistu lil persuna qarib/a tagħhom u kif dawn jistgħu jgħinu lill-pazjent fil-management tal-mediċini li jkunu ġew preskritti mill-psikjatra kuranti.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17701, tista’ l-Ministru tgħid jekk ħarġitx sejħa pubblika ġdida biex jerġa’ jinbena l-Proġett Vajrita billi hemm lista twila ta’ stennija ta’ persuni li jixtiequ jirċievu s-servizzi taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum u tad-Djar Residenzjali?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ħarġu diversi sejħiet pubbliċi sabiex jibda x-xogħol fuq il-proġett u kien hemm diversi sottomissjonijiet. Fil-preżent għaddej xogħol amministrattiv dwar is-sejħa pubblika relatata mat-twaqqiegħ tal-binja. Sejħiet pubbliċi oħra għadhom mhumiex magħluqa. Sadattant il-persuni b’diżabilità kollha li kienu qed jirċievu servizz ta’ matul il-jum jew residenzjali mill-kumpless Vajrità qed jingħataw is-servizz meħtieġ minn binjiet oħra u għalhekk ma kienx hemm waqfa fl-għotja tas-servizzi lil dawn il-persuni.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18552 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jikkonferma li Jobsplus hija konxja li l-obbligu legali fuq min iħaddem u li joħroġ mill-Employment Relations Act huwa li l-employer ma jistax inaqqas xejn mill-paga dovuta lil ħaddiem/impjegat?
Response (ABELA, CARMELO)
Qabel xejn tajjeb li nirrimarka minħabba li fil-mistoqsija qed tissemma l-Jobsplus, li din mhux l-aġenzija responsabbli. Il-liġi tax-xogħol tpoġġi lid-DIER bħala d-dipartiment responsabbli. Għalhekk kien ikun xieraq li wara li din il-mistoqsija ġiet riferuta lill-Ministru konċernat, issir il-bidla anke fil-mistoqsija. Biss minħabba li s-suġġett huwa marbut ma’ kundizzjonijiet tal-ħaddiema, qed nagħti tweġiba kif ġej.
Artikolu 15 tal-Att Dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali jistipula li l-prinċipal ma’ għandu jagħmel ebda tnaqqis mil-paga ħlief meta jkun esspressament permess mid-dispożizzjonijiet tal-Att jew meħtieġ b’xi liġi oħra jew meta ordnat minn xi qorti kompetenti jew permezz ta’ ftehim li jkun sar bejn il-prinċipal u trade union li jirrapreżentaw lil impjegati.
Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg, permezz tal-operat tiegħu, jagħmel ħiltu biex jassigura li dawn il-provedimenti fil-liġi mhux qed jiġu miksura.